This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D0944
Commission Implementing Decision (EU) 2021/944 of 3 June 2021 on the extension of the periods for the collection of statements of support for certain European citizens’ initiatives pursuant to Regulation (EU) 2020/1042 of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2021) 3879) (Only the English text is authentic)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/944 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 3879) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/944 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 3879) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
C/2021/3879
ĠU L 210, 14.6.2021, p. 45–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 210/45 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/944
tat-3 ta’ Ġunju 2021
dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 3879)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2020/1042 jistabbilixxi miżuri temporanji fir-rigward tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej biex jiġu indirizzati l-isfidi li l-organizzaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ffaċċjaw wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret f’Marzu 2020 li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. Fix-xhur ta’ wara din id-dikjarazzjoni, l-Istati Membri adottaw miżuri restrittivi kontra l-kriżi tas-saħħa pubblika. B’riżultat ta’ dan, il-ħajja pubblika waqfet fi kważi l-Istati Membri kollha. Ir-Regolament (UE) 2020/1042 għalhekk estenda ċerti limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/788. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2020/1042 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex testendi ulterjorment il-perjodi ta’ ġbir bi tliet xhur f’ċerti ċirkostanzi. Il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri huma simili għal dawk li wasslu għall-estensjoni inizjali wara t-tifqigħa tal-COVID-19 f’Marzu 2020, jiġifieri li mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, li jxekklu b’mod sostanzjali l-abbiltà tal-organizzaturi li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma miktuba u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi li għaddejjin tagħhom. |
(3) |
Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1042 f’Lulju 2020, il-Kummissjoni ilha tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. |
(4) |
Fis-17 ta’ Diċembru 2020 (3), kif ukoll fid-19 ta’ Frar 2021 (4), il-Kummissjoni tat estensjonijiet oħra ta’ tliet xhur għal inizjattivi li kienu fil-proċess li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, wara l-valutazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali estensjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 ġew issodisfati. Ingħataw estensjonijiet proporzjonati għal inizjattivi li bdew il-perjodu ta’ ġbir tagħhom matul il-perjodi ta’ estensjoni. |
(5) |
Mill-1 ta’ Frar 2021, is-sitwazzjoni pandemika kkawżata mill-COVID-19 f’diversi Stati Membri ma nbidlitx b’mod sinifikanti. Sal-aħħar ta’ April 2021, għadd sostanzjali ta’ Stati Membri kien għad kellhom fis-seħħ miżuri li jirrestrinġu ċ-ċirkolazzjoni libera taċ-ċittadini fit-territorju tagħhom sabiex iwaqqfu jew irażżnu t-trażmissjoni tal-COVID-19. Fid-19 ta’ April, seba’ Stati Membri rrappurtaw li kienu qed japplikaw miżuri nazzjonali ta’ konfinament, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu b’mod sostanzjali l-libertà taċ-ċittadini li jduru liberament mat-territorju tagħhom, filwaqt li 12-il Stat Membru rrappurtaw li kienu qed japplikaw miżuri lokali ta’ konfinament. Dawk il-miżuri ta’ konfinament ġew ikkombinati ma’ miżuri addizzjonali b’effetti restrittivi simili fuq il-ħajja pubblika fit-territorju tagħhom jew mill-inqas partijiet sostanzjali minnu, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċessibbiltà ta’ spazji pubbliċi, l-għeluq jew il-ftuħ limitat ta’ ħwienet, ristoranti u pubs, restrizzjonijiet severi fuq il-kapaċità ta’ laqgħat u laqgħat pubbliċi u privati u l-impożizzjoni ta’ curfews. Dawk il-miżuri meħuda flimkien jaffettwaw ukoll b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma miktuba u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi kontinwi tagħhom. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, dawk il-miżuri, jew miżuri b’effett simili, x’aktarx li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur. |
(6) |
L-Istati Membri kkonċernati jirrappreżentaw mill-inqas kwart tal-Istati Membri, u aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. |
(7) |
Għal dawk ir-raġunijiet, jista’ jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ estensjoni tal-perjodi ta’ ġbir huma ssodisfati fir-rigward ta’ ħames inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir kien għadu għaddej fl-1 ta’ Mejju 2021. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-perjodi ta’ ġbir jiġu estiżi bi tliet xhur. |
(8) |
Fid-19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni tat estensjoni lil 14-il inizjattiva. Ma kienx possibbli għal disa’ inizjattivi li jibbenefikaw minn estensjoni ulterjuri, peress li kienu diġà bbenefikaw mill-estensjoni massima ta’ 12-il xahar. |
(9) |
Fil-każ ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir beda bejn l-1 ta’ Mejju 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-perjodu ta’ ġbir jiġi estiż sal-1 ta’ Awwissu 2022. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (“inizjattiva”) kien għadu għaddej fl-1 ta’ Mejju 2021, il-perjodu massimu ta’ ġbir għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ tliet xhur fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.
2. Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva jkun beda bejn l-1 ta’ Mejju 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2022 fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.
Artikolu 2
Id-dati l-ġodda tat-tmiem tal-perjodi ta’ ġbir għall-inizjattivi li ġejjin għandhom ikunu kif ġej:
— |
l-inizjattiva intitolata “VOTATURI MINGĦAJR FRUNTIERI, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-ċittadini tal-UE”: il-11 ta’ Ġunju 2022; |
— |
l-inizjattiva intitolata “Bidu tal-Introjtu Bażiku Inkondizzjonat (UBI) madwar l-UE”: il-25 ta’ Ġunju 2022; |
— |
l-inizjattiva intitolata “Libertà di condividere”: l-1 ta’ Awwissu 2022; |
— |
l-inizjattiva intitolata “Dritt għal Kura”: l-1 ta’ Awwissu 2022; |
— |
l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”: l-1 ta’ Awwissu 2022; |
— |
l-inizjattiva intitolata “Green Garden Roof Tops” (Bjut b’Ġonna Ekoloġiċi): l-1 ta’ Awwissu 2022. |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil:
— |
il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “VOTATURI MINGĦAJR FRUNTIERI, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-ċittadini tal-UE”; |
— |
il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Bidu tal-Introjtu Bażiku Inkondizzjonat (UBI) madwar l-UE”; |
— |
il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Libertà di condividere”; |
— |
il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Dritt għal Kura”; |
— |
il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”; |
— |
il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Green Garden Roof Tops” (Bjut b’Ġonna Ekoloġiċi). |
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 231, 17.7.2020, p. 7.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2200 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 434, 23.12.2020, p. 56).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/360 tad-19 ta’ Frar 2021 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 69, 26.2.2021, p. 9).