Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0812

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/812 tal-10 ta’ Mejju 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ u fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbiliti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ opinjoni favorevoli dwar il-pjan direzzjonali komprensiv approvat mill-Gvern tal-Georgia għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni relatata mal-akkwist pubbliku u li tirrikonoxxi t-tlestija tal-Fażi 1 tal-Anness XVI-B ta’ dak il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

    ST/7273/2021/INIT

    ĠU L 180, 21.5.2021, p. 147–148 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/812/oj

    21.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/147


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/812

    tal-10 ta’ Mejju 2021

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ u fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbiliti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ opinjoni favorevoli dwar il-pjan direzzjonali komprensiv approvat mill-Gvern tal-Georgia għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni relatata mal-akkwist pubbliku u li tirrikonoxxi t-tlestija tal-Fażi 1 tal-Anness XVI-B ta’ dak il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) kien ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/838 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

    (2)

    L-Artikolu 145(1) tal-Ftehim jistipula li l-Georgia għandha tissottometti pjan direzzjonali komprensiv lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku fil-Georgia bi skedi taż-żmien u miri importanti, li jrid jinkludi r-riformi kollha f’termini ta’ approssimazzjoni leġiżlattiva għall-acquis tal-Unjoni.

    (3)

    Skont l-Artikolu 145(2) tal-Ftehim, hija meħtieġa opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ sabiex il-pjan direzzjonali komprensiv isir id-dokument ta’ referenza għall-implimentazzjoni tal-approssimazzjoni leġiżlattiva tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia dwar l-akkwist pubbliku għall-acquis tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 146(2) tal-Ftehim, l-approssimazzjoni għall-acquis tal-Unjoni trid titwettaq f’fażijiet konsekuttivi kif stabbilit fl-iskeda fl-Anness XVI-B tal-Ftehim. L-implimentazzjoni ta’ kull fażi trid tiġi evalwata mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, u, sussegwentement għal valutazzjoni pożittiva minn dak il-Kumitat, trid tintrabat mal-għoti reċiproku ta’ aċċess għas-suq kif stabbilit fl-Anness XVI-B tal-Ftehim.

    (5)

    Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ huwa meħtieġ jadotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Georgia (3), li tagħti opinjoni rigward il-pjan direzzjonali komprensiv approvat mill-Gvern tal-Georgia kif ukoll valutazzjoni tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia għall-acquis tal-Unjoni sa issa fit-tlestija tal-Fażi 1 kif stabbilit fl-Anness XVI-B tal-Ftehim. Dak il-pjan direzzjonali ġie approvat mill-Gvern tal-Georgia fid-Digriet nru 536 tal-31 ta’ Marzu 2016 tal-Gvern tal-Georgia “Dwar il-bidliet ippjanati fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku previsti f’konformità mal-obbligi bejn il-Georgia u l-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA)” kif emendat mid-Digriet nru 154 tat-22 ta’ Jannar 2018 u d-Digriet nru 974 tat-12 ta’ Ġunju 2020 tal-Gvern tal-Georgia.

    (6)

    Wara r-rikonoxximent tat-tlestija tal-Fażi 1 kif stabbilit fl-Anness XVI-B tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa meħtieġ jieħu deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Georgia, dwar l-għoti ta’ aċċess reċiproku għas-suq, f’konformità mal-Anness XVI-B tal-Ftehim, għall-provvisti għall-awtoritajiet tal-gvern ċentrali.

    (7)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ u fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li d-deċiżjonijiet previsti jkunu vinkolanti għall-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ fir-rigward tal-pjan direzzjonali komprensiv approvat mill-Gvern tal-Georgia, u tat-tlestija tal-Fażi 1 kif stabbilit fl-Anness XVI-B tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (4).

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess reċiproku għas-suq f’konformità mal-Anness XVI-B tal-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (4).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/838 tat-23 ta’ Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 26).

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Georgia tas-17 ta’ Novembru 2014 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Sottokumitati [2015/2261] (ĠU L 321, 5.12.2015, p. 60).

    (4)  Ara d-dokument ST 7791/21 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu


    Top