EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0713

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/713 tad-29 ta’ April 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/2877

ĠU L 147, 30.4.2021, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/713/oj

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/21


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/713

tad-29 ta’ April 2021

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva sulfuril tal-fluworur iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18, u skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija għalhekk meqjusa li ġiet approvata skont dak ir-Regolament soġġetta għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Fit-28 ta’ Ġunju 2017, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18.

(3)

Fl-14 ta’ Frar 2018, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni li skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, iddeċidiet li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

Billi l-awtorità kompetenti qed twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (“l-Aġenzija”) għandha tħejji u tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fi żmien 270 jum minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1479 (3), id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 ġiet posposta għat-30 ta’ Ġunju 2021, li taqbel mad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE (4), sabiex ikun hemm biżżejjed ħin għall-istudju tal-applikazzjoni. Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għadha ma ffinalizzatx l-istudju u għadha ma ssottomettietx ir-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija.

(6)

Fit-18 ta’ Frar 2020, l-awtorità kompetenti li tevalwa, talbet lill-applikant biex jissottometti informazzjoni addizzjonali biex l-evalwazzjoni titwettaq f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u stabbiliet il-31 ta’ Marzu 2022 bħala d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ din l-informazzjoni.

(7)

Għaldaqstant, l-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodotti 8 u 18 x’aktarx se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex ikun jista’ jitlesta l-istudju tal-applikazzjoni.

(8)

Meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ għat-tlestija tal-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni tal-opinjoni mill-Aġenzija, jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għall-31 ta’ Diċembru 2023.

(9)

Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, is-sulfuril tal-fluworur jibqa’ approvat għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1479 tat-3 ta’ Ottubru 2018 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 249, 4.10.2018, p. 16).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE tat-28 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-fluworid tas-sulfuril bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 67).


Top