EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0432

Deċiżjoni (UE) 2021/432 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/7)

ĠU L 86, 12.3.2021, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/08/2023; Imħassar b' 32023D1680 repealing.act.provisional.date.notification.disclaimer|http://publications.europa.eu/resource/authority/fd_365/repealing.act.provisional.date.notification.disclaimer

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/432/oj

12.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/14


DEĊIŻJONI (UE) 2021/432 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta’ Marzu 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/7)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u ma’ awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3) tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jipprovdu l-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti u inqas sinifikanti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u tistabbilixxi proċeduri armonizzati għas-sottomissjoni lill-BĊE ta’ dawk il-pjanijiet ta’ finanzjament.

(2)

Sabiex jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi u biex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tal-pjanijiet ta’ finanzjament, id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tirrikjedi li l-pjanijiet ta’ finanzjament jiġu rrapportati skont il-mudelli u d-definizzjonijiet armonizzati msemmija fil-mudell tal-pjan ta’ finanzjament mehmuż mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni A4 tal-BERS/2012/2 (ABE/GL/2014/04) (4).

(3)

Il-Linji Gwida tal-ABE dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni A4 tal-BERS/2012/2 (ABE/GL/2014/04) huma mħassra u sostitwiti b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2020 mil-Linji Gwida tal-ABE dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 (BERS/2012/2) (5) (minn hawn’ il quddiem il-“Linji Gwida tal-ABE tal-2019”).

(4)

Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuqu bl-Artikoli 4(1) u (2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE jitqies, kif xieraq, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-BĊE huwa fost id-destinatarji tal-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-ABE dwar ir-rapportar superviżorju mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE (ABE /DC/2020/334) (6), li tħassar id-Deċiżjoni tal-ABE tat-23 ta’ Settembru 2015 (ABE/DC/2015/130), tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jissottomettu dejta dwar il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha taħt il-mandat superviżorju tagħhom skont il-Linji Gwida tal-ABE tal-2019. Barra minn hekk, dik id-Deċiżjoni tal-ABE tikklassifika l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jew bħala “l-Akbar Istituzzjonijiet fl-Istat Membru” jew “Istituzzjonijiet Iżgħar” għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dati ta’ sottomissjoni tad-dejta mitluba mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE . Huwa xieraq li l-BĊE jieħu kont ta’ dawk il-klassifikazzjonijiet.

(6)

Sabiex ir-rapportar lill-BĊE mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiġi allinjat mad-definizzjonijiet u mudelli armonizzati l-iżjed riċenti skont il-Linji Gwida tal-ABE tal-2019, u biex tiġi żgurata l-konformità mad-Deċiżjoni tal-ABE ABE/DC/2020/334, id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 (BĊE/2017/21)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 (BĊE/2017/21) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Rekwiżiti għal rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament

1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipprovdu lill-BĊE l-pjanijiet ta’ finanzjament li huma konformi mal-Linji Gwida tal-ABE dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 (BERS/2012/2) (*1) (minn hawn’ il quddiem il-‘Linji Gwida tal-ABE tal-2019’) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġejjin li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti rispettivi tagħhom:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti fuq bażi kkonsolidata;

(b)

istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti li mhumiex parti minn grupp taħt superviżjoni fuq bażi individwali;

(c)

istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinifikanti li fir-rigward tagħhom l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti tiġbor pjanijiet ta’ finanzjament skont il-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jiġbru l-pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti li ma hemmx riferiment għalihom fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom jipprovdu dawn il-pjanijiet ta’ finanzjament lill-BĊE jekk jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

3.   Il-pjanijiet ta' finanzjament għandhom jiġu sottomessi lill-BĊE skont l-istruzzjonijiet u l-mudelli armonizzati msemmija fil-Linji Gwida tal-ABE tal-2019. Il-pjanijiet ta' finanzjament għandu jkollhom data ta' referenza tar-rappurtar tal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel.

Meta l-liġijiet nazzjonali jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jirrappurtaw l-informazzjoni finanzjarja tagħhom abbażi ta’ tmiem is-sena ta’ kontabilità tagħhom, li tiddevja minn tmiem is-sena kalendarja, l-aħħar tmiem tas-sena ta’ kontabilità disponibbli titqies bħala d-data ta’ referenza tar-rapportar.

(*1)  ABE/GL/2019/05 Disponibbli fuq iis-sit elettroniku tal-ABE”;"

2.

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Dati ta’ rimessa

1.   Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġejjin għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti lill-BĊE sa 12:00 CET tal-10 jum tax-xogħol wara l-15 ta’ Marzu:

(a)

pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 3(1)(b);

(b)

pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) u l-Artikolu 3(2) fejn dawn ikunu inklużi fil-lista tal-Akbar Istituzzjonijiet fl-Istat Membru ppubblikata mill-ABE skont l-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni tal-ABE ABE/DC/2020/334 (*2).

2.   Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha mhux imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti lill-BĊE sa 12:00 CET tal-25 jum tax-xogħol wara l-15 ta’ Marzu.

(*2)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE”;"

3.

Fl-Artiklu 5, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jagħmlu monitoraġġ u jivvalutaw il-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-BĊE. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli ta' validazzjoni rilevanti żviluppati, miżmuma u ppubblikati mill-ABE. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw ukoll il-verifiki addizzjonali tal-kwalità tad-dejta definiti mill-BĊE b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.’;

4.

Fl-Artiklu 7, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

‘1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu d-dejta speċifikata f’din id-Deċiżjoni bl-użu tal-eXtensible Business Reporting Language taxonomy sabiex jipprovdu format tekniku uniformi għall-iskambju ta’ dejta li tirrigwarda l-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.’;

5.

L-Artikolu 8a li ġej huwa miżjud:

“Artikolu 8a

L-ewwel data ta’ referenza tar-rapportar fl-2021

L-ewwel data ta’ referenza għar-rapportar fl-2021 skont l-Artikolu 3 għandha tkun il-31 ta’ Diċembru 2020. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) għandu japplika”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-1 ta’ Marzu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21) (ĠU L 172, 5.7.2017, p. 32).

(4)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE.

(5)  ABE/GL/2019/05.

(6)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE.


Top