Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0372

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/372 tat-2 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    ĠU L 71I, 2.3.2021, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/372/oj

    2.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 71/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/372

    tat-2 ta’ Marzu 2021

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

    (2)

    Fit-18 ta' Jannar 2021, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni, f'isem l-Unjoni, li tikkundanna d-detenzjoni tal-politiku tal-oppożizzjoni fir-Russja Alexei Navalny mar-ritorn tiegħu f'Moska fis-17 ta' Jannar 2021 u tappella għall-ħelsien immedjat tiegħu.

    (3)

    Fit-22 ta' Frar 2021, il-Kunsill Affarijiet Barranin qabel li jipproċedi bil-ħidma dwar miżuri restrittivi futuri b'rispons għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

    (4)

    F'dan il-kuntest, u minħabba il-kontinwità u s-serjetà tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, jenħtieġ li erba' persuni jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness għad-Deċiżjoni (UE) 2020/1999 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.


    ANNESS

    L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi li tinsab fit-taqsima A (Persuni fiżiċi) fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999:

     

    Ismijiet (Trażlitterazzjoni ta' ortografija Russa)

    Ismijiet (Ortografija Russa)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    “1.

    Alexander (Alexandr) Petrovich KALASHNIKOV

    Aлександр Петрович КАЛАШНИКОВ

    Pożizzjoni(jiet): Direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN)

    Data tat-twelid: 27.1.1964

    Post tat-twelid: Tatarsk, Reġjun/Oblast ta' Novosibirsk, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

    Ċittadinanza: Russa

    Sess: raġel

    Alexander Kalashnikov ilu d-direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN) mit-8 ta' Ottubru 2019. F'dik il-pożizzjoni, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha tal-FSIN. Fil-kapaċità tiegħu bħala direttur tal-FSIN, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti u detenzjonijiet arbitrarji.

    Fil-każ ta' Alexei Navalny, waqt li s-Sur Navalny kien qed jirkupra fil-Ġermanja (Settembru 2020-Jannar 2021) - wara li kien ġie avvelenat b'aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok, fit-28 ta' Diċembru 2020, il-FSIN ordna li b'mod immedjat jippreżenta ruħu quddiem uffiċjal tal-probation jew, jekk jonqos milli jagħmel dan, jiffaċċja sentenza ta’ ħabs talli jkun kiser il-kondizzjonijiet ta’ sentenza sospiża fuq kundanna għal frodi. Dik il-kundanna għal frodi nstabet li kienet arbitrarja u inġusta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2018. Fis-17 ta' Jannar 2021, fuq ordnijiet ta' Alexander Kalashnikov, uffiċjali tal-FSIN arrestaw lil Alexei Navalny mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta' Moska. L-arrest ta' Alexei Navalny huwa bbażat fuq deċiżjoni tal-qorti tal-belt ta' Khimki, li min-naħa tagħha nħarġet fuq talba tal-FSIN. Lejn l-aħħar ta’ Dicembru 2020, il-FSIN kien diġà talab li qorti tissostitwixxi s-sentenza sospiża ta’ Alexei Navalny b’terminu ta’ ħabs. Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa tirrilaxxa lil Alexei Navalny

    it-2 ta’ Marzu 2021

    2.

    Alexander (Alexandr) Ivanovich BASTRYKIN

    Алексaндр Ивaнович БАСТРЫКИН

    Pożizzjoni(jiet): President tal-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa

    Data tat-twelid: 27.8.1953

    Post tat-twelid: Pskov, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

    Ċittadinanza: Russa

    Sess: raġel

    Alexander Bastrykin ilu jservi bħala President tal-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa (il-“Kumitat”) minn Jannar 2011 (u bħala aġent president minn Ottubru sa Diċembru 2010). F'dik il-pożizzjoni, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha tal-Kumitat. Uffiċjalment, il-Kumitat huwa ppresedut mill-President Russu. Fil-kapaċità tiegħu, Alexander Bastrykin, bħala president tal-Kumitat, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti u detenzjonijiet arbitrarji.

    Alexander Bastrykin huwa responsabbli għall-kampanji mifruxa u sistematiċi ta' repressjoni tal-Kumitat kontra l-oppożizzjoni Russa li jimmiraw u jinvestigaw il-membri tagħha. Fid-29 ta' Diċembru 2020, il-Kumitat nieda investigazzjoni dwar il-mexxej tal-oppożizzjoni Alexei Navalny, fejn ġie akkużat bi frodi fuq skala kbira. Alexei Navalny u oħrajn ippubblikaw artikli dwar is-sjieda ta' Alexander Bastrykin tad-ditta tal-proprjetà immobbli Ċeka LAW Bohemia fis-snin 2000.

    it-2 ta’ Marzu 2021

    3.

    Igor Viktorovich KRASNOV

    Игорь Викторович КРАСНОВ

    Pożizzjoni(jiet): Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa

    Data tat-twelid: 24.12.1975

    Post tat-twelid: Arkhangelsk, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

    Ċittadinanza: Russa

    Sess: raġel

    Igor Krasnov ilu Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa mit-22 ta' Jannar 2020 u qabel kien il-Viċi President tal-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prosekutur Ġenerali, huwa jissorvelja l-Uffiċċji tal-Prosekutur fil-Federazzjoni Russa, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Speċjali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari. Fil-kapaċità tiegħu bħala Prosekutur Ġenerali, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-detenzjonijiet arbitrarji ta’ nies li pprotestaw f’dimostrazzjonijiet, u għar-repressjoni mifruxa u sistematika tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni.

    Qabel il-protesti tat-23 ta' Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali wissa li l-parteċipanti kienu ser jitqiesu responsabbli. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali talab li s-Servizz Federali għas-Superviżjoni fl-Isfera tal-Komunikazzjonijiet, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Massa (Roskomnadzor) jirrestrinġi l-aċċess għas-siti web u l-kontijiet tan-network soċjali tal-oppożizzjoni li kien fihom informazzjoni dwar l-avvenimenti ppjanati tas-sostenituri ta' Alexei Navalny. Fid-29 ta' Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali għal darb'oħra talab li r-Roskomnadzor jirrestrinġi l-aċċess għas-siti web u l-kontijiet tan-network soċjali tal-oppożizzjoni, din id-darba qabel il-protesti favur Navalny fit-30 u l-31 ta' Jannar 2021. Intbagħtu twissijiet lill-kumpanniji tal-internet (Facebook, TikTok, Twitter, Google, Mail.ru Group). L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ħabbar ukoll li dawk li kienu ser jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet kienu ser jiffaċċjaw prosekuzzjoni.

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali appoġġa t-talba tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN) sabiex is-sentenza sospiża imposta fuq Alexei Navalny f’każ allegat ta’ frodi tiġi konvertita sentenza ta’ ħabs. Minkejja li l-kundanna tiegħu f’dak il-każ instabet arbitrarja u inġusta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2018, Alexei Navalny ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ Moska fis-17 ta’ Jannar 2021.

    it-2 ta’ Marzu 2021

    4.

    Viktor Vasilievich (Vasilyevich) ZOLOTOV

    Виктор Васильевич ЗОЛОТОВ

    Pożizzjoni(jiet): Direttur tas-Servizz Federali tat-Truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia)

    Data tat-twelid: 27.1.1954

    Post tat-twelid: Sasovo, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

    Ċittadinanza: Russa

    Sess: raġel

    Viktor Zolotov ilu Direttur tas-Servizz Federali tat-Truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia) mill-5 ta' April 2016 u għalhekk huwa Kap Kmandant tat-Truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll Kmandant tal-OMON – Unita Mobbli bi Skop Speċjali integrata fir-Rosgvardia. F'dik il-pożizzjoni, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha tat-truppi tar-Rosgvardia u tal-OMON. Fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur tar-Rosgvardia, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inklużi arresti u detenzjonijiet arbitrarji u r-repressjoni mifruxa u sistematika tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, b'mod partikolari bit-trażżin vjolenti ta' protesti u dimostrazzjonijiet.

    Ir-Rosgvardia ntużat biex trażżan id-dimostrazzjonijiet favur Navalny tat-23 ta' Jannar 2021 u bosta uffiċjali tal-OMON u tal-Gwardja Nazzjonali ġew irrappurtati li użaw brutalità u vjolenza kontra d-dimostranti. Għexieren ta' ġurnalisti spiċċaw fil-mira ta' aggressjoni mill-forzi tas-sigurtà, inkluża l-korrispondent ta' Meduza, Kristina Safronova, li sfat aggredita minn uffiċjal tal-OMON, u l-ġurnalista ta' Novaya Gazeta Yelizaveta Kirpanova, li laqtet daqqa ta' lembuba fuq rasha, li darrbitha. Il-forzi tas-sigurtà żammew maqbuda arbitrarjament aktar minn 300 minorenni.

    it-2 ta’ Marzu 2021”


    Top