EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0366

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/366 tat-22 ta’ Frar 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

ĠU L 70, 1.3.2021, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/366/oj

1.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/366

tat-22 ta’ Frar 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) (1) daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 1976. Dan ġie emendat l-aħħar fl-20 ta’ Settembru 2010.

(2)

Skont l-Artikolu 21 AETR, emendi proposti għall-AETR jistgħu jiġu ppreżentati minn kwalunkwe Parti Kontraenti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Qabel ma jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, il-proposti, l-ewwel jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq (SC.1) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU (NU/KEE).

(3)

Ġie stabbilit Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR mill-UNECE fil-qafas tal-AETR. Dak il-grupp huwa korp li għandu s-setgħa li jiżviluppa u jissottometti proposti għall-emendar tal-AETR lill-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar it-Trasport bit-Triq.

(4)

Huwa previst li l-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR, waqt il-25 sessjoni ppjanata tiegħu fi Frar 2021, u l-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar it-Trasport bit-Triq, waqt il-116-il sessjoni ppjanata tiegħu ta’ Ottubru 2021, se jiddiskutu l-emendi għall-AETR dwar l-adozzjoni tat-takografu intelliġenti.

(5)

L-Artikolu 22bis AETR jipprevedi li bidliet tal-Anness IB għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 (2) dwar it-takografu diġitali jsiru awtomatikament mill-Partijiet Kontraenti kollha għall-AETR mingħajr ebda konsultazzjoni jew vot formali. In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-AETR fil-proċess tal-iżvilupp u l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar it-takografu diġitali kien kawża ta’ diżappunt fost uħud minn dawk il-Partijiet Kontraenti. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Lulju 2011 intitolata ‘Takografu Diġitali: Pjan direzzjonali għal attivitajiet futuri’ li dan il-mekkaniżmu jipperikola l-implimentazzjoni korretta u armonizzata tat-takografu diġitali minn Partijiet Kontraenti mhux tal-Unjoni.

(6)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet previst fl-AETR fir-rigward tal-apparati ta’ kontroll, inklużi t-takografi diġitali, jiġi modifikat, li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22(1), (2) u (3) AETR, tiġi applikabbli għall-inklużjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu intelliġenti fl-AETR, u li l-Artikolu 22bis AETR jibqa’ fis-seħħ għal emendi futuri possibbli għar-rekwiżiti tal-verżjonijiet preċedenti tat-takografu.

(7)

Skont l-Artikolu 10 AETR, takografu li l-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-użu u l-ittestjar tiegħu jitwettqu skont ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti tal-AETR. L-Artikolu 10 AETR jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu intelliġenti, li jenħtieġ li jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-AETR mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Appendiċi 1C għall-Anness tal-AETR.

(8)

L-Artikolu 13 AETR, li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, jenħtieġ li jiġi emendat biex jistabbilixxi d-data preċiża għall-implimentazzjoni mill-Partijiet Kontraenti tad-dispożizzjonijiet dwar takografi intelliġenti.

(9)

L-Artikolu 14 AETR ma jippermettix l-adeżjoni ta’ korpi oħra għajr l-Istati Membri tan-NU/KEE u l-Istati ammessi fin-NU/KEE f’kapaċità konsultattiva.

(10)

Hemm diversi argumenti favur li l-Unjoni titħalla taderixxi mal-AETR. L-ewwel nett, l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fil-qasam tax-xogħol tal-ekwipaġġi tal-vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża 22/70 (3). It-tieni nett, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-AETR tiggarantixxi r-rappreżentanza effettiva tal-interessi tal-Unjoni fl-AETR. Fl-aħħar nett, l-ispeċifiċitajiet tal-AETR u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet propost jagħmluha xieraq li l-Unjoni tkun Parti Kontraenti. Sabiex tkun tista’ ssir l-adeżjoni tal-Unjoni għall-AETR, l-Artikolu 14 AETR jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jipprovdi għall-adeżjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali fl-AETR.

(11)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu intelliġenti li għandhom jiġu inklużi fl-AETR bħala Appendiċi 1C għall-Anness tiegħu jenħtieġ li jiġu żviluppati abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet ippreżentati lill-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR f’isem l-Unjoni fit-8 ta’ April 2020 u abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fl-2021 skont ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(12)

Il-mudell għaċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni fit-Taqsima III tal-Appendiċi 2 għall-Anness tal-AETR jenħtieġ li jiġi emendat sabiex ikun jista’ jintuża wkoll għall-approvazzjoni tat-takografi intelliġenti u l-komponenti tiegħu.

(13)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE, peress li l-AETR jeħtieġ li tiġi emendata sabiex tinkiseb armonizzazzjoni pan-Ewropea fil-qasam tal-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (takografi), u tali emendi ser ikollhom effettI legali kif imsemmi fl-Artikolu 218(9) TFUE.

(14)

Peress li l-Unjoni Ewropea mhix Parti Kontraenti għall-AETR u l-istatus tagħha ma jippermettilhiex tikkomunika l-emendi proposti, l-Istati Membri, li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jikkomunikaw l-emendi proposti lill-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali sabiex jippromwovu l-ksib tal-għanijiet tal-Unjoni.

(15)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE, li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-25 sessjoni tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar il-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR) u fil-116-il sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq NU/KEE għandha tkun skont l-emendi proposti għall-AETR (5).

Jista’ jintlaħaq qbil fuq bidliet formali u minuri fil-pożizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Grupp ta’ Esperti għall-AETR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE, li jaġixxu b’mod konġunt.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-emendi proposti lill-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 95, 8.4.1978, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8).

(3)  ECLI:EU:C:1971:32.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(5)  Ara d-dokument ST 5700/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.


Top