Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0360

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/360 tad-19 ta’ Frar 2021 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 1121) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2021/1121

    ĠU L 69, 26.2.2021, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/360/oj

    26.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 69/9


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/360

    tad-19 ta’ Frar 2021

    dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2021) 1121)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2020/1042 jistabbilixxi miżuri temporanji fir-rigward tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej biex jiġu indirizzati l-isfidi li l-organizzaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ffaċċjaw wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret f’Marzu 2020 li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. Fix-xhur ta’ wara din id-dikjarazzjoni, l-Istati Membri adottaw miżuri restrittivi kontra l-kriżi tas-saħħa pubblika. B’riżultat ta’ dan, il-ħajja pubblika waqfet fi kważi l-Istati Membri kollha. Ir-Regolament (UE) 2020/1042 għalhekk estenda ċerti limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/788.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2020/1042 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex testendi ulterjorment il-perjodi ta’ ġbir bi tliet xhur fir-rigward tal-inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir ikun għadu għaddej fil-mument ta’ tifqigħa ġdida tal-COVID-19 f’ċerti ċirkostanzi. Il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri huma simili għal dawk li wasslu għall-estensjoni inizjali wara t-tifqigħa tal-COVID-19 f’Marzu 2020, jiġifieri li mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, li jxekklu b’mod sostanzjali l-abbiltà tal-organizzaturi li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma miktuba u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi li għaddejjin tagħhom.

    (3)

    Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1042 f’Lulju 2020, il-Kummissjoni ilha tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

    (4)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni tat estensjoni oħra ta’ tliet xhur għal inizjattivi li kienu fil-proċess li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fl-1 ta’ Novembru 2020 (3), wara l-valutazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali estensjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 ġew issodisfati. Ingħatat estensjoni proporzjonata lill-inizjattivi li bdew il-perjodu tal-ġbir tagħhom bejn l-1 ta’ Novembru u l-17 ta’ Diċembru 2020.

    (5)

    Mill-1 ta’ Novembru 2020, is-sitwazzjoni fejn tidħol il-pandemija kkawżata mill-COVID-19 f’diversi Stati Membri ma nbidlitx b’xi mod sinifikanti. Sal-aħħar ta’ Jannar 2021, għadd sostanzjali ta’ Stati Membri kien għad kellhom fis-seħħ miżuri li jirrestrinġu ċ-ċirkolazzjoni libera taċ-ċittadini fit-territorju tagħhom sabiex iwaqqfu jew irażżnu t-trażmissjoni tal-COVID-19. Ħames (5) Stati Membri rrappurtaw li fl-1 ta’ Frar 2021 kienu qed japplikaw miżuri nazzjonali ta’ konfinament, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu b’mod sostanzjali l-libertà taċ-ċittadini li jduru liberament mat-territorju tagħhom, filwaqt li 11-il Stat Membru rrappurtaw li kienu qed japplikaw miżuri lokali ta’ konfinament. Dawk il-miżuri ta’ konfinament ġew ikkombinati ma’ miżuri addizzjonali b’effetti restrittivi simili fuq il-ħajja pubblika fit-territorju tagħhom jew mill-inqas partijiet sostanzjali minnu, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċessibbiltà ta’ spazji pubbliċi, l-għeluq jew il-ftuħ limitat ta’ ħwienet, ristoranti u pubs, restrizzjonijiet severi fuq il-kapaċità ta’ laqgħat u laqgħat pubbliċi u privati u l-impożizzjoni ta’ curfews. Dawk il-miżuri meħuda flimkien jaffettwaw ukoll b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma miktuba u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi kontinwi tagħhom. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, dawk il-miżuri, jew miżuri b’effett simili, x’aktarx li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur.

    (6)

    L-Istati Membri kkonċernati jirrappreżentaw mill-inqas kwart tal-Istati Membri, u aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

    (7)

    Għal dawk ir-raġunijiet, jista’ jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ estensjoni tal-perjodi ta’ ġbir huma ssodisfati fir-rigward ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir kien għadu għaddej fl-1 ta’ Frar 2021. Dawk il-perjodi ta’ ġbir għandhom għalhekk jiġu estiżi bi tliet xhur.

    (8)

    Fil-każ ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir beda bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sal-1 ta’ Mejju 2022.

    (9)

    Fir-rigward ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir intemm bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tapplika b’mod retroattiv,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (“inizjattiva”) kien għadu għaddej fl-1 ta’ Frar 2021, il-perjodu massimu ta’ ġbir għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ tliet xhur fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.

    2.   Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva jkun beda bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022 fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.

    Artikolu 2

    Id-dati l-ġodda tat-tmiem tal-perijodi ta’ ġbir għall-inizjattivi li ġejjin għandhom ikunu kif ġej:

    l-inizjattiva intitolata “Is-soluzzjoni rapida, ġusta u effettiva għat-tibdil fil-klima”: is-6 ta’ Mejju 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”: is 7 ta’ Mejju 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Intemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”: l-10 ta’ Mejju 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Prezz għall-karbonju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima”: it-22 ta’ Lulju 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Inkabbru l-progress xjentifiku: l-għelejjel huma importanti!”: il-25 ta’ Lulju 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b’ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza”: it-12 ta’ Settembru 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Azzjonijiet dwar l-Emerġenza Klimatika”: it-23 ta’ Settembru 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Insalvaw lin-Naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”: it-30 ta’ Settembru 2021;

    l-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Inwaqqfu l-kummerċ”: il-31 ta’ Jannar 2022;

    L-inizjattiva intitolata “VOTATURI MINGĦAJR FRUNTIERI, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-ċittadini tal-UE”: il-11 ta’ Marzu 2022;

    l-inizjattiva intitolata “Bidu tal-Introjtu Bażiku Inkondizzjonat (UBI) madwar l-UE”: il-25 ta’ Marzu 2022;

    l-inizjattiva intitolata “Libertà di condividere”: l-1 ta’ Mejju 2022;

    l-inizjattiva intitolata “Dritt għal Kura”: l-1 ta’ Mejju 2022;

    l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”: l-1 ta’ Mejju 2022;

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett retroattiv fir-rigward tal-inizjattivi li l-perjodu ta’ ġbir tagħhom intemm bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil:

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Is-soluzzjoni rapida, ġusta u effettiva għat-tibdil fil-klima”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Intemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Prezz għall-karbonju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inkabbru l-progress xjentifiku: l-għelejjel huma importanti!”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b’ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Azzjonijiet dwar l-Emerġenza Klimatika”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Insalvaw lin-Naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Inwaqqfu l-kummerċ”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “VOTATURI MINGĦAJR FRUNTIERI, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-ċittadini tal-UE”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Bidu tal-Introjtu Bażiku Inkondizzjonat (UBI) madwar l-UE”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Libertà di condividere”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Dritt għal Kura”;

    il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”;

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Věra JOUROVÁ

    Viċi President


    (1)  ĠU L 231, 17.7.2020, p. 7.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2200 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 434, 23.12.2020, p. 56).


    Top