Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0149

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/149 tas-17 ta’ Novembru 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.50707 2019/C (ex 2018/FC) — Spanja — tiġdid tal-flotta ta’ Air Nostrum (notifikata bid-dokument C(2020) 7913) (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/7913

    ĠU L 45, 9.2.2021, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/149/oj

    9.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 45/2


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/149

    tas-17 ta’ Novembru 2020

    dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.50707 2019/C (ex 2018/FC) — Spanja — tiġdid tal-flotta ta’ Air Nostrum

    (notifikata bid-dokument C(2020) 7913)

    (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Billi,

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fis-26 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn Ryanair li jallega li l-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja kien ta għajnuna illegali mill-Istat lill-kumpanija tal-ajru reġjonali Spanjola Air Nostrum Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (“Air Nostrum”) b’rabta mat-tiġdid tal-flotta tagħha. Dan l-ilment ġie rreġistrat bin-numru tal-Każ SA.50707 (2018/FC).

    (2)

    Fis-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni infurmat lil Spanja li rċeviet ilment dwar l-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija lil Air Nostrum. Spanja bagħtet il-kummenti tagħha fit-18 ta’ Mejju 2018. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ żewġ talbiet mibgħuta fil-11 ta’ Ġunju 2018 u fit-3 ta’ Ottubru 2018, li Spanja wieġbet għalihom fis-27 ta’ Lulju 2018 u fis-27 ta’ Diċembru 2018 rispettivament. Fit-8 ta’ April 2019, il-Kummissjoni staqsiet lil Spanja jekk l-għajnuna mogħtija għall-2018 kinitx diġà tħallset sadanittant. Fl-ittra tiegħu tas-26 ta’ April 2019, il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja indika li l-allegata għajnuna ma kinitx tħallset. Fit-2 ta’ Lulju 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu ma’ tliet rappreżentanti tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja. Fis-26 ta’ Lulju 2019, Spanja ppreżentat informazzjoni addizzjonali dwar l-allegata miżura ta’ għajnuna.

    (3)

    Permezz tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Ftuħ tal-2019”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Il-proċedura ta' investigazzjoni formali ġiet irreġistrata bin-numru tal-Każ SA.50707 (2019/C).

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2019 ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Diċembru 2019 (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

    (5)

    Fis-26 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Spanja dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tal-2019. Fit-13 ta’ Jannar 2020 u fit-3 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn terzi persuni, jiġifieri Ryanair u Air Nostrum rispettivament. Fil-11 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni addizzjonali lil Air Nostrum dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tal-2019 waqt sejħa mar-rappreżentanti legali tagħha. Fit-30 ta’ April 2020, Spanja wieġbet għall-kummenti ta’ Ryanair.

    (6)

    Permezz ta’ ittra bid-data tal-31 ta’ Lulju 2020, Air Nostrum infurmat lill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja bid-deċiżjoni tagħha li tirrinunzja għall-għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tagħha. Permezz ta’ ittra bid-data tas-7 ta’ Awwissu 2020, Spanja infurmat lis-servizzi tal-Kummissjoni b’din ir-rinunzja u bl-aċċettazzjoni tagħha mill-awtoritajiet Spanjoli. Fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Awwissu 2020, Spanja enfasizzat li l-għajnuna qatt ma kienet tħallset.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

    2.1.   Sfond għall-investigazzjoni u l-benefiċjarju

    (7)

    Air Nostrum hija linja tal-ajru bbażata f’Valencia, b’madwar 1 400 impjegat fil-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja u b’fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 400 miljun. Air Nostrum hija r-raba’ l-akbar linja tal-ajru f’Valenzja u l-akbar kumpanija reġjonali tal-avjazzjoni ċivili fi Spanja, li topera bl-isem Iberia Regional Air Nostrum.

    (8)

    Fl-2019, kważi żewġ terzi tal-flotta ta’ Air Nostrum kienu jikkonsistu mill-aktar ajruplani reċenti, il-Bombardier CRJ-1000. Matul il-perjodu 2009-2019, seħħew diversi estensjonijiet tal-flotta ta’ Air Nostrum u l-kompożizzjoni tagħha nbidlet b’enfasi fuq it-tnaqqis tal-għadd ta’ mudelli ta’ ajruplani qodma (b’mod partikolari l-mudelli CRJ-200 u CRJ-900) u s-sostituzzjoni tagħhom bl-aktar ajruplani ġodda, is-CRJ-1000. L-ewwel żewġ mudelli ta’ CRJ-1000 ġew miżjuda mal-flotta ta’ Air Nostrum fl-2010. Fi tmiem l-2012, il-flotta diġà kienet tinkludi 10 ajruplani CRJ-1000. Fl-2016, fl-2017 u fl-2018 ġew miżjuda mal-flotta ta’ Air Nostrum aktar ajruplani CRJ-1000.

    2.2.   Għajnuna potenzjali mill-Istat favur Air Nostrum

    (9)

    Fid-9 ta’ Marzu 2017, Air Nostrum bagħtet ittra lill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja fejn infurmatu dwar il-pjanijiet ta’ investiment tagħha biex tespandi u ġġedded il-flotta tagħha u titlob appoġġ finanzjarju għax-xiri ta’ ajruplani ġodda u aktar ekoloġiċi. Air Nostrum ippreżentat applikazzjoni għall-għajnuna għal għotja li ma titħallasx lura sa EUR 15-il miljun.

    (10)

    Il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia ddeċieda li jappoġġa finanzjarjament il-programm ta’ tiġdid tal-flotta ta’ Air Nostrum permezz ta’ għotja diretta sa EUR 9 miljun għall-akkwist ta’ 10 ajruplani CRJ-1000, mifruxa fuq tliet snin (l-2018, l-2019 u l-2020). Skont Spanja, il-pjanijiet ta’ investiment ta’ Air Nostrum jidħlu fl-aġenda tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja biex jagħtu spinta lill-ekonomija u jtejbu l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun (2).

    (11)

    L-għajnuna ngħatat għall-2018 u l-2019. Il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia inkluda fil-baġits tal-2018 u tal-2019 linja ta’ sussidju nominattiv ta’ EUR 3 miljun fis-sena favur Air Nostrum. Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja u Air Nostrum (kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Spanjola dwar l-għotjiet ta’ investiment dirett) ġew iffirmati fil-25 ta’ Ottubru 2018 u fil-31 ta’ Mejju 2019. Il-ħlas tal-għajnuna għas-snin l-2018 u l-2019 għadu ma sarx, kif ikkonfermat mill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia (ara l-premessa (6)).

    3.   TUL TA’ ŻMIEN TAL-MIŻURA TA’ GĦAJNUNA

    (12)

    Permezz ta’ ittra bid-data tal-31 ta’ Lulju 2020, Air Nostrum infurmat lill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja dwar il-pjanijiet ta’ investiment emendati tagħha fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Air Nostrum irrinunzjat għall-għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tagħha, mogħtija mill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia permezz tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni tal-2018 u l-2019 bejn il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja u Air Nostrum.

    (13)

    B’deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2020, il-Ministeru Reġjonali tal-Finanzi u l-Mudell Ekonomiku ta’ Valencia approva r-rinunzja ta’ Air Nostrum għall-għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tagħha.

    (14)

    Fid-dawl tar-rinunzja tal-għajnuna minn Air Nostrum fil-31 ta’ Lulju 2020, aċċettata mill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Valenzja, Spanja infurmat lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-revoka tal-miżura ta’ għajnuna u n-nuqqas ta’ ħlas tal-għajnuna fis-7 ta’ Awwissu 2020 (ara l-premessa (6)). B’riżultat ta’ dan, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna, li tammonta għal EUR 9 miljun, ma għadx għandha skop.

    4.   KONKLUŻJONI

    (15)

    Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE ma għadx għandha skop minħabba r-rinunzja tal-għajnuna minn Air Nostrum fil-31 ta’ Lulju 2020 u r-revoka tal-miżura ta’ għajnuna minn Spanja u għandha tintemm.

    ADOTTA D-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija fit-28 ta’ Ottubru 2019 skont l-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna mogħtija minn Spanja lil Air Nostrum ma għadx għandha skop u ngħalqet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU C 429, 20.12.2019, p. 4

    (2)  Il-Ministeru Reġjonali tal-Finanzi u l-Mudell Ekonomiku ta’ Valencia adotta “Pjan ta’ Azzjoni għat-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku ta’ Valencia 2017-2027” u Pjan Strateġiku ta’ Għotja għall-2018-2020, li l-objettiv strateġiku tiegħu huwa li “jippromwovi l-bidla lejn mudell ekonomiku bbażat fuq l-għarfien, l-innovazzjoni u l-ftuħ għad-dinja esterna”, bil-prinċipji ta’ “sostenibbiltà ambjentali, tal-manifattura u soċjali”.


    Top