Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0117

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/117 tal-1 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-inġenji żgħar, rigward il-ventilazzjoni tal-kompartimenti ta’ magna li taħdem bil-petrol u/jew ta’ tank tal-petrol u tal-fannijiet elettriċi

    C/2021/483

    ĠU L 36, 2.2.2021, p. 39–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/10/2022; Impliċitament imħassar minn 32022D1954

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/117/oj

    2.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 36/39


    ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/117

    tal-1 ta’ Frar 2021

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-inġenji żgħar, rigward il-ventilazzjoni tal-kompartimenti ta’ magna li taħdem bil-petrol u/jew ta’ tank tal-petrol u tal-fannijiet elettriċi

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE u fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8736 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għall-abbozzar u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE li tindirizza rekwiżiti essenzjali aktar stretti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE u fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, meta mqabbla mad-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li ġiet imħassra.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN u s-Cenelec intalbu wkoll jirrevedu standards li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2015/C 087/01 (5).

    (4)

    Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN ISO 11105:2017, li r-referenzi tiegħu ġiet ippubblikata permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2018/C 209/05 (6). Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN ISO 11105:2020 Inġenji żgħar — Ventilazzjoni tal-kompartimenti ta’ magna li taħdem bil-petrol u/jew ta’ tank tal-petrol.

    (5)

    Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN/Cenelec, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN ISO 11105:2020 abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736.

    (6)

    L-istandard EN ISO 11105:2020 jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-installazzjoni għall-ventilazzjoni tal-kompartimenti ta’ magna li taħdem bil-petrol u ta’ tank tal-petrol f’inġenji li jintużaw għar-rikreazzjoni li jkollhom magni li jaħdmu bil-petrol għall-propulsjoni, għall-ġenerazzjoni elettrika jew għall-enerġija mekkanika, sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ gassijiet splussivi f’dawn il-kompartimenti.

    (7)

    L-istandard EN ISO 11105:2020 jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali li jimmira li jkopri, u li huma stipulati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE, kif ukoll fil-punti 5.1.2 u 5.2.2 tal-Parti A tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk jixraq li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (8)

    L-istandard EN ISO 11105:2020 se jissostitwixxi l-istandard EN ISO 11105:2017. Għalhekk jeħtieġ li r-referenza tal-istandard armonizzat EN ISO 11105:2017 tiġi rtirata mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (9)

    Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandard EN ISO 11105:2020, jeħtieġ li jiġi pospost l-irtirar tar-referenza tal-istandard EN ISO 11105:2017.

    (10)

    L-istandard EN ISO 11105:2020 għandu jissostitwixxi wkoll l-istandard EN ISO 9097:2017 Opri tal-baħar — Fannijiet elettriċi, li r-referenza tagħhom hija ppubblikata permezz tal-Komunikazzjoni 2018/C 209/05. L-istandard EN ISO 9097:2017 jirreferi għar-rekwiżiti ġenerali dwar il-fannijiet elettriċi meta jiġu installati fuq inġenji li jintużaw għar-rikreazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li r-referenza tal-istandard armonizzat EN ISO 9097:2017 tiġi rtirata mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (11)

    L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/919 (7) jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2013/53/UE. Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN ISO 11105:2020 jenħtieġ li tiġi inkluża fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

    (12)

    L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE li huma rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-referenza tal-istandards armonizzati EN ISO 11105:2017 u EN ISO 9097:2017 jenħtieġ li tiġi inkluża fl-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

    (13)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 tiġi emendata skont dan.

    (14)

    Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

    (2)

    L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punt (2) tal-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2022.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

    (2)  Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8736 tal-15 ta’ Diċembru 2015 fuq talba għall-istandardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew ta’ standardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE.

    (4)  Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni (ĠU L 164, 30.6.1994, p. 15).

    (5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni (Pubblikazzjoni ta’ titoli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU C 87, 13.3.2015, p. 1).

    (6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU C 209, 15.6.2018, p. 137).

    (7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/919 tal-4 ta’ Ġunju 2019 dwar l-istandards armonizzati għall-inġenji li jintużaw għar-rikreazzjoni u għall-inġenji tal-ilma personali abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 106).


    ANNESS I

    Fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 tiżdied l-entrata 34 li ġejja:

    Nru

    Referenza tal-istandard

    “34.

    EN ISO 11105:2020

     

    Inġenji żgħar — Ventilazzjoni tal-kompartimenti ta’ magna li taħdem bil-petrol u/jew ta’ tank tal-petrol”.


    ANNESS II

    L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    tiżdied l-entrata 31 li ġejja:

    Nru

    Referenza tal-istandard

    “31.

    EN ISO 9097:2017

    Inġenji żgħar — Fannijiet elettriċi”;

    (2)

    tiżdied l-entrata 32 li ġejja:

    Nru

    Referenza tal-istandard

    “32.

    EN ISO 11105:2017

    Inġenji żgħar — Ventilazzjoni tal-kompartimenti ta’ magna li taħdem bil-petrol u/jew ta’ tank tal-petrol”.


    Top