EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2114

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2114 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni temporanja ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-għażla tal-fornitur tas-servizzi ta’ groundhandling (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8950

ĠU L 426, 17.12.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2114/oj

17.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 426/1


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2114

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni temporanja ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-għażla tal-fornitur tas-servizzi ta’ groundhandling

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24a(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda u ta’ miżuri diretti meħudin mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

(2)

Dawk iċ-ċirkostanzi huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjonijiet volontarji jew obbligatorji konsegwenti tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru hija reazzjoni neċessarja għal dawk iċ-ċirkostanzi.

(3)

Il-fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling qegħdin ikomplu jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità li jistgħu jwasslu għal sospensjoni tas-servizzi ta’ groundhandling. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jwassal għal limitazzjoni jew għal sospensjoni tas-servizzi tal-ajruporti fl-ajruporti tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ippermetta, għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, meta fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel tmiem il-perjodu li għalih ikun intgħażel, li jagħżlu fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perjodu massimu ta’ sitt xhur jew għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont liema jkun l-itwal. Ir-Regolament (UE) 2020/696 ta wkoll setgħat delegati lill-Kummissjoni biex testendi dawk il-perjodi.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 24a(4) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, il-Kummissjoni ppreżentat rapport fil-qosor lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-13 ta’ Novembru 2020.

(6)

Ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni jindika li minkejja żieda gradwali bejn April u Awwissu 2020, il-livelli tat-traffiku tal-ajru kienu għadhom baxxi b’mod sinifikanti f’Settembru 2020 meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019. Skont id-data tal-Eurocontrol, fil-25 ta’ Novembru 2020, it-traffiku tal-ajru kien 63 % inqas milli kien fil-25 ta’ Novembru 2019.

(7)

Minkejja d-diffikultajiet fit-tbassir preċiż tal-perkors tal-irkupru tal-livelli tat-traffiku tal-ajru, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li s-sitwazzjoni tippersisti fil-futur qarib u li tkompli sa Diċembru 2021. Abbażi tal-aħħar tbassir tat-traffiku tal-ajru tal-Eurocontrol li sar f’Settembru 2020, huwa mistenni li fi Frar 2021, it-traffiku tal-ajru se jkun 50 % inqas meta mqabbel ma’ Frar 2020 (u jekk wieħed jassumi approċċ mhux koordinat fost l-Istati Membri biex jiġu stabbiliti proċeduri operattivi u jitneħħew ir-restrizzjonijiet nazzjonali). Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li n-numru ta’ każijiet ta’ COVID-19 irreġistrati fil-ġimgħa fl-Ewropa laħaq 1,77 miljun fit-22 ta’ Novembru 2020 (44 % tal-każijiet ġodda globali), li jaqbeż b’mod sinifikanti n-numru ta’ każijiet fir-rebbiegħa tal-2020. Data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, turi li r-rata ta’ notifika ta’ każijiet fuq 14-il jum għaż-Żona Ekonomika Ewropea u għar-Renju Unit ilha tiżdied b’mod kostanti sa mis-sajf tal-2020. Skont ir-rapport ta’ sorveljanza ta’ kull ġimgħa tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2020, ir-rata laħqet 549 (medda tal-pajjiż: 58–1 186) kull 100 000 persuna.

(8)

Huwa raġonevoli li wieħed iqis li t-tnaqqis persistenti fil-livell tat-traffiku tal-ajru huwa r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Abbażi tad-data disponibbli dwar il-fiduċja tal-konsumatur wara l-COVID-19, filwaqt li f’April 2020 madwar 60 % ta’ dawk li wieġbu indikaw li x’aktarx se jerġgħu lura għall-ivvjaġġar bl-ajru fi żmien ftit xhur wara li tkun għaddiet il-pandemija, dak il-perċentwal niżel għal 45 % f’Ġunju 2020. Id-data disponibbli għalhekk tindika b’mod ċar rabta bejn il-pandemija tal-COVID-19 u d-domanda tal-konsumatur għat-traffiku tal-ajru u ma kien hemm l-ebda avveniment ieħor li jista’ jispjega t-tnaqqis fid-domanda għat-trasport bl-ajru.

(9)

Ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni juri li anki r-restrizzjonijiet nazzjonali u mhux ikkoordinati, ir-rekwiżiti tal-kwarantina u l-miżuri tal-ittestjar introdotti mill-Istati Membri b’rispons għan-numru dejjem jiżdied ta’ każijiet ta’ COVID-19 fl-Ewropa minn nofs Awwissu, ħafna drabi mħabbra b’avviż qasir ħafna, inaqqsu l-fiduċja tal-konsumatur u jirriżultaw f’domanda aktar baxxa għat-traffiku tal-ajru.

(10)

Fid-dawl tal-livell estremament baxx ta’ prenotazzjonijiet tat-titjiriet, it-tbassir epidemjoloġiku u tat-traffiku tal-ajru msemmi hawn fuq, kif ukoll l-inċertezza u n-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-miżuri nazzjonali mmirati biex irażżnu l-pandemija tal-COVID-19, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-livelli baxxi fid-domanda tat-traffiku tal-ajru u tal-passiġġieri attribwibbli għall-pandemija tal-COVID-19 se jippersistu matul l-2021. Ir-ritorn għal-livelli tat-traffiku ta’ qabel il-COVID mhuwiex mistenni għal bosta snin. Madankollu għadu kmieni wisq f’dan l-istadju biex jiġi konkluż jekk it-tnaqqis fil-kapaċità huwiex se jkompli jseħħ lil hinn mill-2021 f’livelli sinifikanti b’mod simili.

(11)

Il-kumpaniji tal-groundhandling ġew affettwati serjament mill-pandemija tal-COVID-19 u mit-tnaqqis li rriżulta fit-traffiku tal-ajru. In-numru mnaqqas b’mod sinifikanti ta’ titjiriet mill-bidu tal-pandemija kellu impatt negattiv fuq il-flussi tad-dħul tagħhom mill-forniment ta’ servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni. Għalhekk, ħafna fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling iltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji u ħafna minnhom diġà daħlu f’fażi ta’ ristrutturar, irċevew pakkett ta’ salvataġġ mill-Istat jew waqqfu l-operazzjonijiet.

(12)

Abbażi tal-previżjonijiet għal-livell tat-traffiku tal-ajru għax-xhur li ġejjin, x’aktarx li l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq fis-settur tal-groundhandling se jipprevalu minħabba l-għadd limitat ta’ titjiriet li għandhom jiġu servuti fl-2021. Ix-xejra negattiva fit-traffiku tal-ajru x’aktarx li tkompli taggrava s-sitwazzjoni finanzjarja serja tal-fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling bir-riskju li din tirriżulta f’fallimenti addizzjonali. F’dawk iċ-ċirkostanzi, aktar fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti fejn in-numru ta’ fornituri huwa limitat x’aktarx li jkollhom iwaqqfu l-forniment tas-servizzi ta’ groundhandling qabel it-tmiem tal-perjodu li għalih ikunu ntgħażlu. Dan jista’ jwassal għal interruzzjonijiet f’daqqa tas-servizzi ta’ groundhandling f’dawn l-ajruporti qabel ma jkun jista’ jintgħażel fornitur ġdid skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67/KE.

(13)

Huwa għalhekk xieraq li l-perjodu tad-deroga previst fl-Artikolu 24a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jiġi estiż mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(14)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, b’mod partikolari għall-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport u għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza spjegata fl-Artikolu 25b tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 24a tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Permezz ta’ deroga mill-punt (e) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67/KE, għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021, meta fornitur tas-servizzi ta’ groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel tmiem il-perjodu li għalih ikun intgħażel, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, tista’ tagħżel fornitur tas-servizzi ta’ groundhandling direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perjodu massimu ta’ sitt xhur jew għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2021, skont liema jkun l-itwal.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 1).


Top