Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2012

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2012 tal-5 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 li jistabbilixxi eżenzjoni de minimis għall-obbligu tal-ħatt l-art għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran, fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

C/2020/5295

ĠU L 415, 10.12.2020, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2012/oj

10.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 415/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2012

tal-5 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 li jistabbilixxi eżenzjoni de minimis għall-obbligu tal-ħatt l-art għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran, fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b’mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet tal-ispeċijiet li jkunu soġġetti għal limiti ta’ qbid. Fil-Baħar Mediterran, ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet ta’ speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni kif elenkati fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art japplika għas-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir mill-1 ta’ Jannar 2015.

(3)

Sabiex jiġu evitati kostijiet sproporzjonati għall-immaniġġjar tal-qabdiet mhux mixtieqa, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 (3) ippermetta l-iskartar ta’ perċentwal żgħir ta’ qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni. Jipprevedi eżenzjoni de minimis kombinata li tapplika għas-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiku u tartaruni tal-borża u li jaqbad l-inċova, is-sardin, il-kavalli u tas-sawrell fis-subżoni ġeografiċi tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11.1, 11.2, u 12 (il-Punent tal-Baħar Mediterran); 17 u 18 (il-Baħar Adrijatiku); u 15, 16, 19, 20, 22, 23 u 25 (ix-Xlokk tal-Baħar Mediterran).

(4)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/161 irid japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(5)

F’Mejju 2020, il-grupp ta’ Livell Għoli Pescamed fil-Punent tal-Mediterran (Spanja, Franza u l-Italja), il-grupp ta’ Livell Għoli Adriatica fil-Baħar Adrijatiku (l-Italja, il-Kroazja u s-Slovenja) u l-grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran (il-Greċja, l-Italja, Ċipru u Malta) li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għas-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran ressqu evidenza xjentifika biex jitolbu l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2018/161.

(6)

F’Mejju 2020, grupp ta’ ħidma ta’ esperti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) irrieżamina l-evidenza xjentifika mressqa u kien tal-fehma li l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis kienet tirrikjedi aktar evidenza, b’mod partikolari dwar il-livell ta’ qbid skartat irrappurtat fis-sajd ikkonċernat.

(7)

F’Ġunju 2020, it-tliet gruppi ta’ Livell Għoli tal-Istati Membri ressqu evidenza addizzjonali biex iwieġbu għall-osservazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti tal-STECF. Fid-dawl tal-evidenza addizzjonali mressqa, l-STECF (4) ikkonkluda li l-kriterji xjentifiċi li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis mogħtija skont ir-Regolament Delegat (UE) 2018/161 kienu ssodisfati.

(8)

L-eżenzjoni de minimis prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2018/161 tapplika għal diversi speċijiet li jinqabdu fl-istess ħin minn bastimenti tas-sajd ta’ skala żgħira u fi kwantitajiet li jvarjaw ħafna, u li jinħattu l-art f’ħafna punti differenti ta’ ħatt l-art mifruxa ġeografikament tul il-kosta, u dan jagħmilha aktar diffiċli li jintuża approċċ ta’ stokk uniku[?]. Dawk l-ispeċijiet huma soġġetti għal daqsijiet minimi ta’ konservazzjoni kif elenkati fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(9)

L-informazzjoni pprovduta fir-rigward tal-kostijiet sproporzjonati għall-immaniġġjar tal-qabdiet mhux mixtieqa u fir-rigward tal-livelli ta’ qabdiet mhux mixtieqa tjiebet. Madankollu l-STECF jinnota li jeħtieġ li jitjieb il-ġbir tad-data dwar il-qbid skartat. F’dan il-kuntest, u sabiex jiġu evitati kostijiet sproporzjonati għall-immaniġġjar tal-qabdiet mhux mixtieqa u l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati u tal-attivitajiet ekonomiċi relatati, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni de minimis stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2018/161.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/161 jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għall-iskop ta’ ċertezza tad-dritt u minħabba li r-Regolament Delegat (UE) 2018/161 jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 ”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 tat-23 ta’ Ottubru 2017 li jistabbilixxi eżenzjoni de minimis għall-obbligu tal-ħatt l-art għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran (ĠU L 30, 2.2.2018, p. 1).

(4)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) Evaluation of Joint Recommendations on the Landing Obligation and on the Technical Measures Regulation (STECF-20-04). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2694823/STECF+20-04+-+Eval+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/d71aef4f-7366-48cb-9cdb-afcf58565ee6


Top