Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1824

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1824 tat-2 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/8347

    ĠU L 406, 3.12.2020, p. 51–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1824/oj

    3.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 406/51


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1824

    tat-2 ta’ Diċembru 2020

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 u l-Artikolu 35(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ikel ġdid fl-Unjoni.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 (2) jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi dwar ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) 2015/2283. Dawk l-emendi għandhom l-għan li jsaħħu t-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fl-oqsma kollha tal-katina alimentari li fihom l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tagħti valutazzjoni xjentifika tar-riskju, inkluż fil-qasam tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi.

    (4)

    Fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 178/2002 introduċew dispożizzjonijiet ġodda dwar, fost kwistjonijiet oħra: pariri ġenerali ta’ qabel is-sottomissjoni mill-persunal tal-Awtorità wara talba ta’ applikant jew notifikant potenzjali u l-obbligu li jinnotifika l-istudji kkummissjonati jew imwettqa minn operaturi tan-negozju biex jappoġġaw applikazzjoni jew notifika u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dak l-obbligu. Iddaħħlu wkoll dispożizzjonijiet dwar id-divulgazzjoni pubblika mill-Awtorità tad-data xjentifika, tal-istudji u ta’ informazzjoni oħra kollha li jappoġġaw l-applikazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, minn kmieni fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, segwita minn konsultazzjoni ma’ partijiet terzi. L-emendi jistabbilixxu wkoll rekwiżiti proċedurali speċifiċi għas-sottomissjoni ta’ talbiet ta’ kunfidenzjalità u l-valutazzjoni tagħhom mill-Awtorità fir-rigward tal-informazzjoni sottomessa minn applikant, fil-każ li l-Kummissjoni titlob l-opinjoni tal-Awtorità.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1381 emenda wkoll ir-Regolament (UE) 2015/2283 biex jipprevedi d-divulgazzjoni pubblika mill-Awtorità ta’ notifiki fil-każ li din tressaq oġġezzjonijiet ta’ sikurezza debitament motivati kif ukoll biex tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw konsistenza mal-adattamenti tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet settorjali fir-rigward tal-informazzjoni kunfidenzjali.

    (6)

    Minħabba l-ambitu u l-applikazzjoni ta’ dawk l-emendi kollha, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 jiġi aġġustat biex jakkomoda l-bidliet fir-rigward tal-kontenut, tal-abbozzar u tal-preżentazzjoni tan-notifiki u l-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283, tal-arranġamenti għall-verifika tal-validità tan-notifiki u tal-applikazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-opinjoni tal-Awtorità. B’mod partikolari, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 jagħmel referenza għall-formati standard tad-data u li jesiġi li l-applikazzjonijiet jipprovdu informazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Jenħtieġ li jiċċara wkoll li l-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit ta’ notifika tifforma parti mill-verifika tal-validità ta’ applikazzjoni.

    (7)

    Barra minn hekk, meta jitqies il-fatt li l-Awtorità hija responsabbli mill-ġestjoni tal-bażi tad-data tal-istudji f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tikkonsulta lill-Awtorità bħala parti mill-verifika tal-validità tan-notifiki u tal-applikazzjonijiet, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi aċċertat li n-notifika jew l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti li huma stabbiliti f’dak l-Artikolu.

    (8)

    Meta jsiru konsultazzjonijiet pubbliċi matul il-valutazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 32c(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, jenħtieġ li l-opinjoni tal-Awtorità tinkludi wkoll ir-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet skont ir-rekwiżiti ta’ trasparenza li għalihom hija soġġetta l-Awtorità.

    (9)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mis-27 ta’ Marzu 2021 u li japplika għan-notifiki u għall-applikazzjonijiet imressqa minn dik id-data, li hija d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1381.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Notifika għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

    (a)

    ittra ta’ akkumpanjament;

    (b)

    dossier tekniku;

    (c)

    sommarju tad-dossier.

    Qabel l-adozzjoni ta’ formati standard tad-data skont l-Artikolu 39f tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, in-notifika għandha tiġi sottomessa permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika pprovduta mill-Kummissjoni, f’format elettroniku li jippermetti t-tniżżil, l-istampar u t-tiftix ta’ dokumenti. Wara l-adozzjoni ta’ formati standard tad-data skont l-Artikolu 39f tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dawk il-formati standard tad-data.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Is-sommarju tad-dossier imsemmi fil-paragrafu 1(c) għandu jipprovdi evidenza li l-użu ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz huwa konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/2283. Is-sommarju tad-dossier ma għandu jkun fih l-ebda informazzjoni soġġetta għal talba għal trattament kunfidenzjali skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u skont l-Artikolu 39a tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Applikazzjoni għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

    (a)

    ittra ta’ akkumpanjament;

    (b)

    dossier tekniku;

    (c)

    sommarju tad-dossier.

    (d)

    oġġezzjonijiet tas-sikurezza debitament motivati msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283;

    (e)

    ir-risposta tal-applikant għall-oġġezzjonijiet tas-sikurezza debitament motivati.

    Qabel l-adozzjoni ta’ formati standard tad-data skont l-Artikolu 39f tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika pprovduta mill-Kummissjoni, f’format elettroniku li jippermetti t-tniżżil, l-istampar u t-tiftix ta’ dokumenti. Wara l-adozzjoni ta’ formati standard tad-data skont l-Artikolu 39f tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dawk il-formati standard tad-data.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Is-sommarju tad-dossier imsemmi fil-paragrafu 1(c) għandu jipprovdi evidenza li l-użu ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz huwa konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/2283. Is-sommarju tad-dossier ma għandu jkun fih l-ebda informazzjoni soġġetta għal talba għal trattament kunfidenzjali skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u skont l-Artikolu 39a tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.”;

    (3)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    meta l-applikant jissottometti, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283, talba biex ċerti partijiet tal-informazzjoni tad-dossier, inkluż informazzjoni supplimentari, jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, lista tal-partijiet li għandhom jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali akkumpanjata minn ġustifikazzjoni verifikabbli li turi kif id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ potenzjalment tagħmel ħsara sinifikanti għall-interess tal-applikant fi grad sinifikanti;”;

    (b)

    jiżdied il-punt (f):

    “(f)

    lista tal-istudji sottomessi biex jappoġġaw in-notifika jew l-applikazzjoni, inkluż informazzjoni li turi konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.”;

    (4)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Verifika tal-validità ta’ notifika

    1.   Mal-wasla ta’ notifika ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha bla dewmien tivverifika jekk l-ikel ikkonċernat jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament(UE) 2015/2283 u jekk in-notifika tissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-Awtorità dwar jekk in-notifika tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri u l-Awtorità għandhom jipprovdu l-fehmiet tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-applikant fir-rigward tal-validità tan-notifika u tgħarraf lill-applikant dwar il-perjodu li fih dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u għall-Artikolu 32b(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, notifika tista’ titqies valida anki jekk ma jkunx fiha l-elementi kollha meħtieġa skont l-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament, dment li l-applikant ikun ressaq ġustifikazzjoni verifikabbli għal kull element nieqes.

    5.   Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Awtorità dwar jekk in-notifika tqisitx valida jew le. Jekk in-notifika ma tqisitx valida, il-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.”;

    (5)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Verifika tal-validità ta’ applikazzjoni

    1.   Mal-wasla ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha bla dewmien tivverifika jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli minn 4 sa 6 ta’ dan ir-Regolament u tal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Awtorità dwar jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1. L-awtorità għandha tipprovdi l-fehmiet tagħha lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-applikant fi kwistjonijiet dwar il-validità tal-applikazzjoni u tgħarraf lill-applikant dwar il-perjodu li fih dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u għall-Artikolu 32b(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, applikazzjoni tista’ titqies valida anki jekk ma jkunx fiha l-elementi kollha rekwiżiti skont l-Artikoli minn 4 sa 6 ta’ dan ir-Regolament, dment li l-applikant ikun ressaq ġustifikazzjoni verifikabbli għal kull element nieqes.

    5.   Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Awtorità dwar jekk l-applikazzjoni tqisitx valida jew le. Jekk l-applikazzjoni ma tqisitx valida, il-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.”;

    (6)

    L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    jiżdied il-punt (e):

    “(e)

    ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet imwettqa matul il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 32c(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.”

    (7)

    L-Annessi I u II huma sostitwiti f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    (8)

    Jitħassar l-Anness III.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-27 ta’ Marzu 2021 u għan-notifiki u għall-applikazzjonijiet li jiġu sottomessi lill-Kummissjoni minn dik id-data.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 55).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


    ANNESS

    L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2017/2468 huma sostitwiti kif ġej:

    (1)

    L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS I

    Mudell tal-ittra li takkumpanja notifika dwar ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Direttorat Ġenerali

    Direttorat

    Unità

    Data: …

    Suġġett: Notifika dwar ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283

    (Jekk jogħġbok indika b’mod ċar billi timmarka waħda mill-kaxxi)

    Notifika għal awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali ġdid.

    Notifika għaż-żieda, għat-tneħħija jew għall-modifika tal-kundizzjonijiet tal-użu ta’ ikel tradizzjonali diġà awtorizzat. Jekk jogħġbok ipprovdi referenza għal dik in-notifika.

    Notifika għaż-żieda, għat-tneħħija jew għall-modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ ikel tradizzjonali diġà awtorizzat. Jekk jogħġbok ipprovdi referenza għal dik in-notifika.

    Notifika għaż-żieda, għat-tneħħija jew għall-modifika tar-rekwiżiti ta’ tikkettar speċifiċi addizzjonali ta’ ikel tradizzjonali diġà awtorizzat. Jekk jogħġbok ipprovdi referenza għal dik in-notifika.

    Notifika għaż-żieda, għat-tneħħija jew għall-modifika ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq ta’ ikel tradizzjonali diġà awtorizzat. Jekk jogħġbok ipprovdi referenza għal dik in-notifika.

    L-Applikant(i) jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni

    (isem/ismijiet, indirizz(i).…)

    iressaq/iressqu din in-notifika sabiex tiġi aġġornata l-lista tal-Unjoni dwar ikel ġdid.

    L-identità tal-ikel tradizzjonali:

    Kunfidenzjalità. Skont il-każ, iddikjara jekk l-applikazzjoni tinkludix data kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283

    Iva

    Le

    Kategoriji tal-ikel, kundizzjonijiet tal-użu u rekwiżiti tat-tikkettar

    Kategorija tal-ikel

    Kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu

    Rekwiżit tat-tikkettar speċifiku addizzjonali

     

     

     

     

     

    Dejjem tiegħek,

    Firma …

    Mehmuża:

    Dossier tekniku komplut

    Sommarju tad-dossier (mhux kunfidenzjali)

    Lista tal-partijiet tad-dossier li dwarhom intalab li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni verifikabbli li turi kif id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ potenzjalment tagħmel ħsara sinifikanti għall-interessi tal-applikant

    Kopja tad-data amministrattiva tal-applikant(i)

    Lista ta’ studji u l-informazzjoni kollha dwar in-notifika tal-istudji f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002

    (2)

    L-Anness II huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS II

    Mudell tal-ittra li takkumpanja applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Direttorat Ġenerali

    Direttorat

    Unità

    Data: …

    Suġġett: Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283

    L-Applikant(i) jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni Ewropea

    (isem/ismijiet, indirizz(i).…)

    iressaq/iressqu din l-applikazzjoni sabiex tiġi aġġornata l-lista tal-Unjoni dwar ikel ġdid.

    L-identità tal-ikel tradizzjonali:

    Kunfidenzjalità. Skont il-każ, iddikjara jekk l-applikazzjoni tinkludix data kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283

    Iva

    Le

    Kategoriji tal-ikel, kundizzjonijiet tal-użu u rekwiżiti tat-tikkettar

    Kategorija tal-ikel

    Kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu

    Rekwiżit tat-tikkettar speċifiku addizzjonali

     

     

     

     

     

     

    Dejjem tiegħek,

    Firma …

    Mehmuża:

    Applikazzjoni kompluta

    Sommarju tal-applikazzjoni (mhux kunfidenzjali)

    Lista tal-partijiet tal-applikazzjoni li dwarhom hu mitlub li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni verifikabbli li turi kif id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ potenzjalment tagħmel ħsara sinifikanti għall-interessi tal-applikant

    Data ddokumentata li jkollha x’taqsam ma oġġezzjonijiet ta’ sikurezza debitament motivati

    Kopja tad-data amministrattiva tal-applikant(i)

    Lista ta’ studji u l-informazzjoni kollha dwar in-notifika tal-istudji f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002


    Top