Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1816

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispjegazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi f’kull parametru referenzjarju pprovdut u ppubblikat (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/4744

    ĠU L 406, 3.12.2020, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1816/oj

    3.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 406/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1816

    tas-17 ta’ Lulju 2020

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispjegazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi f’kull parametru referenzjarju pprovdut u ppubblikat

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(2b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, approvat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 (2) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra permezz ta’ flussi ta’ investiment li jkunu konsistenti mal-mixja lejn emissjonijiet ta’ gassijiet serra baxxi u żvilupp reżiljenti għall-klima.

    (2)

    Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (3). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prosperuża, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun separat mill-użu tar-riżorsi. L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tirrikjedi li l-investituri jiġu offruti sinjali ċari fuq perjodu ta’ żmien twil biex jiġu evitati l-assi mhux rekuperabbli u biex jinġabru finanzi sostenibbli.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jesiġi li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispjegaw fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG - environmental, social and governance) huma riflessi f’kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji li jkunu pprovduti u ppubblikati.

    (4)

    Jekk ikun hemm modi differenti ta’ kif jiġi spjegat kif il-fatturi ESG huma riflessi, dan iwassal għal nuqqas ta’ komparabbiltà bejn il-parametri referenzjarji u għal nuqqas ta’ ċarezza rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tal-fatturi ESG. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi speċifikat il-kontenut ta’ dik l-ispjegazzjoni u li jiġi stipulat mudell li għandu jintuża.

    (5)

    Sabiex l-informazzjoni tiġi adattata aħjar għall-investituri, ir-rekwiżit li jiġi spjegat kif il-fatturi ESG huma riflessi f’kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji li jkunu pprovduti u ppubblikati jeħtieġ li jikkunsidra l-assi sottostanti li fuqhom ikunu bbażati l-parametri referenzjarji. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għall-parametri referenzjarji li ma għandhomx assi sottostanti li għandhom impatt fuq it-tibdil fil-klima bħall-parametri referenzjarji tar-rata tal-imgħax u l-parametri referenzjarji tal-kambju.

    (6)

    Jenħtieġ li l-ispjegazzjoni dwar kif inhuma riflessi l-fatturi ESG tkun tindika l-punteġġ korrispondenti tal-fatturi ESG rilevanti vis-à-vis il-parametru referenzjarju, f’valur medju ponderat aggregat. Jenħtieġ li tali punteġġ ma jiġix iddivulgat għal kull kostitwent tal-parametri referenzjarji. Fejn rilevanti u xieraq, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni ESG addizzjonali.

    (7)

    Minħabba l-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għad-divulgazzjoni tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, u għall-parametri referenzjarji tal-ekwitajiet u tal-bonds ta’ importanza sinifikanti.

    (8)

    Sabiex l-utenti tal-parametri referenzjarji jingħataw informazzjoni preċiża u aġġornata, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jaġġornaw l-informazzjoni pprovduta biex tirrifletti kull bidla li ssir fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju, u jenħtieġ li jindikaw ir-raġuni u d-dati meta tkun ġiet aġġornata l-informazzjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “ekwità” tfisser ishma kkwotati;

    (b)

    “introjtu fiss” tfisser titoli ta’ dejn ikkwotati, għajr dawk maħruġa minn emittent sovran;

    (c)

    “dejn sovran” tfisser titoli ta’ dejn maħruġa minn emittent sovran.

    Artikolu 2

    Spjegazzjoni ta’ kif il-fatturi ESG huma riflessi f’kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji

    1.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jispjegaw fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju, billi jużaw il-mudell stipulat fl-Anness I, kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) elenkati fl-Anness II huma riflessi f’kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji li jkunu pprovdew u ppubblikaw.

    Ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-parametri referenzjarji tar-rata tal-imgħax u tal-kambju.

    2.   L-ispjegazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-punteġġ tal-fatturi ESG vis-à-vis il-parametru referenzjarju u l-familja ta’ parametri referenzjarji korrispondenti, f’valur medju ponderat aggregat.

    3.   Għall-parametri referenzjarji individwali, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu, minflok ma jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-mudell stipulat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, jissostitwixxu dik l-informazzjoni b’iperlink inkluż fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju, għal sit web li jkun fih dik l-informazzjoni kollha.

    4.   Fil-każijiet fejn il-parametri referenzjarji jamalgamaw assi sottostanti differenti, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jispjegaw kif il-fatturi ESG huma riflessi għal kull wieħed mill-assi sottostanti.

    5.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jinkludu fl-ispjegazzjoni pprovduta referenza għas-sorsi tad-data u tal-istandards użati għall-fatturi ESG iddivulgati.

    6.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jiddivulgaw fatturi ESG addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1817 (4) għandhom jinkludu l-punteġġ ta’ dawk il-fatturi ESG addizzjonali.

    Artikolu 3

    Aġġornament tal-ispjegazzjoni pprovduta

    L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jaġġornaw l-ispjegazzjoni pprovduta kull meta jsiru bidliet sinifikanti relatati mal-fatturi ESG u fi kwalunkwe każ fuq bażi annwali. Għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-aġġornament.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

    (3)  COM(2019) 640 final.

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1817 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu tal-ispjegazzjoni dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi fil-metodoloġija tal-parametri referenzjarji (ara paġna 12 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali)..


    ANNESS I

    MUDELL GĦALL-ISPJEGAZZJONI TA’ KIF IL-FATTURI AMBJENTALI, SOĊJALI U TA’ GOVERNANZA (ESG) HUMA RIFLESSI FID-DIKJARAZZJONI TA’ PARAMETRU REFERENZJARJU

    SPJEGAZZJONI TA’ KIF IL-FATTURI ESG HUMA RIFLESSI F’KULL PARAMETRU REFERENZJARJU

    TAQSIMA 1 – KUNSIDERAZZJONI TAL-FATTURI ESG

    Entrata 1. Isem l-amministratur tal-parametru referenzjarju.

     

    Entrata 2. Tip ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji.

    Agħżel l-assi sottostanti rilevanti mil-lista pprovduta fl-Anness II.

     

    Entrata 3. Isem il-parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji.

     

    Entrata 4. Fil-portafoll tal-amministratur tal-parametru referenzjarju hemm xi Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, parametri referenzjarji li jfittxu li jiksbu l-objettivi ESG jew parametri referenzjarji li jqisu l-fatturi ESG?

    ☐ Iva ☐ Le

    Entrata 5. Il-parametru referenzjarju jew il-familja ta’ parametri referenzjarji jfittxu li jiksbu l-objettivi ESG?

    ☐ Iva ☐ Le

    Entrata 6. Meta t-tweġiba għall-Entrata 5 tkun pożittiva, ipprovdi d-dettalji (il-punteġġ) hawn taħt b’rabta mal-fatturi ESG elenkati fl-Anness II għal kull familja ta’ parametri referenzjarji fil-livell aggregat.

    Il-fatturi ESG għandhom jiġu ddivulgati f’valur medju ponderat aggregat fil-livell tal-familja ta’ parametri referenzjarji.

    (a)

    Lista ta’ fatturi ESG ikkombinati:

    Dettalji dwar kull fattur:

    (b)

    Lista ta’ fatturi ambjentali:

    Dettalji dwar kull fattur:

    (c)

    Lista ta’ fatturi soċjali:

    Dettalji dwar kull fattur:

    (d)

    Lista ta’ fatturi ta’ governanza:

    Dettalji dwar kull fattur:

    Entrata 7. Meta t-tweġiba għall-Entrata 5 tkun pożittiva, ipprovdi d-dettalji (il-punteġġ) hawn taħt għal kull parametru referenzjarju, b’rabta mal-fatturi ESG elenkati fl-Anness II, skont l-assi sottostanti rilevanti kkonċernat.

    Inkella, din l-informazzjoni kollha tista’ tiġi pprovduta fl-għamla ta’ iperlink għal sit web tal-amministratur tal-parametru referenzjarju li jiġi inkluż fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju. L-informazzjoni dwar is-sit web għandha tkun faċilment disponibbli u aċċessibbli. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tagħhom tibqa’ disponibbli għal ħames snin.

    Il-punteġġ tal-fatturi ESG ma għandux jiġi ddivulgat għal kull kostitwent tal-parametru referenzjarju, iżda għandu jiġi ddivulgat f’valur medju ponderat aggregat tal-parametru referenzjarju.

    (a)

    Lista ta’ fatturi ESG ikkombinati:

    Dettalji dwar kull fattur:

    (b)

    Lista ta’ fatturi ambjentali:

    Dettalji dwar kull fattur:

    (c)

    Lista ta’ fatturi soċjali:

    Dettalji dwar kull fattur:

    (d)

    Lista ta’ fatturi ta’ governanza:

    Dettalji dwar kull fattur:

    Iperlink għall-informazzjoni dwar il-fatturi ESG għal kull parametru referenzjarju:

     

    Entrata 8. Id-data u l-istandards użati

    (a)

    Deskrizzjoni tas-sorsi tad-data użata biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-fatturi ESG fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju.

    Iddeskrivi min liema sorsi ġejja d-data użata biex tipprovdi informazzjoni dwar il-fatturi ESG fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju, u jekk, u sa liema punt, id-data hijiex stmata jew irrappurtata.

     

    (b)

    Standards ta’ referenza.

    Elenka l-istandards li fuqhom serraħ ir-rapportar tiegħek fl-entrata 6 u/jew fl-entrata 7.

     

    TAQSIMA 2 – REKWIŻITI ADDIZZJONALI TA’ DIVULGAZZJONI GĦALL-PARAMETRI REFERENZJARJI TAT-TRANŻIZZJONI KLIMATIKA TAL-UE U L-PARAMETRI REFERENZJARJI TAL-UE ALLINJATI MAL-FTEHIM TA’ PARIĠI

    Entrata 9. Meta parametru referenzjarju jkun denominat bħala “Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE” jew “Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi”, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiddivulgaw ukoll l-informazzjoni segwenti:

    (a)

    it-trajettorja sena wara sena tad-dekarbonizzazzjoni li tħares ’il quddiem;

     

    (b)

    il-grad sa fejn inkisbet it-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni tal-IPCC (1,5 °C bl-ebda eċċess jew eċċess limitat) bħala medja kull sena minn meta nħolqot;

     

    (c)

    is-sovrapożizzjoni bejn dawk il-parametri referenzjarji u l-possibbiltajiet ta’ investiment tagħhom, skont l-Artikolu 1, il-punt (e), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 (1), billi jintuża s-sehem attiv fil-livell tal-assi.

     

    TAQSIMA 3 – DIVULGAZZJONI TAL-ALLINJAMENT MAL-OBJETTIVI TAL-FTEHIM TA’ PARIĠI

    Entrata 10. Mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għall-parametri referenzjarji tal-ekwitajiet u tal-bonds ta’ importanza sinifikanti, għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom ukoll jiddivulgaw l-informazzjoni segwenti.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom, għal kull parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, għal kull familja ta’ parametri referenzjarji, jiddivulgaw l-informazzjoni segwenti:

    (a)

    Il-parametru referenzjarju huwa allinjat mal-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju jew mal-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi?

    ☐ Iva ☐ Le

    (b)

    ix-xenarju tat-temperatura, skont l-istandards internazzjonali, użati għall-allinjament mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew tal-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi;

     

    (c)

    isem il-fornitur tax-xenarju tat-temperatura użat għall-allinjament mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew il-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi;

     

    (d)

    il-metodoloġija użata għall-kejl tal-allinjament max-xenarju tat-temperatura;

     

    (e)

    l-iperlink tas-sit web tax-xenarju tat-temperatura li ntuża.

     

    Data meta l-informazzjoni ġiet aġġornata l-aħħar u r-raġuni għall-aġġornament:

     


    (1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (Ara paġna 17 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS II

    FATTURI AMBJENTALI, SOĊJALI U TA’ GOVERNANZA (ESG) LI GĦANDHOM JITQIESU SKONT L-ASSI SOTTOSTANTI TAL-PARAMETRU REFERENZJARJU

    Taqsima 1

    EKWITÀ

    FATTURI ESG

    DIVULGAZZJONIJIET

    Fatturi ESG ikkombinati

    Il-klassifikazzjoni ESG medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-klassifikazzjoni ESG kumplessiva tal-10 komponenti prinċipali tal-parametru referenzjarju skont il-ponderazzjoni fil-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Ambjentali

    Il-klassifikazzjoni ambjentali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-enerġija rinnovabbli kif imkejjel skont l-infiq kapitali (CapEx) f’dawk l-attivitajiet (bħala sehem tal-CapEx totali mill-kumpaniji tal-enerġija inklużi fil-portafoll) (fuq bażi fakultattiva).

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għar-riskji fiżiċi relatati mal-klima, li jkejjel l-effetti ta’ avvenimenti estremi tat-temp fuq l-operat u l-produzzjoni tal-kumpaniji jew fuq l-istadji differenti tal-katina ta’ provvista (abbażi tal-esponiment tal-emittent) (fuq bażi fakultattiva).

    Il-grad tal-esponiment tal-portafoll għas-setturi elenkati fit-Taqsimiet minn A sa H u t-Taqsima L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) bħala perċentwal tal-piż totali fil-portafoll.

    L-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) tal-parametru referenzjarju.

    Il-perċentwal tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra rrapportati vis-à-vis dawk stmati.

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-kumpaniji li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt id-Diviżjonijiet minn 05 sa 09, 19 u 20 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-attivitajiet inklużi fis-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (5) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Soċjali

    Il-klassifikazzjoni soċjali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    It-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali, il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jew, fejn applikabbli, id-dritt nazzjonali użati sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi “arma kontroversjali”.

    Il-perċentwal medju ponderat tal-komponenti tal-parametru referenzjarju fis-settur tal-armi kontroversjali.

    Il-perċentwal medju ponderat tal-komponenti tal-parametru referenzjarju fis-settur tat-tabakk.

    L-għadd ta’ komponenti tal-parametru referenzjarju soġġetti għall-ksur soċjali (l-għadd assolut u l-għadd relattiv diviżi bil-komponenti tal-parametru referenzjarju), kif imsemmi fi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, fil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u, fejn applikabbli, fid-dritt nazzjonali.

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-kumpaniji mingħajr politiki ta’ diliġenza dovuta dwar kwistjonijiet indirizzati mill-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol minn 1 sa 8.

    Il-medja ponderata tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi.

    Il-proporzjon medju ponderat bejn il-membri nisa u rġiel tal-bordijiet.

    Il-proporzjon medju ponderat ta’ inċidenti, feriti, fatalitajiet.

    L-għadd ta’ kundanni u l-ammont ta’ multi għall-ksur tal-liġijiet kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim.

    Governanza

    Il-klassifikazzjoni medja ponderata tal-governanza tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-perċentwal medju ponderat tal-membri tal-bordijiet li huma indipendenti.

    Il-proporzjon medju ponderat tal-membri tal-bordijiet nisa.

    Taqsima 2

    INTROJTU FISS

    FATTURI ESG

    DIVULGAZZJONIJIET

    Fatturi ESG ikkombinati

    Il-klassifikazzjoni ESG medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-klassifikazzjoni ESG kumplessiva tal-10 komponenti prinċipali tal-parametru referenzjarju skont il-ponderazzjoni fil-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Ambjentali

    Il-klassifikazzjoni ambjentali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-enerġija rinnovabbli kif imkejjel skont l-infiq kapitali (CapEx) f’dawk l-attivitajiet (bħala sehem tal-CapEx totali mill-kumpaniji tal-enerġija inklużi fil-portafoll) (fuq bażi fakultattiva).

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għar-riskji fiżiċi relatati mal-klima, li jkejjel l-effetti ta’ avvenimenti estremi tat-temp fuq l-operat u l-produzzjoni tal-kumpaniji jew fuq l-istadji differenti tal-katina ta’ provvista (abbażi tal-esponiment tal-emittent) (fuq bażi fakultattiva).

    Il-grad tal-esponiment tal-portafoll għas-setturi elenkati fit-Taqsimiet minn A sa H u t-Taqsima L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 bħala perċentwal tal-piż totali fil-portafoll.

    L-intensità GHG tal-parametru referenzjarju.

    Il-perċentwal tal-emissjonijiet rrapportati vis-à-vis dawk stmati.

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-kumpaniji li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt id-Diviżjonijiet minn 05 sa 09, 19 u 20 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

    Il-perċentwal ta’ bonds ħodor fil-portafoll tal-parametru referenzjarju.

    Soċjali

    Il-klassifikazzjoni soċjali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    It-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali, il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jew, fejn applikabbli, id-dritt nazzjonali użati sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi “arma kontroversjali”.

    Il-perċentwal medju ponderat tal-komponenti tal-parametru referenzjarju fis-settur tal-armi kontroversjali.

    Il-perċentwal medju ponderat tal-komponenti tal-parametru referenzjarju fis-settur tat-tabakk.

    L-għadd ta’ komponenti tal-parametru referenzjarju soġġetti għall-ksur soċjali (l-għadd assolut u l-għadd relattiv diviżi bil-komponenti tal-parametru referenzjarju), kif imsemmi fi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, fil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jew, fejn applikabbli, fid-dritt nazzjonali.

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għall-kumpaniji mingħajr politiki ta’ diliġenza dovuta dwar kwistjonijiet indirizzati mill-Konvenzjonijiet minn 1 sa 8 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

    Il-medja ponderata tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi.

    Il-proporzjon medju ponderat bejn il-membri nisa u rġiel tal-bordijiet.

    Il-proporzjon medju ponderat ta’ inċidenti, feriti, fatalitajiet.

    L-għadd ta’ kundanni u l-ammont ta’ multi għall-ksur tal-liġijiet kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim.

    Governanza

    Il-klassifikazzjoni medja ponderata tal-governanza tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Taqsima 3

    DEJN SOVRAN

    FATTURI ESG

    DIVULGAZZJONIJIET

    Fatturi ESG ikkombinati

    Il-klassifikazzjoni ESG medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-klassifikazzjoni ESG kumplessiva tal-10 komponenti prinċipali tal-parametru referenzjarju skont il-ponderazzjoni fil-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-perċentwal ta’ kumpaniji tal-ġestjoni tal-fondi sottostanti li ntrabtu bi standards internazzjonali.

    Ambjentali

    Il-klassifikazzjoni ambjentali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    L-esponiment tal-portafoll tal-parametru referenzjarju għar-riskji fiżiċi relatati mal-klima, li jkejjel l-effetti ta’ avvenimenti estremi tat-temp fuq l-operat u l-produzzjoni tal-kumpaniji jew fuq l-istadji differenti tal-katina ta’ provvista (abbażi tal-esponiment tal-emittent) (fuq bażi fakultattiva).

    L-ewwel għaxar u l-aħħar għaxar komponenti skont l-esponiment għal riskji fiżiċi relatati mal-klima (fuq bażi fakultattiva).

    L-intensità GHG tal-parametru referenzjarju.

    Il-perċentwal tal-emissjonijiet rrapportati vis-à-vis dawk stmati.

    Il-perċentwal ta’ bonds ħodor fil-portafoll tal-parametru referenzjarju.

    Soċjali

    Il-klassifikazzjoni soċjali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    L-għadd ta’ komponenti tal-parametru referenzjarju soġġetti għall-ksur soċjali (l-għadd assolut u l-għadd relattiv diviżi bil-komponenti tal-parametru referenzjarju), kif imsemmi fi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, fil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u, fejn applikabbli, fid-dritt nazzjonali.

    Il-prestazzjoni medja tal-emittenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Il-punteġġ medju tal-inugwaljanza fl-introjtu, li jkejjel id-distribuzzjoni tal-introjtu u l-inugwaljanza ekonomika fost il-parteċipanti f’ekonomija partikolari (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Il-punteġġ medju tal-libertà ta’ espressjoni li jkejjel sa fejn l-organizzazzjonijiet politiċi u ċivili tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Governanza

    Il-klassifikazzjoni medja ponderata tal-governanza tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-punteġġ medju tal-korruzzjoni li jkejjel il-livell perċepit ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Il-punteġġ medju tal-istabbiltà politika, li jkejjel il-probabbiltà li r-reġim attwali se jitneħħa mill-poter bl-użu tal-forza (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Il-punteġġ medju tal-istat tad-dritt, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ korruzzjoni, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, u l-istat tal-ġustizzja ċivili u kriminali (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Taqsima 4

    KOMODITÀ

    FATTURI ESG

    DIVULGAZZJONIJIET

    Ambjentali

    Il-grad ta’ esponiment tal-komoditajiet sottostanti għar-riskji fiżiċi relatati mal-klima, li jkejjel l-effetti ta’ avvenimenti estremi tat-temp fuq l-operat u l-produzzjoni tal-kumpaniji jew fuq l-istadji differenti tal-katina ta’ provvista (baxx, moderat jew għoli) (fuq bażi fakultattiva).

    Il-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati r-riskji fiżiċi relatati mal-klima (fuq bażi fakultattiva).

    Il-grad ta’ esponiment tal-komoditajiet sottostanti għar-riskji b’rabta mat-tranżizzjoni klimatika, li jkejjel l-impatti finanzjarji li jirriżultaw mill-effetti tal-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (baxx, moderat jew għoli).

    Soċjali

    Il-grad ta’ esponiment tal-komoditajiet sottostanti għar-riskji soċjali (baxx, moderat jew għoli).

    Governanza

    Il-grad ta’ esponiment tal-komoditajiet sottostanti għar-riskji ta’ governanza (baxx, moderat jew għoli).

    Il-punteġġ medju tal-istat tad-dritt, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ korruzzjoni, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tal-ġustizzja ċivili u kriminali (inkluż indikatur kwantitattiv u l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat).

    Taqsima 5

    OĦRAJN

    FATTURI ESG

    DIVULGAZZJONIJIET

    Fatturi ESG ikkombinati

    Il-klassifikazzjoni ESG medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Ambjentali

    Il-klassifikazzjoni ambjentali medja ponderata tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-grad tal-esponiment tal-portafoll għall-opportunitajiet relatati mal-klima, li jkejjel l-opportunitajiet ta’ investiment relatati ma’ soluzzjonijiet ta’ investiment ġodda u innovanti marbutin mat-tibdil fil-klima (fuq bażi fakultattiva).

    L-intensità GHG tal-parametru referenzjarju.

    Il-grad tal-esponiment tal-portafoll għas-setturi elenkati fit-Taqsimiet minn A sa H u t-Taqsima L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 bħala perċentwal tal-piż totali fil-portafoll.

    Soċjali

    Il-klassifikazzjoni soċjali medja ponderata għall-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    It-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali, il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jew, fejn applikabbli, id-dritt nazzjonali użati sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi “arma kontroversjali”.

    Il-perċentwal medju ponderat tal-komponenti tal-parametru referenzjarju fis-settur tal-armi kontroversjali.

    Il-perċentwal medju ponderat tal-komponenti tal-parametru referenzjarju fis-settur tat-tabakk.

    Governanza

    Il-klassifikazzjoni medja ponderata tal-governanza tal-parametru referenzjarju (fuq bażi fakultattiva).

    Il-perċentwal ta’ fondi sottostanti b’politiki ta’ ġestjoni tajba (stewardship) fis-seħħ, inklużi miżuri għall-ippjanar u l-ġestjoni tar-riżorsi.


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (ĠU L 192 22.7.2011, p. 1).


    Top