EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1759

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1759 tat-28 ta’ Awwissu 2020 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ

C/2020/5825

ĠU L 397, 26.11.2020, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1759/oj

26.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 397/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1759

tat-28 ta’ Awwissu 2020

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 15(6) u l-Artikolu 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b’mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet li għalihom hemm limiti tal-qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar tal-ħut permezz ta’ atti delegati għal perjodu ta’ mhux iktar minn tliet snin u li jista’ jiġġedded darba abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Lbiċ u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi, fit-2 ta’ Ġunju 2017 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni biex jiġi estiż it-tul taż-żmien tal-eżenzjonijiet de minimis stabbilit fil-pjan għall-iskartar.

(4)

Wara dik ir-rakkomandazzjoni u evalwazzjoni pożittiva min-naħa tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (2), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/188 (3) estenda l-eżenzjoni de minimis għall-qabdiet tal-inċova, tal-kavalli u tas-sawrell li jsiru fid-diviżjoni 8 tal-ICES, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar, bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTM) u bix-xbieki tat-tkarkir bil-paranzi (PTM) għall-2018, l-2019 u l-2020. Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 (4) kien diġà ta dik l-eżenzjoni għall-OTM u għall-PTM għall-2015, l-2016 u l-2017 minħabba l-argument iġġustifikat dwar id-diffikultajiet biex tiżdied iktar is-selettività.

(5)

Bi żball, il-PTM tħallew barra bla ħsieb mir-Regolament Delegat (UE) 2018/188 u l-Istati Membri msemmijin hawn fuq talbu lill-Kummissjoni tikkoreġi dan. Jenħtieġ li r-referenza għal tip ta’ rkaptu wieħed titneħħa sabiex ikunu koperti t-tipi kollha ta’ rkaptu pelaġiku (l-OTM u l-PTM) f’dak li għandu x’jaqsam mal-qabdiet tal-inċova, tal-kavalli u tas-sawrell.

(6)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1394/2014 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati ma’ dan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. Minħabba li r-Regolament Delegat (UE) 2018/188 beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2018, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1394/2014, l-Artikolu 3(c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

sa massimu ta’ 4 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-inċova, għall-kavalli u għas-sawrell, fis-sajd pelaġiku bit-tkarkir, immirat għall-inċova, għall-kavalli u għas-sawrell fid-diviżjoni 8 tal-ICES bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiku;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/812327/STECF+PLEN+14-02.pdf/e29cf181-8d63-40ef-8050-6d980b12528f

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/188 tal-21 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ (ĠU L 36, 9.2.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 tal-20 ta’ Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 31).


Top