Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1696

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1696 tat-12 ta’ Novembru 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

ĠU L 381, 13.11.2020, p. 8–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1696/oj

13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 381/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1696

tat-12 ta’ Novembru 2020

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l‐Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/2063.

(2)

Fil-11 ta' Novembru 2019, il-Kunsill, wara li qies il-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja li għaddejja bħalissa fil-Venezwela u l-azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1893 (2) li ġeddet il-miżuri restrittivi fis-seħħ sal-14 ta' Novembru 2020, inklużi d-deżinjazzjonijiet kollha tal-persuni li huma soġġetti għal miżuri restrittivi. Fl-istess jum il-Kunsill adotta r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/1891 (3), li emenda l-informazzjoni relatata ma' tmien persuni elenkati.

(3)

Fil-21 ta' Diċembru 2019, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli") ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li semmiet li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Venezwela u tal-Assemblea Kostitwenti mhux rikonoxxuta li titneħħa l-immunità parlamentari mogħtija kostituzzjonalment lil erba' membri tal-Assemblea Nazzjonali kienet ksur serju tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, tal-istat tad-dritt u tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat. Dik id-dikjarazzjoni għamlitha ċara li l-Unjoni ser tkompli ssegwi s-sitwazzjoni u indikat li l-Unjoni tinsab lesta li tuża l-istrumenti disponibbli tagħha biex tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi miżuri mmirati li ma jagħmlux ħsara lill-poplu Venezwelan.

(4)

Fid-9 ta' Jannar 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li qalet li l-atti reċenti kontra l-uniku korp elett demokratikament fil-Venezwela, l-Assemblea Nazzjonali, u ħafna mill-Membri tagħha, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, komplew jintensifikaw il-kriżi tal-Venezwela u li t-tentattivi biex jiġi mblukkat bil-forza proċess elettorali leġittimu għall-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta' Jannar 2020 u l-użu tal-forza kontra l-President tagħha u diversi leġiżlaturi biex jiġi impedut l-aċċess tagħhom għall-Assemblea Nazzjonali kienu kompletament inaċċettabbli. Dik id-dikjarazzjoni indikat ukoll li s-sessjoni ta' votazzjoni li wasslet għall-hekk imsejħa elezzjoni ta' Luis Parra ma kinitx leġittima għaliex ma rrispettatx il-proċeduri legali, u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi, u li l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali jridu jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom kif ingħatalhom mill-poplu Venezwelan mingħajr ebda intimidazzjoni jew tpattija. Barra minn hekk, fid-dawl ta' dawn l-atti u deċiżjonijiet serji li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, dik id-dikjarazzjoni ssottolinjat l-impenn tal-Unjoni li tibda l-ħidma biex tapplika miżuri mmirati kontra individwi involuti fil-ksur ta' dawk il-prinċipji u drittijiet.

(5)

Fl-4 ta' Ġunju 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela, inkluża d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Venezwela tas‐26 ta' Mejju 2020 li rratifikat lil Luis Parra bħala President tal-Assemblea Nazzjonali. Dik id-dikjarazzjoni ssottolinjat li l-Unjoni tqis li s-sessjoni tal-votazzjoni li wasslet għall-hekk imsejħa elezzjoni ta' Luis Parra ma kinitx leġittima, għaliex la rrispettat il-proċeduri legali u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi. Hija qalet ukoll li l-aħħar żviluppi komplew aggravaw il-kriżi istituzzjonali u politika li ilha sejra fil-Venezwela u naqqsu l-ispazju demokratiku u kostituzzjonali fil-pajjiż. Dik id-dikjarazzjoni tenniet il-pożizzjoni tal-Unjoni li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tal-Venezwela tista' tinkiseb biss permezz ta' proċess politiku ġenwin u inklużiv, u ssottolinjat li l-Unjoni tirrifjuta kull tip ta' vjolenza, inkluża kwalunkwe inkursjoni militari jew vjolenti fil-pajjiż. F'dan il-kuntest, l-Unjoni nnotat li l-ftehim reċenti bejn atturi nazzjonali dwar l-assistenza umanitarja huwa pass pożittiv u enfasizzat il-ħtieġa li n-naħat kollha jaħdmu flimkien u b'mod kostruttiv biex tittaffa t-tbatija drammatika tal-poplu Venezwelan li qed tiġi aggravata mill-pandemija tal-COVID-19.

(6)

Fis-16 ta' Ġunju 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li ssottolinjat li elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali ħielsa u ġusti li jirrispettaw l-istandards internazzjonali huma kruċjali biex tingħeleb il-kriżi fil-Venezwela u li Kunsill Elettorali (CNE) indipendenti u bbilanċjat kif ukoll kundizzjonijiet ekwi li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' partiti u kandidati politiċi huma s-sisien għal proċess elettorali kredibbli. Barra minn hekk, l-UE appellat lill-Gvern u lill-oppożizzjoni biex jidħlu f'negozjati sinifikattivi u inklużivi dwar il-kostituzzjoni tas-CNE u t-tneħħija tal-projbizzjonijiet fuq il-partiti tal-oppożizzjoni.

(7)

Fid-29 ta' Ġunju 2020, fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fil-Venezwela, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/897 (4), li assoġġettat ħdax-il persuna għal miżuri restrittivi.

(8)

F'dan il-kuntest, f'konformità mal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) 2017/2063, il-Kunsill irrieżamina l-lista li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 u kkonkluda li l-miżuri restrittivi kontra l-persuni kollha fil-lista li tinsab fih għandhom jinżammu.

(9)

Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet fir-rigward ta' erbatax-il persuna jenħtieġ li tiġi aġġornata u jenħtieġ li jiġu kapitalizzati l-kunjomijiet tal-persuni elenkati kollha.

(10)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 295, 14.11.2017, p. 21.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1893 tal-11 ta' Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 291, 12.11.2019, p. 42).

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1891 tal-11 ta' Novembru 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 291, 12.11.2019, p. 13).

(4)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/897 tad-29 ta' Ġunju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 205I, 29.6.2020, p. 1).


ANNESS

L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"ANNESS IV

LISTA TA' PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8(3)

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Néstor Luis REVEROL TORRES

Data tat-twelid:28 ta' Ottubru 1964

Sess: raġel

Ministru għall-Intern, Ġustizzja u Paċi mill-2016. Maħtur ukoll bħala Viċi-President tax-Xogħlijiet u s-Servizzi Pubbliċi u Segretarju Eżekuttiv tal-Persunal Ġenerali għall-Elettriku f'April 2019. Eks Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, ġie promoss għal Ġeneral fil-Kap tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana f'Awwissu 2020. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża t-tortura ta' priġunieri (politiċi), u għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inklużi l-projbizzjoni u r-repressjoni ta' dimostrazzjonijiet politiċi, imwettqa mill-forzi tas-sigurtà taħt il-kmand tiegħu.

22.1.2018

2.

Gustavo Enrique GONZÁLEZ LÓPEZ

Data tat-twelid:2 ta' Novembru 1960

Sess: raġel

Maħtur mill-ġdid Kap tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN) fit-30 ta' April 2019. Eks Konsulent dwar is-Sigurtà u l-Intelligence għall-Uffiċċju tal-President mit-8 ta' Jannar 2019 sat-30 ta' April 2019 u Kap tas-SEBIN sa Ottubru 2018. Bħala Kap tas-SEBIN, kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura) u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela.

22.1.2018

3.

Tibisay LUCENA RAMÍREZ

Data tat-twelid:26 ta' April 1959

Sess: mara

President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral jew CNE) minn April 2006 sa Ġunju 2020. L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi naqsu milli jiżguraw li s-CNE jibqa' istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni Venezwelana u b'hekk iffaċilitat l-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti u l-elezzjoni mill-ġdid ta' Nicolás Maduro f'Mejju 2018 permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali li la kienu ħielsa u lanqas ġusti.

22.1.2018

4.

Antonio José BENAVIDES TORRES

Data tat-twelid:13 ta' Ġunju 1961

Sess: raġel

Kap tal-Gvern tad-Distrett Kapitali (Distrito Capital) sa Jannar 2018. Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sal-21 ta' Ġunju 2017. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż li l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana tmexxi fis-sorveljanza ta' dimostrazzjonijiet ċivili u l-promozzjoni pubblika biex il-qrati militari jkollhom ġuriżdizzjoni fuq il-persuni ċivili, dgħajfu l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

22.1.2018

5.

Maikel José MORENO PÉREZ

Data tat-twelid:12 ta' Diċembru 1965

Sess: raġel

President, u eks Viċi President, tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezwela (Tribunal Supremo de Justicia). F'dawn ir-rwoli, huwa appoġġa u ffaċilita l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa responsabbli għal azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li użurpaw l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali, inklużi l-ħatra tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) f'Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni tal-bordijiet tat-tmexxija ta' tliet partiti tal-oppożizzjoni f'Ġunju u Lulju 2020.

22.1.2018

6.

Tarek William SAAB HALABI

Data tat-twelid:10 ta' Settembru 1963

Post tat-twelid:El Tigre, Stat ta' Anzoátegui, Venezwela

Sess: raġel

Avukat Ġenerali tal-Venezwela maħtur mill-Assemblea Kostitwenti. F'dan ir-rwol, u fir-rwoli preċedenti bħala Ombudsman u President tal-Kunsill Morali Repubblikan, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela billi pubblikament appoġġa azzjonijiet kontra avversarji tal-gvern tal-Venezwela u l-irtirar ta' kompetenzi mill-Assemblea Nazzjonali.

22.1.2018

7.

Diosdado CABELLO RONDÓN

Data tat-twelid:15 ta' April 1963

Sess: raġel

President tal-Assemblea Kostitwenti u l-Ewwel Viċi President tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV). Involut f'azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bl-użu tal-media biex jiġu attakkati u mhedda pubblikament l-oppożizzjoni politika, media oħra u s-soċjetà ċivili.

22.1.2018

8.

Tareck Zaidan EL-AISSAMI MADDAH

Data tat-twelid:12 ta' Novembru 1974

Sess: raġel

Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Enerġija Popolari taż-Żejt kif ukoll l-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali. Bħala l-eks Viċi President tal-Venezwela b'sorveljanza tad-direzzjoni tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN), El-Aissami huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjoni, inklużi detenzjonijiet arbitrarji, investigazzjonijiet motivati politikament, trattament inuman u degradanti, u tortura. Huwa wkoll responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluża l-projbizzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi, u t-tmexxija tal-"kmand anti-coup" tal-President Maduro li kellu fil-mira s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

25.6.2018

9.

Sergio José RIVERO MARCANO

Data tat-twelid:8 ta' Novembru 1964

Sess: raġel

Spettur Ġeneral tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani (FANB), Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sas-16 ta' Jannar 2018. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva, u d-detenzjoni arbitrarja u l-abbuż ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż l-assalt mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar l-elezzjonijiet frodulenti għall-Assemblea Kostitwenti li hija illeġittima, dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

25.6.2018

10.

Jesús Rafael SUÁREZ CHOURIO

Data tat-twelid:19 ta' Lulju 1962

Sess: raġel

Kap Kmandant tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela. Eks Kap tal-Persunal Ġenerali tal-Kap Kmandant, eks Kap Kmandant tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana Venezwelana u eks Kmandant tar-Reġjun ta' Difiża Komprensiv tal-Venezwela taż-Żona Ċentrali (REDI Central). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi taħt il-kmand tiegħu matul il-mandat tiegħu bħala Kmandant Ġeneral tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana Venezwelana, inklużi l-użu ta' forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti. Kellu fil-mira tiegħu l-oppożizzjoni demokratika u appoġġa l-użu ta' qrati militari għall-proċessi ta' dimostranti ċivili.

25.6.2018

11.

Iván HERNÁNDEZ DALA

Data tat-twelid:18 ta' Mejju 1966

Sess: raġel

Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari (DGCIM) minn Jannar 2014 u Kap tal-Gwardja Presidenzjali minn Settembru 2015. Bħala l-Kap tad-DGCIM, Iván Hernández Dala huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika mwettqa minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, inklużi l-użu ta' forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti.

25.6.2018

12.

Delcy Eloina RODRÍGUEZ GÓMEZ

Data tat-twelid:18 ta' Mejju 1969

Sess: mara

Viċi President tal-Venezwela, eks President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u eks membru tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. L-azzjonijiet tagħha fil-Kummissjoni Presidenzjali u mbagħad bħala President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inklużi l-użurpazzjoni tas-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali u l-użu tagħhom direttament kontra l-oppożizzjoni u biex dawn ma jitħallewx jieħdu sehem fil-proċess politiku.

25.6.2018

13.

Elías José JAUA MILANO

Data tat-twelid:16 ta' Diċembru 1969

Sess: raġel

Eks Ministru għas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni. Eks President tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela permezz tar-rwol tiegħu ta' tmexxija fl-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima.

25.6.2018

14.

Sandra OBLITAS RUZZA

Data tat-twelid:7 ta' Ġunju 1969

Sess: mara

Rettur tal-Universidad Bolivariana de Venezuela. Eks Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u eks President tal-Kummissjoni tar-Reġistru Elettorali u Ċivili. Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li dgħajfu d-demokrazija fil-Venezwela, inklużi l-faċilitazzjoni tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018

15.

Freddy Alirio BERNAL ROSALES

Data tat-twelid:16 ta' Ġunju 1962

Post tat-twelid:San Cristóbal, stat ta' Táchira, Venezwela

Sess: raġel

Kap taċ-Ċentru ta' Kontroll Nazzjonali tal-Kumitat għall-Provvista u l-Produzzjoni Lokali (CLAP) u Protettur tal-Istat ta' Táchira. Huwa ukoll Kummissarju Ġenerali tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Bħala Kap tal-CLAP u Protettur tal-Istat ta' Táchira jista' jamar lill-Forzi Speċjali (FAES) u jista' jinfluwenza l-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija permezz tal-manipulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-programm CLAP fost il-votanti. Barra minn hekk, bħala Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN huwa responsabbli għall-attivitajiet ta' SEBIN li jinkludu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja.

25.6.2018

16.

Katherine Nayarith HARRINGTON PADRÓN

Data tat-twelid:5 ta' Diċembru 1971

Sess: mara

Viċi Prosekutur Ġenerali (titolu tradott wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali) minn Lulju 2017 sa Ottubru 2018. Maħtura Viċi Prosekutur Ġenerali mill-Qorti Suprema minflok mill-Assemblea Nazzjonali, bi ksur tal-Kostituzzjoni. Responsabbli li dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi tat bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati u naqset milli tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Maduro.

25.6.2018

17.

Socorro Elizabeth HERNÁNDEZ HERNÁNDEZ

Data tat-twelid:11 ta' Marzu 1952

Sess: mara

Membru (Rettur) tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) sat-12 ta' Ġunju 2020 u membru tal-Bord Elettorali Nazzjonali (JNE). Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li dgħajfu d-demokrazija fil-Venezwela, inklużi l-faċilitazzjoni tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali b'rabta mal-elezzjoni revokatorja presidenzjali li ġiet ikkanċellata fl-2016, il-posponiment tal-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2016, u r-rilokazzjoni ta' postijiet tal-votazzjoni fi żmien qasir qabel l-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2017.

25.6.2018

18.

Xavier Antonio MORENO REYES

Sess: raġel

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) mill-2009 sa Ġunju 2020. F'dan ir-rwol responsabbli li approva d-deċiżjonijiet tas-CNE li dgħajfu d-demokrazija fil-Venezwela, inklużi l-faċilitazzjoni tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018

19.

Néstor Neptali BLANCO HURTADO

Data tat-twelid:26 ta' Settembru 1982

Numru tal-identità:V‐15222057

Sess: raġel

Maġġur fil-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana (GNB), opera flimkien ma' uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas minn Diċembru 2017. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva u maltrattament tad-detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM.

27.9.2019

20.

Rafael Ramón BLANCO MARRERO

Data tat-twelid:28 ta' Frar 1968

Numru tal-identità:V-6250588

Sess: raġel

Viċi Direttur tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas minn Diċembru 2018 'l hawn u Ġeneral ta' Diviżjoni tal-Armata Nazzjonali Venezwelana Bolivarjana mill-5 ta' Lulju 2019 'l hawn. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM li twettqu minn uffiċjali tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Marbut mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

21.

Carlos Alberto CALDERÓN CHIRINOS

Numru tal-identità:V‐10352300

Sess: raġel

Uffiċjal għoli (imsejjaħ Kummissarju, Direttur u Direttur Ġenerali) fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva u maltrattament tad-detenuti fil-faċilitajiet tas-SEBIN. B'mod partikolari, huwa pparteċipa u kien responsabbli għal atti ta' tortura u għat-trattament krudili, inuman u degradanti tad-detenuti f'El Helicoide, ħabs tas-SEBIN.

27.9.2019

22.

Alexis Enrique ESCALONA MARRERO

Data tat-twelid:12 ta' Ottubru 1962

Sess: raġel

Kap responsabbli għall-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Finanzjament ta' Terroristi (ONDOFT) minn Jannar 2018 sa Mejju 2019. Kmandant Nazzjonali tal-Kmand Nazzjonali ta' Kontra l-Estorsjoni u s-Sekwestru (Comando Nacional Antiextorsión y Secuestro (CONAS) bejn l-2014 u l-2017. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva u maltrattament ta' detenuti minn membri tal-CONAS taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili minn membri tal-CONAS taħt il-kmand tiegħu.

27.9.2019

23.

Rafael Antonio FRANCO QUINTERO

Data tat-twelid:14 ta' Ottubru 1973

Numru tal-identità:V-11311672

Sess: raġel

Uffiċjal fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali Bolivarjan (SEBIN). Kap tas-Sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta' Maiquetía. Kap tal-Investigazzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas bejn l-2017 u Diċembru 2018. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Rappurtat li għandu konnessjoni mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

24.

Alexander Enrique GRANKO ARTEAGA

Data tat-twelid:25 ta' Marzu 1981

Numru tal-identità:V-14970215

Sess: raġel

Kap (Direttur) tad-Diviżjoni tal-Affarijiet Speċjali (DAE) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). Promoss għall-grad ta' logutenent kurunell tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana fl-1 ta' Lulju 2020. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva li kkaġuna mewt u dannu, u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM li twettqu minnu stess u minn uffiċjali taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, u kien ukoll involut direttament f'din ir-repressjoni. Rappurtat li għandu konnessjoni mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

25.

Hannover Esteban GUERRERO MIJARES

Data tat-twelid:14 ta' Jannar 1971

Sess: raġel

Kap tal-Investigazzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas bejn April 2019 u Awwissu 2019. Bħala Kap tal-Investigazzjonijiet huwa ssorvelja l-faċilità tad-DGCIM f'Boleita. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura, użu ta' forza eċċessiva u maltrattament ta' detenuti mwettqa minnu u minn membri taħt il-kmand tiegħu, b'mod partikolari f'Boleita. Rappurtat li għandu konnessjoni mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

26.

José Adelino ORNELAS FERREIRA

Psewdonimu: José Adelino Ornella FERREIRA / José Adelino ORNELLAS FERREIRA

Data tat-twelid:14 ta' Diċembru 1964

Post tat-twelid:Caracas, Distrito Capital, il-Venezwela

Numru tal-identità:V-7087964

Sess: raġel

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali tad-Difiża mis-26 ta' Lulju 2019 u Kap tal-Persunal Ġenerali għall-Kap Kmandant minn Settembru 2020. Eks kmandant tar-Reġjun Strateġiku tad-Difiża Integrali Nazzjonali (REDI Capital), eks Kap tal-Persunal u eks Viċi Kmandant tal-Kmand Operattiv u Strateġiku tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani tal-Venezwela (CEOFANB). F'dawn ir-rwoli huwa appoġġa u ffaċilita azzjonijiet u politiki tal-Gvern tal-Venezwela li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluż billi ostakola l-għoti ta' għajnuna umanitarja u bl-użu ta' forza eċċessiva minn uffiċjali tal-Forzi Armati Bolivarjani (FANB), u minn forzi subordinati taħt il-kmand tiegħu inkluż r-Reġjun Strateġiku tad-Difiża Integrali (REDI), iż-Żona ta' Operazzjonijiet tad-Difiża Integrali (ZODI) u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana.

29.6.2020

27.

Gladys del Valle REQUENA

Data tat-twelid:9 ta' Novembru 1952

Post tat-twelid:Puerto Santo, Sucre, il-Venezwela

Numru tal-identità:V-4114842

Sess: mara

Membru u, mis-26 ta' Ottubru 2018, it-Tieni Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. Fir-rwol tagħha ta' mexxejja fl-ANC mhux rikonoxxuta, hija dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż permezz tal-iffirmar ta' digriet li neħħa l-immunità parlamentari tal-president tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela, Juan Guaidó.

29.6.2020

28.

Tania Valentina DÍAZ GONZÁLEZ

Data tat-twelid:18 ta' Ġunju 1963

Post tat-twelid:Caracas, Distrito Capital, il-Venezwela

Numru tal-identità:V-6432672

Sess: mara

Membru u, mill-4 ta' Jannar 2018, l-Ewwel Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. Fir-rwol tagħha ta' mexxejja fl-ANC mhux rikonoxxuta hi dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi ffirmat id-digriet li neħħa l-immunità parlamentari tal-president tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela, Juan Guaidó.

29.6.2020

29.

Elvis Eduardo HIDROBO AMOROSO

Data tat-twelid:4 ta' Awwissu 1963

Post tat-twelid:Caracas, Distrito Capital, il-Venezwela

Numru tal-identità:V-7659695

Sess: raġel

Kontrollur Ġenerali, mit-23 ta' Ottubru 2018, u eks l-Ewwel u t-Tieni Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bit-tmexxija tal-ANC mhux rikonoxxuta, l-iffirmar tal-"liġi kontra l-mibegħda", li tiġġustifika t-tneħħija ta' gvernatur tal-oppożizzjoni elett legalment u l-projbizzjoni ta' Juan Guaidó minn kwalunkwe kariga pubblika.

29.6.2020

30.

Juan José MENDOZA JOVER

Data tat-twelid:11 ta' Marzu 1969

Post tat-twelid:Trujillo, il-Venezwela

Indirizz:Arnoldo Gabaldón, Candelaria, Edo. Trujillo

Numru tal-identità:V-9499372

Sess: raġel

It-Tieni Viċi President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezwela (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) u President tal-Kamra Kostituzzjonali tat-TSJ mill-24 ta' Frar 2017. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż permezz ta' għadd ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji f'dawn l-aħħar sentejn li limitaw jew dgħajfu s-setgħat kostituzzjonali tal-korp leġiżlattiv elett demokratikament, l-Assemblea Nazzjonali.

29.6.2020

31.

Jorge Elieser MÁRQUEZ MONSALVE

Data tat-twelid:20 ta' Frar 1971

Post tat-twelid:Caracas, Il-Venezwela

Numru tal-identità:V-8714253

Sess: raġel

Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (CONATEL) mis-7 ta' Awwissu 2017. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi llimita serjament id-drittijiet tal-poplu Venezwelan għal-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. Huwa uża s-setgħat speċjali tal-CONATEL biex isikket il-kritika u d-dissidenti lejn ir-reġim billi mblokka, iffiltra u ostakola s-siti web tal-Internet u billi rrevoka l-liċenzji eżistenti għall-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u r-rifjut li jingħataw tali liċenzji ġodda.

29.6.2020

32.

Farik Karin MORA SALCEDO

Numru tal-identità:V-8608523

Sess: raġel

Prosekutur fl-Ewwel Qorti tal-Prim'Istanza Speċjali tal-Venezwela b'uffiċċju fid-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi taw bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati li rriżultaw fid-detenzjoni arbitrarja ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali u uffiċjali oħra li jopponu r-reġim ta' Maduro.

29.6.2020

33.

Dinorah Yoselin BUSTAMANTE PUERTA

Data tat-twelid:14 ta' Jannar 1975

Numru tal-identità:V-10002096

Sess: mara

Prosekutur fl-Ewwel Qorti tal-Prim'Istanza Speċjali tal-Venezwela, b'uffiċċju fid-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). L-azzjonijiet tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi taw bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati li rriżultaw fid-detenzjoni arbitrarja ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali u uffiċjali oħra li jopponu r-reġim ta' Maduro.

29.6.2020

34.

Luis Eduardo PARRA RIVERO

Data tat-twelid:7 ta' Lulju 1978

Numru tal-identità:V-14211633

Sess: raġel

Membru u elett b'mod illeġittimu President tal-Assemblea Nazzjonali. Bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta' Jannar 2020 huwa organizza l-elezzjoni taparsi tiegħu bħala l-President tal-Assemblea Nazzjonali, u b'hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta' diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblukkat mill-pulizija militari, u mingħajr ma ntlaħaq il-kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. Ftit wara l-elezzjoni taparsi ta' Parra, bl-appoġġ tal-partit politiku tar-reġim (PSUV), Parra ntlaqa' minn Maduro u l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta.

29.6.2020

35.

Franklyn Leonardo DUARTE

Data tat-twelid:15 ta' Mejju 1977

Numru tal-identità:V-3304045

Sess: raġel

Membru u elett b'mod illeġittimu l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali. Bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta' Jannar 2020 huwa organizza l-elezzjoni taparsi tiegħu bħala l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali, u b'hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta' diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblukkat mill-pulizija militari, u mingħajr ma ntlaħaq il-kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. Ftit wara l-elezzjoni taparsi ta' Duarte, bl-appoġġ tal-partit politiku tar-reġim (PSUV), l-elezzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali ġiet milqugħa minn Maduro u l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta.

29.6.2020

36.

José Gregorio NORIEGA FIGUEROA

Data tat-twelid:21 ta' Frar 1969

Numru tal-identità:V-8348784

Sess: raġel

Membru u elett b'mod illeġittimu t-tieni Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali. Maħtur b'mod illeġittimu bħala direttur tal-bord ad hoc tal-partit politiku Voluntad Popular. Bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta' Jannar 2020 huwa organizza l-elezzjoni taparsi tiegħu bħala t-tieni Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali, u b'hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta' diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblukkat mill-pulizija militari, u mingħajr ma ntlaħaq il-kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. Ftit wara l-elezzjoni taparsi ta' Noriega, bl-appoġġ tal-partit politiku tar-reġim (PSUV), l-elezzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali ġiet milqugħa minn Maduro u l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta. F'Lulju 2020, Noriega, megħjun mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezwela (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)), ħa f'idejh b'mod illeġittimu t-tmexxija tal-partit politiku Voluntad Popular, u b'hekk kompla jdgħajjef id-demokrazija fil-Venezwela.

29.6.2020

"

Top