Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1694

Regolament (UE) 2020/1694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje tal-kategorija L b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 381, 13.11.2020, pp. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1694/oj

13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 381/4


REGOLAMENT (UE) 2020/1694 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje tal-kategorija L b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi tal-COVID-19 ikkawżat tfixkil fil-katina tal-provvista ta’ partijiet u komponenti kritiċi ta’ vetturi tal-kategorija L u tnaqqis sostanzjali fid-domanda għal dawk il-vetturi. Dan wassal għal dewmien sinifikanti għall-manifatturi biex ibiegħu l-istokk tagħhom ta’ vetturi Euro 4 li, skont l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jeħtieġ li jiġu rreġistrati qabel l-applikazzjoni tal-istadju ambjentali Euro 5 fl-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Ir-regoli dwar tmiem is-serje stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jippermettu lill-manifatturi jkomplu jqiegħdu għad-disponibilità fis-suq, jirreġistraw jew idaħħlu fis-servizz parti limitata ta’ stokk ta’ vetturi tal-kategorija L li ma jistgħux jitqiegħdu għad-disponibilità fis-suq, jew li ma jistgħux jibqgħu jitqiegħdu għad-disponibilità fis-suq, minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda li minħabba fihom dawk il-vetturi ma ġewx approvati.

(3)

Meta jitqies it-tfixkil ikkawżat mill-kriżi tal-COVID-19, jidher li r-regoli dwar tmiem is-serje fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 ma jikkostitwixxux mekkaniżmu xieraq biex jiġi indirizzat l-ammont ta’ vetturi Euro 4 tal-kategorija L li l-manifatturi se jkollhom fl-istokk tagħhom wara l-applikazzjoni tal-istadju ambjentali Euro 5.

(4)

Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19, u biex jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 sabiex jinkludi miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri speċifiċi dwar tmiem is-serje tkun ristretta għal vetturi li kienu parti mill-istokk fi żmien il-lockdowns nazzjonali, jenħtieġ li l-ammont ta’ vetturi li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri speċifiċi ta’ tmiem is-serje ma jaqbiżx l-għadd ta’ vetturi Euro 4 tal-kategorija L li kienu parti mill-istokk fil-15 ta’ Marzu 2020.

(6)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jemenda r-regoli dwar tmiem is-serje, applikabbli għas-sena 2021, tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(7)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19, jitqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 168/2013 jiġi emendat skont dan.

(9)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu XI tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 44a

Miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

1.   B’deroga mill-Artikolu 44, u soġġett għall-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, vetturi li jikkonformaw ma’ tip ta’ vettura li l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tagħha mhux ser tibqa’ valida fl-1 ta’ Jannar 2021 skont l-Artikolu 37(2), punt (a), jistgħu jitqiegħdu għad-disponibilità fis-suq, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz bħala vetturi ta’ tmiem is-serje sal-31 ta’ Diċembru 2021.

2.   L-għadd ta’ vetturi ta’ tmiem is-serje msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ vetturi b’approvazzjoni tat-tip tal-UE li mhux ser tibqa’ valida mill-1 ta’ Jannar 2021 skont l-Artikolu 37(2), punt (a) u li kienu parti mill-istokk fil-15 ta’ Marzu 2020.

3.   Manifattur li jixtieq jibbenefika mid-deroga msemmija fil-paragrafu 1 għandu jressaq talba lill-awtorità nazzjonali ta’ kull Stat Membru fejn il-vetturi inkwistjoni jkunu se jitqiegħdu għad-disponibilità fis-suq, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz, filwaqt li jindika l-għadd ta’ vetturi ta’ tmiem is-serje li għalihom tintalab id-deroga msemmija fil-paragrafu 1.

L-awtorità nazzjonali kkonċernata għandha tiddeċiedi, fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba, jekk għandhiex tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ dawk il-vetturi ta’ tmiem is-serje fit-territorju tagħha, u għal kemm minnhom.

4.   Entrata speċjali li tikkwalifika l-vetturi bħala ‘2021 ta’ tmiem is-serje’ għandha ssir fuq iċ-ċertifikat ta’ konformità tal-vetturi li jitqiegħdu fis-servizz skont il-paragrafu 1.

5.   Sal-1 ta’ Lulju 2021, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta’ vetturi li għalihom ikun ingħata l-istatus ta’ tmiem is-serje skont dan l-Artikolu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  L-opinjoni tad-29 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 2020.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).


Top