Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1435

    Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1435 tad-9 ta’ Ottubru 2020 dwar id-dazji imposti fuq ir-reġistranti biex jaġġornaw ir-reġistrazzjonijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/6866

    ĠU L 331, 12.10.2020, p. 24–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1435/oj

    12.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/24


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1435

    tad-9 ta’ Ottubru 2020

    dwar id-dazji imposti fuq ir-reġistranti biex jaġġornaw ir-reġistrazzjonijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 132 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2019“Lejn Strateġija tal-Unjoni rigward il-Politika dwar is-Sustanzi Kimiċi” tennew l-importanza ta’ azzjonijiet konkreti biex tiġi żgurata l-konformità u tittejjeb il-kwalità tad-dossiers ta’ reġistrazzjoni; u b’mod partikolari l-ħtieġa għal mekkaniżmu effettiv għall-aġġornament tagħhom.

    (2)

    L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jitfa’ responsabbiltà fuq ir-reġistranti (kemm jekk reġistranti individwali u kemm jekk ir-reġistrant prinċipali u membri oħra ta’ sottomissjoni konġunta) biex jaġġornaw ir-reġistrazzjonijiet tagħhom mingħajr dewmien żejjed b’informazzjoni ġdida rilevanti u jippreżentawhom lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”). L-informazzjoni tgħodd bħala “ġdida” jekk ir-reġistrant ikun sar jaf biha jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun sar jaf biha mill-aħħar aġġornament jew, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe aġġornament, mir-reġistrazzjoni inizjali, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni kinitx effettivament teżisti qabel dak iż-żmien. Ir-responsabbiltà biex jaġġornaw ir-reġistrazzjonijiet tagħhom tirrikjedi li r-reġistranti jimmonitorjaw u jsegwu l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex jiżguraw li r-reġistrazzjonijiet tagħhom jibqgħu dejjem aġġornati. Fil-każ ta’ preżentazzjonijiet konġunti, ir-responsabbiltà għall-aġġornament tar-reġistrazzjonijiet hija, għal informazzjoni li tkun ġiet ippreżentata b’mod konġunt, ir-responsabbiltà tar-reġistranti kollha f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u hija koperta mid-dispożizzjonijiet dwar il-kondiviżjoni tad-data u l-kondiviżjoni tal-kostijiet stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/9 (2).

    (3)

    L-aħħar rapport ġenerali ppubblikat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 117(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 indika l-ħtieġa li tittejjeb il-konformità mal-obbligu impost fuq ir-reġistranti fl-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament. Il-konformità ma’ dak l-obbligu hija importanti biex jiġi żgurat li d-dossiers tar-reġistrazzjoni jirriflettu dejjem is-sitwazzjoni attwali, sabiex l-Aġenzija u l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw id-dossiers u s-sustanzi b’mod effiċjenti u l-pariri dwar l-użu sikur ikunu bbażati fuq data aġġornata u affidabbli. Għalhekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u l-infurzar tiegħu, u biex tittejjeb l-effiċjenza fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, jixraq li jiġu speċifikati l-iskadenzi sa meta għandu jiġi osservat dak l-obbligu.

    (4)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u konsegwentement ukoll tal-obbligu ġenerali u kontinwu tar-reġistrazzjoni fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu ċċarati l-iskadenzi li japplikaw għall-aġġornament tad-dossiers ta’ reġistrazzjoni wara emenda tal-Annessi ta’ dak ir-Regolament.

    (5)

    L-iskadenzi speċifikati minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu qosra kemm jista’ jkun, billi jitqies dak li, abbażi tal-prattika fil-passat, jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli mir-reġistranti. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li tiġi speċifikata skadenza ta’ tliet xhur għal aġġornamenti ta’ natura aktar amministrattiva u jekk l-aġġornamenti jinkludux il-ġenerazzjoni ta’ data biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Anness VII jew VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 wara li jkun wasal ir-rapport ta’ studju. Għal aġġornamenti aktar kumplessi, bħal dawk li jirrikjedu l-ġenerazzjoni ta’ data bbażata fuq proposta ta’ ttestjar jew bidliet fir-rapport dwar is-sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur, jenħtieġ li jiġu speċifikati skadenzi ta’ sitt xhur, disa’ xhur jew tnax-il xahar. F’każijiet fejn membru ta’ preżentazzjoni konġunta ma jkunx jista’ jagħmel aġġornament partikolari sakemm ir-reġistrant prinċipali jkun aġġorna r-reġistrazzjoni, dak il-membru jenħtieġ li jingħata disa’ xhur għall-aġġornament ta’ rapport dwar is-sigurtà kimika u tliet xhur għal kull aġġornament ieħor mid-data meta l-Aġenzija tkun ikkonfermat li r-reġistrazzjoni, kif aġġornata mir-reġistrant prinċipali, hija kompluta. F’każijiet fejn ikun meħtieġ aġġornament bħala konsegwenza ta’ emenda tal-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jenħtieġ li l-iskadenza tkun id-data tal-applikabbiltà tagħha għajr meta tingħata skadenza oħra fit-tali emenda.

    (6)

    L-iskadenzi speċifikati minn dan ir-Regolament jenħtieġ li joperaw bħala limiti massimi. Fi kliem ieħor, ir-reġistranti jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu aġġornamenti malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ sa mhux aktar tard mill-iskadenza speċifikata rilevanti. Jekk tinqabeż l-iskadenza, dan iwassal awtomatikament għall-konklużjoni li kien hemm dewmien żejjed fl-aġġornament tar-reġistrazzjoni. Madankollu, għall-finijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jenħtieġ li ma tiġi speċifikata l-ebda skadenza għall-aġġornament li jkun sar minħabba bidla f’medda ta’ tunnellaġġ aktar baxxa, peress li tali bidla fit-tunnellaġġ tista’ tkun ta’ natura temporanja u l-aġġornament ma jkollu l-ebda konsegwenza negattiva għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

    (7)

    L-iskadenzi speċifikati minn dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw biss għall-obbligu fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u mhux għal obbligi oħra ta’ aġġornament f’dak ir-Regolament li għalihom l-iskadenzi huma speċifikati xi mkien ieħor. Jirriżulta li l-iskadenzi speċifikati minn dan ir-Regolament mhumiex se jaffettwaw la l-iskadenzi għall-aġġornamenti mitluba mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-Regolament u lanqas l-iskadenzi speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 u fit-Titolu V ta’ dak ir-Regolament.

    (8)

    Sabiex ir-reġistranti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għall-introduzzjoni tal-iskadenzi speċifikati minn dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jidħolx fis-seħħ sas-sittin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Bidliet fl-istatus ta’ reġistrant jew fl-identità tiegħu

    Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (a) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta dik il-bidla tidħol fis-seħħ.

    Artikolu 2

    Bidliet fil-kompożizzjoni tas-sustanza

    Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (b) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta tibda l-manifattura jew l-importazzjoni b’dik il-bidla fil-kompożizzjoni tas-sustanza.

    Artikolu 3

    Bidliet fil-medda ta’ tunnellaġġ

    1.   Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (c) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li tirriżulta f’medda ta’ tunnellaġġ ogħla, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data li ġejja:

    (a)

    f’każ fejn tiġi ġġenerata data ġdida għal aġġornament derivat mill-applikazzjoni tal-Anness VII jew tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, id-data meta jkunu waslu r-rapporti finali tat-test kollha meħtieġa għall-aġġornament;

    (b)

    f’każ li ma jaqax taħt il-punt a), id-data meta tintlaħaq il-medda ta’ tunnellaġġ ogħla.

    Għall-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, in-negozjati tal-kuntratt ma’ laboratorju tal-ittestjar għandhom jinbdew għat-testijiet kollha rilevanti sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta tintlaħaq il-medda ta’ tunnellaġġ ogħla.

    L-iskadenzi speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu japplikaw mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ reġistrant li jinforma immedjatament lill-Aġenzija dwar l-informazzjoni addizzjonali li jkun jirrikjedi, malli tintlaħaq il-medda ta’ tunnellaġġ ogħla, f’konformità mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    2.   Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (c) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li tinvolvi l-waqfien tal-manifattura jew tal-importazzjoni, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta l-manifattura jew l-importazzjoni tkun waqfet.

    3.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma japplikax jekk il-bidla sseħħ minħabba li r-reġistrant jerġa’ jibda l-manifattura jew l-importazzjoni f’konformità mal-Artikolu 50(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Minflok, f’dik is-sitwazzjoni, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija qabel ma terġa’ tibda l-manifattura jew l-importazzjoni.

    Artikolu 4

    Użi ġodda identifikati u użi ġodda mhux irrakkomandati

    F’każ li jaqa’ taħt il-punt (d) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn tliet xhur minn:

    (a)

    fil-każ ta’ użu ġdid identifikat, id-data meta r-reġistrant jirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni tar-riskju għal dan l-użu ġdid;

    (b)

    fil-każ ta’ użu ġdid mhux irrakkomandat, id-data meta l-informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati ma’ dak l-użu tkun disponibbli għar-reġistrant.

    Artikolu 5

    Għarfien ġdid dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew tal-ambjent

    F’każ li jaqa’ taħt il-punt (e) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data meta r-reġistrant isir jaf jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jsir jaf bl-għarfien ġdid inkwistjoni.

    Artikolu 6

    Bidliet fil-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza rreġistrata

    1.   Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (f) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li hija dovuta għaż-żieda, għall-modifika jew għat-tħassir ta’ klassifikazzjoni armonizzata fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard mid-data li fiha għandha tapplika dik il-bidla.

    2.   Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (f) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li hija dovuta għal adattament fil-klassifikazzjoni ta’ sustanza b’riżultat ta’ evalwazzjoni ġdida f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jinbidlu l-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza.

    Artikolu 7

    Aġġornamenti jew emendi tar-rapport dwar is-sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur

    F’każ li jaqa’ taħt il-punt (g) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data meta tkun ġiet identifikata l-ħtieġa li jiġu aġġornati jew emendati r-rapport ta’ sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur imsemmija fit-Taqsima 5 tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 8

    Proposti ta’ ttestjar qabel ma jsir test elenkat fl-Anness IX jew X

    1.   F’każ li jaqa’ taħt il-punt (h) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata biex tinkludi l-proposta ta’ ttestjar u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data meta r-reġistrant jidentifika l-ħtieġa li jwettaq wieħed jew aktar mit-testijiet elenkati fl-Anness IX jew X ta’ dak ir-Regolament.

    2.   L-iskadenza speċifikata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ proposta ta’ ttestjar żviluppata bħala parti minn strateġija ta’ ttestjar li tindirizza grupp ta’ sustanzi. Minflok, f’dik is-sitwazzjoni, ir-reġistrazzjonijiet rilevanti għandhom jiġu aġġornati u ppreżentati lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data meta r-reġistrant jew ir-reġistranti jidentifikaw il-ħtieġa li jitwettaq wieħed jew aktar mit-testijiet elenkati fl-Anness IX jew X tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    Artikolu 9

    Bidliet fl-aċċess mogħti għall-informazzjoni fir-reġistrazzjoni

    Fil-każ ta’ bidla li taqa’ taħt il-punt (i) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppreżentata lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta tkun seħħet il-bidla.

    Artikolu 10

    Aġġornamenti li jinvolvu aktar ittestjar

    L-iskadenzi speċifikati fl-Artikoli 1, 2, 4, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw jekk kwalunkwe ċirkostanza li taqa’ taħt il-punt (a), (b), (d), (e) jew (f) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 twassal għall-ħtieġa li tiġi ġġenerata data biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Anness VII jew VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    F’dan il-każ, l-aġġornament tar-reġistrazzjoni b’riżultat ta’ dik iċ-ċirkostanza u l-aġġornament tar-reġistrazzjoni b’riżultat tal-issodisfar tar-rekwiżiti tad-data tal-Anness VII jew VIII tar-Regolamet (KE) Nru 1907/2006 għandhom jiġu ppreżentati lill-Aġenzija flimkien sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta jkunu waslu r-rapporti finali tat-test meħtieġa għall-aġġornament.

    F’tali ċirkostanza:

    (a)

    in-negozjati tal-kuntratt ma’ laboratorju tal-ittestjar għandhom jinbdew għat-testijiet rilevanti sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data meta tiġi identifikata l-ħtieġa li jitwettqu aktar testijiet;

    (b)

    il-ħtieġa li jitwettqu aktar testijiet imsemmija fil-punt a) għandha tiġi identifikata sal-iskadenza rilevanti speċifikata fl-Artikoli 1, 2, 4, 5 jew 6 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    Aġġornamenti kkombinati oħra

    1.   F’każ kopert mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jew li jaqa’ taħt il-punti (a) sa (f) jew (i) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jwassal ukoll għall-ħtieġa li jiġi aġġornat jew emendat ir-rapport ta’ sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur f’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament, l-aġġornament tar-reġistrazzjoni b’riżultat ta’ dik iċ-ċirkostanza u l-aġġornament tar-reġistrazzjoni b’riżultat tal-aġġornament jew tal-emendar tar-rapport ta’ sigurtà kimika għandhom jiġu ppreżentati lill-Aġenzija flimkien sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data meta jkunu waslu r-rapporti finali tat-test għall-aġġornament.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, aġġornament ta’ reġistrazzjoni li jkun ir-riżultat ta’ ċirkostanza li taqa’ taħt aktar minn wieħed mill-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi ppreżentat lill-Aġenzija flimkien sa mhux aktar tard mill-itwal skadenza speċifikata fl-Artikoli 1 sa 10 ta’ dan ir-Regolament, mid-data meta tkun ġiet identifikata l-ewwel ħtieġa li tiġi aġġornata r-reġistrazzjoni.

    Artikolu 12

    Aġġornamenti ta’ preżentazzjonijiet konġunti

    1.   B’deroga mill-Artikoli preċedenti ta’ dan ir-Regolament, meta aġġornament minn membru ta’ preżentazzjoni konġunta skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ikun jiddependi fuq aġġornament minn qabel tar-reġistrazzjoni mir-reġistrant prinċipali, dak il-membru għandu jaġġorna r-reġistrazzjoni tiegħu u jippreżentaha lill-Aġenzija:

    (a)

    sa mhux aktar tard minn tliet xhur, f’każ li jkun jirrikjedi aġġornament b’riżultat ta’ ċirkostanza li taqa’ taħt il-punti (a) sa (f), jew (i) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

    (b)

    sa mhux aktar tard minn disa’ xhur, f’każ li jkun jirrikjedi aġġornament jew emenda tar-rapport ta’ sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur, f’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

    (c)

    sa mhux aktar tard minn disa’ xhur, f’każ ta’ ċirkostanza li taqa’ taħt il-punti (a) sa (f) jew (i) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li twassal ukoll għall-ħtieġa li jiġi aġġornat jew emendat rapport eżistenti ta’ sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur, f’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament. F’dik is-sitwazzjoni, l-aġġornament tar-reġistrazzjoni b’riżultat ta’ dik iċ-ċirkostanza u l-aġġornament tar-reġistrazzjoni b’riżultat tal-aġġornament jew tal-emendar tar-rapport ta’ sigurtà kimika jew il-gwida dwar l-użu sikur għandhom jiġu ppreżentati lill-Aġenzija flimkien.

    2.   L-iskadenzi speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mid-data meta l-Aġenzija tinforma lir-reġistrant prinċipali, f’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u l-membri l-oħra tal-preżentazzjoni konġunta li d-dossier tar-reġistrazzjoni kif aġġornat mir-reġistrant prinċipali jkun komplut.

    3.   Meta aġġornament minn membru ta’ sottomissjoni konġunta skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma jkunx jiddependi fuq aġġornament minn qabel tar-reġistrazzjoni mir-reġistrant prinċipali, għandhom japplikaw l-iskadenzi speċifikati fl-Artikoli 1 sa 11 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 13

    Aġġornamenti wara emenda tal-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 f’konformità mal-Artikolu 131 ta’ dak ir-Regolament

    1.   F’każ ta’ emenda ta’ Anness wieħed jew aktar tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 f’konformità mal-Artikolu 131 ta’ dak ir-Regolament li tirriżulta f’bidla fl-informazzjoni meħtieġa li tiġi ppreżentata lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 10 jew mal-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata sa mhux aktar tard mid-data li minnha tapplika dik l-emenda, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor f’dik l-emenda.

    2.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 12 ta’ dan ir-Regolament, meta emenda ta’ Anness wieħed jew aktar tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 f’konformità mal-Artikolu 131 ta’ dak ir-Regolament tinvolvi obbligu li jiġi aġġornat dossier ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 soġġetta għal skadenza speċifikata f’dan ir-Regolament, għandha tapplika biss l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor f’dik l-emenda.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-sittin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/9 tal-5 ta’ Jannar 2016 dwar is-sottomissjoni konġunta ta’ data u l-kondiviżjoni ta’ data f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 3, 6.1.2016, p. 41).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


    Top