Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1304

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1304 tal-14 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi minimi li għandhom jiġu vvalutati mill-ESMA meta tivvaluta t-talbiet ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi għal konformità komparabbli u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ din il-valutazzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/4895

    ĠU L 305, 21.9.2020, p. 13–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1304/oj

    21.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/13


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1304

    tal-14 ta’ Lulju 2020

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi minimi li għandhom jiġu vvalutati mill-ESMA meta tivvaluta t-talbiet ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi għal konformità komparabbli u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ din il-valutazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 25a(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kontroparti ċentrali ta’ pajjiż terz (CCP) li hija sistemikament importanti jew li x’aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (CCP tal-Grad 2) tista’ titlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) biex tivvaluta jekk il-konformità tas-CCPs tal-Grad 2 mal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz tistax titqies li tissodisfa l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 fit-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (konformità komparabbli), u biex tadotta deċiżjoni skont dan.

    (2)

    Il-konformità komparabbli tippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn CCPs tal-Grad 2 u CCPs awtorizzati fl-Unjoni filwaqt li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u regolatorji għal dawk is-CCPs tal-Grad 2. Għalhekk, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-konformità komparabbli tivverifika jekk il-konformità ta’ CCP tal-Grad 2 mal-qafas ta’ pajjiżi terzi tissodisfax b’mod effettiv il-konformità ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16, it-Titolu IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jindika l-elementi li għandhom jiġu evalwati mill-AETS fl-evalwazzjoni ta’ talba ta’ CCP tal-Grad 2 għal konformità komparabbli. Meta twettaq dik il-valutazzjoni, l-AETS għandha tqis ukoll il-konformità ta’ dik is-CCP ma’ kwalunkwe rekwiżit f’atti delegati jew ta’ implimentazzjoni li jkomplu jispeċifikaw dawk l-elementi, inklużi dawk ir-rekwiżiti relatati mar-rekwiżiti ta’ marġni, kontrolli tar-riskju ta’ likwidità u rekwiżiti kollaterali.

    (3)

    Fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk il-konformità mal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz tissodisfax il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16, it-Titolu IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-AETS tista’ tikkunsidra wkoll ir-rakkomandazzjonijiet żviluppati mill-Kumitat dwar l-Infrastrutturi tal-Pagamenti u tas-Swieq u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli.

    (4)

    Jenħtieġ li l-AETS twettaq valutazzjoni dettaljata biex tiddetermina jekk għandhiex tingħata CCP tal-Grad 2 komparabbli għat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Kwalunkwe rifjut potenzjali ta’ konformità komparabbli fir-rigward ta’ dan it-Titolu IV jista’ jkollu impatt fuq il-valutazzjoni tal-ekwivalenza mwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 25(6) ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-AETS tinforma lill-Kummissjoni fejn ikollha l-intenzjoni li ma tagħtix konformità komparabbli fir-rigward ta’ dan it-Titolu.

    (5)

    Meta CCP tal-Grad 2 tkun daħlet f’arranġament tal-interoperabbiltà ma’ CCP awtorizzata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dan l-arranġament jikkostitwixxi rabta diretta u, għalhekk, mezz ta’ kontaġju dirett, lil CCP fl-Unjoni. Għal tali arranġamenti, jenħtieġ li l-ESMA twettaq valutazzjoni dettaljata biex tiddetermina jekk għandhiex tingħata konformità komparabbli mat-Titolu V ta’ dan ir-Regolament. Arranġament ta’ interoperabbiltà bejn CCP tal-Grad 2 u CCP ta’ pajjiż terz ma jikkostitwixxix rabta diretta ma’ CCP fl-Unjoni iżda jista’, taħt ċerti ċirkostanzi, jiffunzjona bħala mezz ta’ kontaġju indirett. Għal dawn l-arranġamenti, jenħtieġ li l-AETS twettaq valutazzjoni dettaljata biss fejn l-impatt ta’ dan l-arranġament fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jiġġustifikah.

    (6)

    Peress li wieħed mill-objettivi ta’ konformità komparabbli huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv u regolatorju għal CCPs tal-Grad 2, konformità komparabbli ma għandhiex tiġi rrifjutata biss minħabba li CCP tal-Grad 2 tapplika, taħt il-qafas applikabbli tal-pajjiż terz, eżenzjonijiet li huma komparabbli ma’ dawk stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-valutazzjoni ta’ konformità komparabbli jenħtieġ li tikkunsidra wkoll il-punt sa fejn din, jekk ma tingħatax, tista’ jirriżulta f’impossibbiltà li s-CCP tal-Grad 2 tikkonforma mar-rekwiżiti kemm tal-Unjoni kif ukoll ta’ pajjiżi terzi fl-istess ħin.

    (7)

    Id-deċiżjoni tal-AETS dwar jekk għandhiex tingħata konformità komparabbli jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni mwettqa fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Sabiex l-AETS tivvaluta mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha kull meta jseħħu żviluppi rilevanti, inklużi bidliet fir-regoli interni u fil-proċeduri tas-CCP, is-CCP tal-Grad 2 jenħtieġ li tinnotifika lill-AETS dwar kwalunkwe żvilupp bħal dan.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li daħħal l-Artikolu 25a fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, beda japplika fl-1 ta’ Jannar 2020. Sabiex jiġi żgurat li dak l-artikolu ikun kompletament operattiv, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Proċedura għas-sottomissjoni ta’ talba għal konformità komparabbli

    1.   It-talba motivata msemmija fl-Artikolu 25a(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tiġi ppreżentata jew sal-iskadenza stabbilita mill-AETS fin-notifika li tinforma lis-CCP ta’ pajjiż terz li hija ma tkunx ikkunsidrata bħala CCP ta’ Grad 1 jew fi kwalunkwe mument wara li CCP ta’ pajjiż terz tkun ġiet rikonoxxuta mill-AETS bħala CCP tal-Grad 2 f’konformità mal-Artikolu 25(2b).

    Is-CCP tal-Grad 2 għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tagħha dwar is-sottomissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    2.   It-talba motivata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika:

    (a)

    ir-rekwiżiti li għalihom is-CCP tal-Grad 2 titlob konformità komparabbli;

    (b)

    ir-raġunijiet għaliex il-konformità tas-CCP tal-Grad 2 mal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz tissodisfa l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 16 u t-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (c)

    il-mod kif is-CCP tal-Grad 2 tkun konformi ma’ kwalunkwe kondizzjoni stabbilita għall-applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    Għall-finijiet tal-punt (b), is-CCP tal-Grad 2 għandha tipprovdi, fejn rilevanti, l-evidenza msemmija fl-Artikolu 5.

    3.   Is-CCP tal-Grad 2 għandha, fuq talba tal-AETS, tinkludi fit-talba motivata msemmija fil-paragrafu 1:

    (a)

    dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tagħha li tikkonferma li s-CCP tal-Grad 2 tkun ta’ reputazzjoni u ta’ kapaċità tajba;

    (b)

    fejn meħtieġ, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 u t-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, traduzzjoni tal-qafas applikabbli rilevanti tal-pajjiż terz f’lingwa komunement użata fil-finanzi.

    4.   L-AETS għandha tivvaluta, fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ talba motivata ppreżentata skont il-paragrafu 1, jekk dik it-talba motivata tkunx kompluta. L-AETS għandha tistabbilixxi skadenza sa meta s-CCP tal-Grad 2 jkollha tipprovdi informazzjoni addizzjonali meta t-talba ma tkunx kompluta.

    5.   L-AETS għandha tiddeċiedi jekk tagħtix konformità komparabbli għar-rekwiżiti inklużi fit-talba motivata fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tasal talba motivata kompleta ppreżentata skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

    L-AETS tista’ tipposponi din id-deċiżjoni meta t-talba motivata jew l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 4 ma jiġux ippreżentati fil-ħin u l-valutazzjoni ta’ din it-talba tista’, b’riżultat ta’ dan, iddewwem id-deċiżjoni tal-ESMA dwar ir-rikonoxximent tas-CCP ta’ pajjiż terz jew ir-rieżami tar-rikonoxximent tagħha.

    6.   CCP tal-Grad 2 li għaliha l-AETS ma tkunx tat konformità komparabbli għal rekwiżit wieħed jew aktar ma tistax tippreżenta talba motivata ġdida kif imsemmi fil-paragrafu 1 fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, sakemm ma jkunx hemm bidla rilevanti għall-qafas applikabbli tal-pajjiż terz jew għall-mod kif din is-CCP tikkonforma ma’ dan il-qafas.

    Artikolu 2

    Konformità komparabbli fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    1.   L-AETS għandha tagħti konformità komparabbli fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 meta l-kapital ta’ CCP tal-Grad 2, inkluż il-qligħ u r-riżervi miżmuma, ikollu kapital inizjali permanenti u disponibbli ta’ mill-inqas EUR 7,5 miljun.

    2.   L-ESMA għandha tagħti konformità komparabbli fir-rigward tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 meta l-kapital ta’ CCP tal-Grad 2, inkluż il-qligħ u r-riżervi miżmuma, ikun il-ħin kollu ogħla minn jew ugwali għas-somma ta’:

    (a)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għall-istralċ jew ir-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha;

    (b)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għal riskji operazzjonali u legali;

    (c)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għal riskji tal-kreditu, tal-kontroparti u tas-suq li ma jkunux diġà koperti mir-riżorsi finanzjarji speċifiċi msemmija fl-Artikoli minn 41 sa 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew riżorsi finanzjarji speċifiċi komparabbli meħtieġa mill-ordni ġuridiku tal-ġuriżdizzjoni domiċiljari tas-CCP;

    (d)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għar-riskju tan-negozju.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-AETS għandha tikkalkula r-rekwiżiti kapitali skont ir-rekwiżiti kapitali speċifiċi stabbiliti fil-qafas applikabbli tal-pajjiż terz, jew, meta dan il-qafas ma jipprevedix xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti kapitali, f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikoli minn 2 sa 5 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 (3).

    Artikolu 3

    Konformità komparabbli fir-rigward tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    1.   L-AETS għandha tagħti konformità komparabbli fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 meta:

    (a)

    is-CCP tal-Grad 2 tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 25(6) ta’ dak ir-Regolament, jekk ikun hemm;

    (b)

    Is-CCP tal-Grad 2 tikkonforma mal-elementi rilevanti kollha stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Qabel ma l-AETS tadotta deċiżjoni li ma tagħtix konformità komparabbli, hija għandha:

    (a)

    tivverifika, mal-awtorità kompetenti ta’ dik is-CCP, il-fehim tagħha tal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz u l-mod li bih is-CCP tal-Grad 2 tikkonforma ma’ dan il-qafas,

    (b)

    tinforma lill-Kummissjoni b’dan.

    Artikolu 4

    Konformità komparabbli fir-rigward tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    1.   Meta CCP tal-Grad 2 tkun daħlet f’arranġament ta’ interoperabbiltà ma’ CCP awtorizzata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-AETS għandha tagħti konformità komparabbli fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu V ta’ dan ir-Regolament meta s-CCP tal-Grad 2 tkun konformi mal-elementi rilevanti kollha stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Meta CCP tal-Grad 2 tkun daħlet f’arranġament ta’ interoperabbiltà ma’ CCP ta’ pajjiż terz, l-AETS għandha tagħti konformità komparabbli fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sakemm l-impatt ta’ dan l-arranġament fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha ma jiġġustifikax il-valutazzjoni ta’ jekk tingħatax konformità komparabbli skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    Eżenzjonijiet u rekwiżiti inkompatibbli

    1.   L-ESMA ma għandhiex tirrifjuta konformità komparabbli fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 u t-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għas-sempliċi raġuni li s-CCP tal-Grad 2 tapplika eżenzjoni taħt il-qafas applikabbli tal-pajjiż terz li tkun komparabbli ma’ kwalunkwe minn dawk stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Is-CCP tal-Grad 2 għandha tipprovdi evidenza li l-eżenzjoni mill-Unjoni u dik mill-pajjiż terz ikunu komparabbli.

    2.   Meta l-konformità ma’ rekwiżit speċifiku stabbilit fl-Artikolu 16 jew fit-Titoli IV jew V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 timplika ksur tal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz, l-AETS għandha tagħti konformità komparabbli fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit biss meta s-CCP tal-Grad 2 tipprovdi evidenza li:

    (a)

    jkun impossibbli li jkun hemm konformità ma’ dan ir-rekwiżit mingħajr ksur ta’ dispożizzjoni obbligatorja tal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz;

    (b)

    il-qafas applikabbli tal-pajjiż terz effettivament jilħaq l-istess għanijiet bħall-Artikolu 16 u t-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (c)

    tikkonforma mal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz.

    Artikolu 6

    Bidliet għall-qafas applikabbli tal-pajjiż terz

    CCP tal-Grad 2 li tkun ingħatat konformità komparabbli għandha tinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe bidla fil-qafas applikabbli tal-pajjiż terz tagħha u għar-regoli u l-proċeduri interni tagħha. L-AETS għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dawk in-notifiki.

    Artikolu 7

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti kapitali għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 37).


    ANNESS I

    ELEMENTI IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(1)

    Dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni

    L-elementi imsemmija fl-Artikolu 3(1)

    Kapitolu 1: Rekwiżiti organizzattivi

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz ikollha:

    (a)

    arranġamenti robusti ta’ governanza, inkluża struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà definiti sew, trasparenti u konsistenti;

    (b)

    proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, għall-ġestjoni, għall-monitoraġġ u għar-rapportar tar-riskji li tkun skoperta għalihom jew tista’ tkun skoperta għalihom;

    (c)

    mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern, inklużi proċeduri ta’ amministrazzjoni u kontabilistiċi sodi.

    L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz stabbiliet politiki u proċeduri li huma effettivi biżżejjed sabiex jiżguraw il-konformità mal-qafas rilevanti ta’ pajjiżi terzi, inkluża l-konformità ma’ dak il-qafas mill-maniġers u l-impjegati tagħha.

    L-Artikolu 26(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    żżomm u topera struttura organizzattiva li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tagħha;

    (b)

    tħaddem sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali;

    (c)

    żżomm separazzjoni ċara bejn il-linji tar-rapportar għall-immaniġġjar tar-riskju u dawk għal operazzjonijiet oħra tas-CCP.

    L-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz, timplimenta u żżomm politika ta’ rimunerazzjoni li tippromwovi l-immaniġġjar tar-riskji sod u effikaċi u li ma toħloqx inċentivi għar-rilassament tal-istandards tar-riskji.

    Il-paragrafi 6, 7 u 8 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    iżżomm sistemi tat-teknoloġija informatika b’mod adegwat li jitrattaw mal-kumplessità, il-varjetà u t-tip ta’ servizzi u attivitajiet imwettqa sabiex jiġu żgurati standards għolja ta’ sigurtà u l-integrità u ż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni;

    (b)

    tagħmel disponibbli pubblikament l-arranġamenti ta’ governanza tagħha, ir-regoli li jirregolaw is-CCP, u l-kriterji ta’ ammissjoni għal sħubija ta’ kklerjar;

    (c)

    hija soġġetta għal verifiki frekwenti u indipendenti, li r-riżultati tagħhom jiġu kkomunikati lill-bord tiegħu u jsiru disponibbli lill-awtorità kompetenti tiegħu.

    Diriġenza għolja u l-bord

    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Il-maniġment superjuri ta’ CCP ta’ pajjiż terz għandu jkollu reputazzjoni tajba u għandu jkollha esperjenza biżżejjed sabiex tiżgura l-immaniġġjar sod u prudenti tas-CCP.

    Il-Paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz ikollha bord b’numru suffiċjenti ta’ membri indipendenti li jkollhom rwoli u responsabbiltajiet ċari, rappreżentazzjoni adegwata ta’ membri tal-ikklerjar u klijenti, u mekkaniżmi li jindirizzaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali fi ħdan is-CCP biex jiżguraw immaniġġar tajjeb u prudenti tas-CCP.

    Kumitat għar-Riskju

    L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    iżżomm korp li jagħti pariri lill-bord, indipendentement minn kwalunkwe influwenza diretta mill-maniġment ta’ dik is-CCP, dwar żviluppi li jkollhom impatt fuq il-ġestjoni tar-riskju tas-CCP, filwaqt li jiżgura r-rappreżentanza tal-membri tal-ikklerjar tagħha, il-membri indipendenti tal-bord u r-rappreżentanti tal-klijenti tagħha;

    (b)

    mekkaniżmi fis-seħħ biex jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz dwar kwalunkwe deċiżjoni li fiha l-bord jiddeċiedi li ma jsegwix il-parir ta’ dak il-korp.

    Żamma ta' Reġistri

    L-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Il-Kontroparti ċentrali għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas għaxar snin, ir-rekords kollha dwar is-servizzi u l-attività pprovduti sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti li timmonitorja l-konformità tal-kontroparti ċentrali mal-qafas rilevanti ta’ pajjiżi terzi.

    L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP tal-pajjiż terz iżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas minn għaxar snin wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt, l-informazzjoni kollha dwar il-kuntratti kollha li tkun ipproċessat b’tali mod li jippermetti l-identifikazzjoni tat-termini oriġinali ta’ transazzjoni qabel l-ikklerjar minn dik is-CCP;

    L-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Fuq talba, is-CCP ta’ pajjiż terz tagħmel disponibbli lil kwalunkwe awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz, ir-rekords dwar is-servizzi u l-attività pprovduti, l-informazzjoni dwar il-kuntratti kollha li tkun ipproċessat u l-informazzjoni kollha dwar il-pożizzjonijiet ta’ kuntratti kklerjati, irrispettivament mill-post fejn twettqu t-tranżazzjonijiet.

    Azzjonisti u membri b’parteċipazzjoni kwalifikanti

    L-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tinforma lill-awtorità kompetenti tagħha bl-identitajiet tal-azzjonisti jew membri li jikkwalifikaw il-parteċipazzjonijiet azzjonarji u bl-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet.

    Il-Paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    L-azzjonisti jew il-membri li għandhom parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti f’CCP ta’ pajjiż terz:

    (a)

    huma adatti,b’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti ta’ dik is-CCP;

    (b)

    ma jeżerċitawx influwenza li tista’ tkun ta’ preġudizzju għall-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP.

    L-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Rabtiet mill-qrib bejn is-CCP ta’ pajjiż terz u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn ma jipprevjenux l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz.

    L-Artikolu 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika jew iżjed minn persuna waħda li magħha/magħhom is-CCP ikollha konnessjonijiet mill-qrib, jew diffikultajiet involuti fl-infurzar tagħhom, jipprevjenu l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

    L-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tinnotifika lill-awtorità kompetenti tagħha dwar kwalunkwe bidla fil-maniġment tagħha u fil-qafas tal-pajjiż terz tiżgura li jittieħdu miżuri xierqa fejn il-kondotta ta’ membru tal-bord ta’ bord ta’ CCP ta’ pajjiż terz x’aktarx li tkun ta’ preġudizzju għall-ġestjoni soda u prudenti tas-CCP.

    Kunflitt ta' Interess

    L-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    CCP ta’ pajjiż terz għandha żżomm u topera arranġamenti effettivi u amministrattivi effettivi bil-miktub sabiex tidentifika u timmaniġja kwalunkwe konflitti ta’ interess potenzjali bejnha, inklużi l-maniġers, l-impjegati, jew kwalunkwe persuna b’kontroll dirett jew indirett jew konnessjonijiet mill-qrib, u l-membri tal-ikklerjar tagħhom jew il-klijenti tagħhom magħrufa lis-CCP.

    L-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Fejn l-arranġamenti tas-CCP ta’ pajjiż terz li jimmaniġġjaw il-kunflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li r-riskji ta’ ħsara għall-interessi ta’ membru tal-ikklerjar jew klijent jiġu evitati, dik is-CCP tiżvela lill-membri tal-ikklerjar u, fejn il-klijenti jkunu magħrufa lil dik is-CCP, lil dawk il-klijenti, in-natura ġenerali jew is-sorsi ta’ kunflitti ta’ interess qabel ma jiġu aċċettati tranżazzjonijiet ġodda minn dawk il-membri tal-ikklerjar.

    L-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Meta s-CCP ta’ pajjiż terz tkun impriża prinċipali jew sussidjarja, l-arranġamenti ta’ dik is-CCP li jimmaniġjaw il-kunflitti ta’ interess għandhom jikkunsidraw ukoll kwalunkwe ċirkostanzi, li s-CCP hi jew għandha tkun konxja minnhom, li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li joħroġ b’konsegwenza tal-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta’ impriżi oħra li magħhom għandha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja.

    L-Artikolu 33(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tagħha u għandha tipprevjeni l-użu ta’ dik l-informazzjoni għal attivitajiet tan-negozju oħra.

    Il-Kontinwità tan-Negozju

    L-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    CCP ta’ pajjiż terz jimplimenta u jżomm fis-seħħ politika ta’ kontinwità tan-negozju adegwata u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li tiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tagħha, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u t-twettiq tal-obbligi tas-CCP, li tal-inqas għandu jippermetti l-irkupru tat-tranżazzjonijiet kollha fil-waqt tat-taqlib sabiex jippermetti li s-CCP tkompli topera b’ċertezza u tikkompleta s-saldu fid-data skedata.

    L-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha timplimenta u żżomm proċedura adegwata li tiżgura s-saldu f’waqtu u ordinat jew it-trasferiment tal-assi u tal-pożizzjonijiet tal-klijenti u tal-membri tal-ikklerjar fil-każ li tkun irtirata l-awtorizzazzjoni.

    Esternalizzazzjoni

    L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Meta testernalizza l-funzjonijiet operattivi, is-servizzi jew l-attivitajiet , is-CCP ta’ pajjiż terz tiżgura li, f’kull ħin:

    (a)

    l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabilità;

    (b)

    ir-relazzjoni u l-obbligi tas-CCP lejn il-membri tal-ikklerjar tagħha jew meta rilevanti lejn il-klijenti tagħhom ma jinbidlux;

    (c)

    l-esternalizzazzjoni ma twaqqafx l-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji u ta’ sorveljanza;

    (d)

    l-esternalizzazzjoni ma twassalx sabiex il-kontroparti ċentrali tiċċaħħad mis-sistemi u kontrolli neċessarji għall-immaniġġjar tar-riskji li tiffaċċja;

    (e)

    il-fornitur tas-servizz jimplimenta rekwiżiti ekwivalenti tal-kontinwità tan-negozju għal dawk li għandhom jiġu ssodisfati;

    (f)

    il-kontroparti ċentrali iżżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-adegwatezza organizzattiva u kapitali tal-fornitur tas-servizz u biex tissorvelja l-funzjonijiet esternalizzati b’mod effikaċi u timmaniġja r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni u tissorvelja dawn il-funzjonijiet u timmaniġja dawk ir-riskji fuq bażi kontinwa;

    (g)

    is-CCP jkollha aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tal-funzjonijiet esternalizzati;

    (h)

    il-fornitur tas-servizz jipproteġi kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali relatata mas-CCP u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħha.

    Kapitolu 2: Regoli tal-Kondotta tan-Negozju

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    L-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz , meta tipprovdi servizzi lill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, lill-klijenti tagħhom, għandha taġixxi b’mod ġust u professjonali skont l-aħjar interessi ta’ tali membri tal-ikklerjar u klijenti u l-immaniġġjar tajjeb tar-riskji.

    L-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandu jkollha regoli aċċessibbli, trasparenti u ġusti biex tittratta l-ilmenti fil-pront.

    Rekwiżiti tal-parteċipazzjoni

    Il-Paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tistabbilixxi kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar ammissibbli u kriterji ta’ ammissjoni nondiskriminatorji, trasparenti u oġġettivi biex jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għas-CCP u biżżejjed riżorsi finanzjarji u kapaċità operazzjonali ta’ membri tal-ikklerjar, li jippermettu lis-CCP li tikkontrolla r-riskju li tkun esposta għalih, u timmonitorja fuq bażi kontinwa li dawk il-kriterji jiġu ssodisfati.

    L-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Ir-regoli tas-CCP ta’ pajjiż terz għall-membri tal-ikklerjar għandhom jippermettulha tiġbor l-informazzjoni bażika rilevanti ħalli tidentifika, timmonitorja u timmaniġġja l-konċentrazzjonijiet rilevanti ta’ riskju marbut mal-forniment ta’ servizzi lill-kjlienti.

    Il-Paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz ikollha proċeduri oġġettivi u trasparenti għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat ta’ membri tal-ikklerjar li ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissjoni u tista’ tiċħad l-aċċess biss għal membri tal-ikklerjar li jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissjoni fejn debitament ġustifikat bil-miktub u abbażi ta’ analiżi tar-riskju komprensiva.

    L-Artikolu 37(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    L-obbligi addizzjonali speċifiċi għall-membri tal-ikklerjar, bħall-parteċipazzjoni f’irkantijiet ta’ pożizzjoni ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti, huma proporzjonali għar-riskju li jitressaq mill-membru tal-ikklerjar u ma jirrestrinġux il-parteċipazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar.

    Trasparenza

    L-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tiżvela pubblikament il-prezzijiet u t-tariffi assoċjati ma’ kull servizz ipprovdut, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis, u tippermetti lill-membri tal-ikklerjar tagħha u, fejn rilevanti, lill-klijenti tagħhom, aċċess separat għas-servizzi speċifiċi pprovduti.

    L-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    CCP ta’ pajjiż terz għandha tiżvela lill-membri tal-ikklerjar u l-klijenti r-riskji assoċjati mas-servizzi pprovduti.

    L-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    CCP ta’ pajjiż terz għandha tiżvela lill-membri tal-ikklerjar tagħha l-informazzjoni dwar il-prezz użata għall-kalkolu tal-espożizzjonijiet tagħha fi tmiem il-jum lill-membri tal-ikklerjar tagħha u tiżvela pubblikament il-volum tat-transazzjonijiet ikklerjati għal kull klassi ta’ strumenti ikklerjata mis-CCP fuq bażi aggregata.

    L-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    CCP ta’ pajjiż terz għandha tiżvela pubblikament ir-rekwiżiti operattivi u tekniċi marbutin mal-protokolli tal-komunikazzjoni li jkopru l-format tal-kontenut u tal-messaġġ li tuża fl-interazzjoni ma’ terzi, inklużi ir-rekwiżiti operattivi u tekniċi marbutin mal-aċċess ta’ postijiet ta’ negozjar tas-CCP.

    Il-Paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tipprovdi lill-membri tal-ikklerjar tagħha b’informazzjoni dwar il-mudelli ta’ marġni inizjali li tuża, u tispjega kif il-mudelli joperaw u tiddeskrivi s-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet ewlenin ta’ dawk il-mudelli.

    Segregazzjoni u Portabilità

    L-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz iżżomm rekords u kontijiet separati għal kull membru tal-ikklerjar, tissegrega l-assi u l-pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar mill-assi u l-pożizzjonijiet tal-klijenti tal-membru tal-ikklerjar, u tipprovdi biżżejjed protezzjoni għall-assi u l-pożizzjonijiet ta’ kull membru tal-ikklerjar u ta’ kull klijent, kif ukoll għażla ta’ segregazzjoni tal-pożizzjonijiet u l-assi u tal-opzjonijiet ta’ portabilità lil kull klijent, inkluż segregazzjoni tal-klijenti individwali.

    Kapitolu 3: Rekwiżiti prudenzjali

    Immaniġjar tal-iskoperturi

    L-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz iżżomm politiki u mekkaniżmi xierqa biex timmaniġġja, fuq bażi ta’ kważi ħin reali, skoperturi fl-istess jum għal bidliet f’daqqa fil-kundizzjonijiet tas-suq u f’pożizzjonijiet.

    Rekwiżiti tal-marġini

    L-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz timponi, titlob u tiġbor marġini biex tillimita l-iskoperturi ta’ kreditu tagħha mill-membri tal-ikklerjar tagħha u, fejn rilevanti, minn CCPs li magħhom għandha arranġamenti ta’ interoperabbiltà, u li CCP timmonitorja b’mod regolari u, jekk ikun meħtieġ, tirrevedi l-livell tal-marġnijiet tagħha biex tirrifletti l-kundizzjonijiet attwali tas-suq b’kont meħud ta’ kwalunkwe effett potenzjalment proċikliku ta’ tali reviżjonijiet. Dawn il-marġini għandhom ikunu biżżejjed:

    (a)

    biex ikopru skoperturi potenzjali li jistgħu jseħħu sal-likwidazzjoni tal-pożizzjonijiet rilevanti;

    (b)

    biex ikopru telf li jirriżulta minn mill-inqas 99 % tal-movimenti ta’ skoperturi fuq perjodu ta’ żmien xieraq.

    Dawk il-marġni jiżguraw li CCP tikkollateralizza b’mod sħiħ l-iskoperturi tagħha mal-membri tal-ikklerjar kollha tagħha, u, fejn rilevanti, ma’ CCPs li magħhom għandha arranġamenti ta’ interoperabbiltà, mill-inqas fuq bażi ta’ kuljum.

    L-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha tadotta mudelli u parametri fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini tagħha li jaqbdu l-karatteristiċi tar-riskju tal-prodotti klerjati u li jikkunsidraw l-intervall bejn il-ġbir tal-marġini, il-likwidità tas-suq u l-possibilità ta’ bidliet tul id-durata tat-transazzjoni.

    L-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha ssejjaħ u tiġbor il-marġini fuq bażi ta’ kuljum, tal-inqas meta jinqabżu l-livelli limitu predefiniti.

    L-Artikolu 41(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tikkalkula, issejjaħ u tiġbor marġini li huma adegwati biex ikopru r-riskju li joħroġ mill-pożizzjonijiet reġistrati f’kull kont fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi, jew għal portafoll ta’ strumenti finanzjarji sakemm il-metodoloġija użata tkun prudenti u robusta.

    Fond tal-Inadempjenza u Riżorsi Finanzjarji Oħra

    Il-Paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    żżomm fond wieħed jew aktar ta’ inadempjenza prefinanzjati biex tkopri telf li jaqbeż it-telf li għandu jiġi kopert minn marġnijiet, li jirriżultaw mill-inadempjenza, inkluż il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew aktar;

    (b)

    tistabbilixxi ammont minimu li d-daqs tal-fond tal-inadempjenza m’għandu fl-ebda ċirkostanzi jinżel taħtu.

    L-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    CCP ta’ pajjiż terz għandha tistabbilixxi d-daqs minimu tal-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u l-kriterji għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar singoli. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu proporzjonali għall-iskoperturi ta’ kull membru tal-ikklerjar.

    l-Artikoli 42(3) u 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tiżviluppa xenarji ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli, inklużi l-aktar perjodi volatili li jkunu ġew esperjenzati mis-swieq li għalihom dik is-CCP tipprovdi s-servizzi tagħha, u firxa ta’ xenarji futuri potenzjali, b’kont meħud tal-bejgħ għall-għarrieda ta’ riżorsi finanzjarji u tnaqqis rapidu fil-likwidità tas-suq, u l-fond tal-inadempjenza ta’ dik is-CCP jippermettilha, f’kull ħin, li tkun tista’ tirreżisti l-inadempjenza ta’ mill-inqas iż-żewġ membri tal-ikklerjar li għalihom għandha l-akbar skoperturi taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

    L-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Il-fond tal-inadempjenza ta’ CCP ta’ pajjiż terz iżomm biżżejjed riżorsi finanzjarji prefinanzjati biex ikopri telf potenzjali li jaqbeż it-telf li għandu jiġi kopert bil-marġni. Dawk ir-riżorsi finanzjarji ffinanzjati minn qabel jinkludu riżorsi ddedikati tas-CCP, huma liberament disponibbli għas-CCP u ma jintużawx biex jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali.

    L-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tiżgura li l-iskoperturi tal-membri tal-ikklerjar lejn dik is-CCP ikunu limitati.

    Kontrolli tar-riskju tal-likwidità

    L-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    jkollha aċċess għal likwidità adegwata fi kwalunkwe ħin biżżejjed biex tkopri l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha ta’ kuljum u filwaqt li jitqies ir-riskju ta’ likwidità mill-inadempjenza ta’ mill-anqas żewġ membri tal-ikklerjar li jkollha l-akbar ammont ta’ esponiment għalihom:

    (b)

    tikseb il-linji tal-kreditu meħtieġa jew arranġamenti simili sabiex tkopri l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha f’każ li r-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha ma jkunux disponibbli minnufih;

    (c)

    tiżgura li membru tal-ikklerjar, impriża prinċipali jew kumpanija sussidjarja ta’ dak il-membru tal-ikklerjar flimkien ma għandhomx jipprovdu iżjed minn 25 % tal-linji tal-kreditu meħtieġa minn dik is-CCP.

    Kaskata tal-inadempjenza

    Il-Paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tuża l-marġnijiet li jkunu ġew assenjati minn membru tal-ikklerjar inadempjenti qabel riżorsi finanzjarji oħra biex jiġi kopert it-telf u minn hemm’ il quddiem, meta l-marġnijiet stazzjonati minn dak il-membru tal-ikklerjar ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf imġarrab mis-CCP, il-kontribuzzjoni għall-fond tal-inadempjenza ta’ dak il-membru tal-ikklerjar biex ikopri dak it-telf.

    Il-Paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    tuża l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti u kwalunkwe riżorsa finanzjarja oħra li hija parti mill-kaskata tal-inadempjenza tiegħu biss wara li jkun eżawrixxa l-kontribuzzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti u r-riżorsi proprji tiegħu;

    (b)

    m’għandhiex tuża l-marġini li ddaħħlu minn membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex tkopri t-telf riżultanti mill-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ieħor.

    Rekwiżiti tal-kollateral

    L-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz taċċetta biss kollateral likwidu ħafna b’riskju ta’ kreditu u tas-suq minimu biex tkopri l-iskopertura inizjali u kontinwa tagħha għall-membri tal-ikklerjar tagħha, u tapplika telf impost adegwat għal valuri tal-assi li jirriflettu l-potenzjal għall-valur tagħhom li jonqos matul l-intervall bejn l-aħħar rivalutazzjoni tagħhom u ż-żmien sa meta jistgħu raġonevolment jiġu preżunti li ġew likwidati, b’kont meħud tar-riskju ta’ likwidità wara l-inadempjenza ta’ parteċipant fis-suq u r-riskju ta’ konċentrazzjoni fuq ċerti assi li jistgħu jirriżultaw fl-istabbiliment tal-kollateral aċċettabbli u l-haircuts rilevanti.

    Politika tal-Investiment

    L-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz jinvesti r-riżorsi finanzjarji tiegħu biss fi flus kontanti jew fi strumenti finanzjarji likwidi ħafna b’riskju minimu tas-suq u ta’ kreditu, u l-investimenti tiegħu jkunu jistgħu jiġu likwidati malajr b’effett negattiv minimu fuq il-prezz.

    L-Artikolu 47(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tiddepożita strumenti finanzjarji stazzjonati bħala marġni jew bħala kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza ma’, fejn disponibbli, operaturi ta’ sistemi ta’ saldu tat-titoli li jiżguraw il-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji, jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati oħra li jużaw arranġamenti alternattivi b’sigurtà għolja.

    L-Artikolu 47(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Id-depożiti ta’ flus kontanti ta’ CCP għandhom jitwettqu permezz ta’ arranġamenti sikuri ħafna ma’ istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati jew inkella permezz tal-użu tal-faċilitajiet permanenti ta’ depożiti tal-banek ċentrali jew mezzi kumparabbli oħrajn provduti mill-banek ċentrali.

    L-Artikolu 47(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Meta tiddepożita l-assi ma’ parti terza, is-CCP ta’ pajjiż terz:

    (a)

    għandha tiżgura li l-assi li jappartjenu lill-membri tal-ikklerjar ikunu identifikabbli b’mod separat mill-assi li jappartjenu lis-CCP u mill-assi li jappartjenu lil dak it-terz permezz ta’ kontijiet b’titoli differenti fil-kotba tat-terz jew kwalunkwe miżuri ekwivalenti oħrajn li jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni.

    (b)

    għandu jkollha aċċess minnufih għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ.

    L-Artikolu 47(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz ma jinvestix il-kapital tiegħu jew l-ammonti li jirriżultaw minn marġni, kontribuzzjonijiet tal-fond ta’ inadempjenza, likwidità jew riżorsi finanzjarji oħra, fit-titoli tagħha stess jew dawk tal-impriża prinċipali tagħha jew tas-sussidjarja tagħha.

    L-Artikolu 47(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha tikkunsidra l-iskoperturi tar-riskju tal-kreditu globali tagħha għal individwi b’obbligazzjoni meta tagħmel id-deċiżjonijiet tal-investiment tagħha u għandha tiżgura li l-iskoperturi tar-riskju globali tagħha għal kwalunkwe individwu b’obbligazzjoni tibqa’ skont limiti ta’ konċentrazzjoni aċċettabbli.

    Proċeduri ta’ inadempjenza

    L-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz ikollha fis-seħħ proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta membru tal-ikklerjar ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tas-CCP jew meta dak il-membru tal-ikklerjar ikun iddikjarat inadempjenti jew mis-CCP jew minn parti terza.

    L-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha tieħu azzjoni minnufih biex iżżomm telf u pressjonijiet ta’ likwidità li jirriżultaw minn inadempjenzi u għandha tiżgura li l-għeluq totali ta’ kwalunkwe pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar ma jfixkilx l-operazzjonijiet tagħha jew jesponi l-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti għal telf li ma jistax jiġi antiċipat jew ikkontrollat.

    L-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Il-qafas ta’ pajjiż terz jiżgura li s-CCP ta’ pajjiż terz tinforma fil-pront lill-awtorità kompetenti tagħha qabel ma tiġi ddikjarata jew skattata l-proċedura ta’ inadempjenza.

    L-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz jivverifika li l-proċeduri ta’ inadempjenza tiegħu huma infurzabbli.

    Il-paragrafi 5, 6 u 7 tal-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    taġixxi f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tal-kollateral u pożizzjonijiet tal-kontijiet tal-klijent applikabbli fil-pajjiż terz;

    (b)

    timplimenta proċeduri li jiffaċilitaw it-trasferiment tal-pożizzjonijiet u tal-kollateral tal-klijenti f’konformità mar-regoli applikabbli fil-pajjiż terz.

    Rieżami ta’ mudelli, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv

    L-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha:

    (a)

    regolarment teżamina l-mudelli u l-parametri adottati biex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti tal-marġini, il-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza, ir-rekwiżiti tal-kollateral u mekkaniżmi oħra tal-kontroll tar-riskju tagħha.

    (b)

    tissoġġetta dawk il-mudelli għal testijiet tal-istress rigorużi u frekwenti biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tagħhom f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli;

    (c)

    twettaq testijiet retrospettivi biex jivvaluta l-affidabbiltà tal-metodoloġija adottata;

    (d)

    tikseb jew validazzjoni indipendenti jew validazzjoni mill-awtorità kompetenti tiegħu ta’ dawk il-mudelli u ta’ kwalunkwe tibdil sinifikanti fih.

    L-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha regolarment tittestja l-aspetti ewlenin tal-proċeduri tal-inadempjenza tagħha u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li l-membri tal-ikklerjar kollha jifhmuhom u jkollhom arranġamenti xierqa fis-seħħ sabiex jirrispondu għal avveniment ta’ inadempjenza.

    L-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tiżvela informazzjoni ewlenija dwar il-mudell tagħha tal-ġestjoni tar-riskju u s-suppożizzjonijiet adottati biex jitwettqu t-testijiet tal-istress fuq il-mudelli u l-parametri adottati biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti tal-marġini tagħha, il-kontribuzzjonijiet tal-fond ta’ inadempjenza, ir-rekwiżiti tal-kollateral u mekkaniżmi oħra ta’ kontroll tar-riskju.

    Saldu

    L-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tuża, fejn ikun prattiku u disponibbli, flus tal-bank ċentrali biex issalda t-tranżazzjonijiet tagħha jew, fejn il-flus tal-bank ċentrali ma jintużawx, tieħu passi biex tillimita b’mod strett ir-riskji tas-saldu bi flus kontanti.

    L-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha tiddikjara b’mod ċar l-obbligi tagħha fir-rigward tal-kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, inklużi jekk ikollhiex obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenja ta’ strument finanzjarju jew li tindennizza l-parteċipanti għal telf imġarrab fil-proċess tal-kunsenja.

    L-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Meta CCP ta’ pajjiż terz ikollha obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, għandha telimina r-riskju prinċipali permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kunsenja kontra ħlas sal-limitu possibbli.

    Kapitolu 4: Kalkoli u rappurtar għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1)

    Kalkoli u rappurtar

    L-Artikoli 50a sa 50d tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tapplika r-rekwiżiti tar-rapportar dwar il-kalkoli tar-rekwiżiti kapitali skont il-qafas rispettiv tal-pajjiż terz applikabbli għar-regoli dwar il-kontabbiltà u r-rekwiżiti kapitali.


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


    ANNESS II

    ELEMENTI IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(1)

    Dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni

    L-elementi imsemmija fl-Artikolu 4(1)

    Arranġamenti tal-Interoperabilità

    L-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Fejn arranġament ta’ interoperabbiltà jkun stabbilit biex jipprovdi servizzi lil ċentru tan-negozjar partikolari, is-CCP ta’ pajjiż terz ikollha aċċess mhux diskriminatorju kemm għad-data li jkollha bżonn għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha minn dak iċ-ċentru tan-negozjar partikolari u għas-sistema tas-saldu rilevanti;

    L-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tiċħad jew tillimita d-dħul f’arranġament tal-interoperabilità jew l-aċċess għal sistema ta’ forniment ta’ dejta jew ta’ saldu, direttament jew indirettament, biss sabiex tikkontrolla kwalunkwe riskju li jirriżulta minn dak l-arranġament jew l-aċċess.

    Immaniġġjar tar-riskji

    Il-Paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCPs li daħlu f’arranġament tal-interoperabilità għandhom:

    (a)

    ikollhom fis-seħħ politiki, proċeduri u sistemi xierqa sabiex b’mod effettiv jidentifikaw, jimmonitorjaw u jimmaniġġjaw ir-riskji li joħorġu mill-arranġament ta’ interoperabilità sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-obbligi tagħhom fil-ħin;

    (b)

    jaqblu fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inkluż il-liġi applikabbli li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom;

    (c)

    jidentifikaw, jimmonitorjaw u b’mod effettiv jimmaniġġjaw riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità sabiex l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ta’ kontroparti ċentrali waħda ma taffettwax kontroparti ċentrali interoperabbli;

    (d)

    jidentifikaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw interdipendenzi u korrelazzjonijiet potenzjali li joħorġu minn arranġament tal-interoperabbiltà li jista’ jaffetwa r-riskji tal-kreditu u tal-likwidità relatati ma’ konċentrazzjonijiet ta’ membru tal-ikklerjar, u riżorsi finanzjarji miġbura flimkien.

    (e)

    meta l-mudelli tal-immaniġġjar tar-riskji użati mis-CCPs biex ikopru l-iskopertura tagħhom għall-membri tal-ikklerjar tagħhom jew l-iskoperturi reċiproċi tagħhom ikunu differenti, il-kontropartijiet ċentrali għandhom jidentifikaw dawk id-differenzi, jivvalutaw ir-riskji li jistgħu joħorġu minnhom u jieħdu l-miżuri, inklużi li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji addizzjonali, li jistgħu jillimitaw l-impatt tagħhom fuq l-arranaġament tal-interoperabbiltà kif ukoll il-konsegwenzi potenzjali tagħhom f’termini ta’ riskji ta’ tniġġis u li jiżguraw li dawn id-differenzi ma jaffetwawx l-abilità ta’ kull kontroparti ċentrali biex timmaniġġja l-konsegwenzi tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar.

    Għoti ta’ marġnijiet bejn il-kontropartijiet ċentrali

    L-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    Is-CCP ta’ pajjiż terz għandha tiddistingwi fil-kontijiet l-assi u l-pożizzjonijiet miżmumin għall-kont tal-kontropartijiet ċentrali li tkun daħlet magħhom f’arranġament tal-interoperabbiltà.

    Is-CCP ta’ pajjiż terz tipprovdi biss marġnijiet inizjali lil dik is-CCP taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ garanzija li permezz tiegħu s-CCP ma għandhiex dritt ta’ użu fuq il-marġini pprovduti mis-CCP l-oħra.

    Il-kollateral riċevut fil-forma ta’ strumenti finanzjarji huwa protett f’wieħed minn dawn il-modi:

    (i)

    jiġi ddepożitat ma’ operaturi ta’ sistemi ta’ saldu tat-titoli li jiżguraw il-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji;

    (ii)

    jew inkella jistgħu jintużaw arranġamenti oħra sikuri ħafna ma’ istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati;

    L-assi jkunu għad-dispożizzjoni tas-CCP riċeventi biss f’każ ta’ inadempjenza tas-CCP li tkun ipprovdiet il-kollateral fil-kuntest ta’ arranġament tal-interoperabbiltà.

    F’każ ta’ inadempjenza tas-CCP li tkun irċeviet il-kollateral fil-kuntest ta’ arranġament tal-interoperabbiltà, il-kollateral provdut għandu jingħata lura fil-pront lis-CCP li tkun ipprovdietu.


    Top