This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R1239
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/1239 of 17 June 2020 amending Implementing Regulation (EU) 2017/39 as regards the monitoring and evaluation of the implementation of the school scheme and the on-the-spot checks related thereto
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1239 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-kontrolli fuq il-post marbuta ma’ dan
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1239 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-kontrolli fuq il-post marbuta ma’ dan
C/2020/3911
ĠU L 284, 1.9.2020, p. 3–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1239
tas-17 ta’ Ġunju 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-kontrolli fuq il-post marbuta ma’ dan
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 25(d) u 223(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 (3), l-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel tagħhom u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati. Bil-ħsieb li l-approċċ għall-evalwazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fl-Unjoni jkun effettiv u uniformi, l-għamla u l-mili tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri mistenni minnhom li jissottomettu lill-Kummissjoni jeħtieġ li jiġu speċifikati. |
(2) |
L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (4) jistabbilixxi l-iskop, il-kontenut, l-iskeda ta’ żmien u r-rappurtar tal-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-Istati Membri. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, id-dokumentazzjoni li trid tiġi vverifikata bħala parti mill-kontrolli fuq il-post jeħtieġ li tiġi ċċarata aktar. Barra minn hekk, il-perjodu tat-twettiq tal-kontrolli fuq il-post u tat-tlestija tar-rapporti tal-kontrolli jeħtieġ li jittawwal u d-data finali tiġi posposta ħalli jitqiesu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi wara l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(5) ta’ dak ir-Regolament. |
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jeħtieġ għaldaqstant li jiġi emendat skont dan. |
(4) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 8 Monitoraġġ u evalwazzjoni 1. Il-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jiġbed konklużjonijiet abbażi tad-data li tfeġġ mill-obbligi ta’ ġestjoni u kontroll, inklużi dawk stipulati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jissottemettu r-rapport ta’ monitoraġġ annwali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara tmiem is-sena skolastika inkwistjoni. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni r-rapport ta’ kontroll annwali tagħhom dwar il-kontrolli fuq il-post imwettqa u s-sejbiet relatati msemmija fl-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament sal-31 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja wara tmiem is-sena skolastika inkwistjoni. 2. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jew, jekk Stat Membru jimplimenta l-iskema tal-iskejjel fil-livell reġjonali, l-għadd korrespondenti ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fl-ewwel ħames (5) snin skolastiċi ta’ kull perjodu kopert mill-istrateġija mfassla fil-livell nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. L-Istati Membri għandhom jissottmettu ir-rapport jew rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu tas-sena kalendarja wara tmiem dawk il-ħames (5) snin skolastiċi. L-ewwel rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu sottomessi sal-1 ta’ Marzu 2023. Ir-rekwiżiti minimi għall-għamla u l-mili tar-rapport jew ir-rapporti ta’ evalwazzjoni huma stipulati fl-Anness ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport jew rapporti sottomessi lill-Kummissjoni ma jinkludux data personali. 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapporti ta’ monitoraġġ annwali u r-rapporti ta’ evalwazzjoni sottomessi skont it-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1 u l-paragreafu 2.”; |
(2) |
L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
jiżdied Anness, li t-test tiegħu huwa stipulat fl-Anness ma’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 tat-3 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 11).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).
ANNESS
“ANNESS
IR-REKWIŻITI MINIMI GĦALL-GĦAMLA U L-MILI TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8(2)
1. Sommarju eżekuttiv
— |
Sejbiet tal-evalwazzjoni |
— |
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet |
2. Introduzzjoni
— |
Għan u skop tar-rapport ta’ evalwazzjoni |
— |
Deskrizzjoni qsajra tal-proċess ta’ evalwazzjoni |
3. Metodoloġija
— |
It-tfassil tal-evalwazzjoni u l-metodi użati |
— |
Mistoqsijiet dwar l-evalwazzjoni, kriterji ta’ ġudizzju, indikaturi |
— |
Għejjun tad-data u tekniki għall-ġbir tad-data |
— |
Kwalunkwe limitazzjonijiet u soluzzjonijiet misjuba |
4. Valutazzjoni tal-funzjonament tal-iskema ta’ iskejjel
— |
Loġika ta’ intervent jew konessjonijiet bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi mnaqqxa fl-istrateġija u l-attivitajiet imwettqa |
— |
Xejriet jew tendenzi ewlenin fit-tfal/skejjel parteċipanti |
— |
Forniment/tqassim tal-frott, il-ħxejjex, il-ħalib u l-prodotti mill-ħalib għall-iskejjel u l-prijorita għal frott u ħxejjex friski u ħalib għax-xorb |
— |
Miżuri edukattivi akkompanjanti |
— |
Azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni |
— |
Arranġamenti u dispożizzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni |
— |
Involviment tal-awtoritajiet tas-saħħa/nutrizzjoni, awtoritajiet pubbliċi oħra u partijiet ikkonċernati privati assoċjati mal-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iskema |
5. Tweġibiet għal mistoqsijiet komuni dwar l-evalwazzjoni
5.1. L-iskema tal-iskejjel kemm żiedet il-konsum kumplessiv mit-tfal ta’ frott, ħxejjex u ħalib u prodotti mill-ħalib, b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għal dieta sana tal-grupp tal-età fil-mira?
Indikaturi:
— |
Bidla fil-konsum dirett jew indirett mit-tfal ta’ frott u ħxejjex friski (kwantità u/jew frekwenza) |
— |
Bidla fil-konsum dirett jew indirett mit-tfal ta’ ħalib tax-xorb (kwantità u/jew frekwenza) |
— |
Bidla fil-perċentwal ta’ tfal li jissodisfaw il-konsum rakkomandat ta’ kuljum ta’ frott u ħxejjex |
— |
Bidla fil-perċentwal ta’ tfal li jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa u n-nutrizzjoni dwar il-konsum ta’ kuljum ta’ ħalib tax-xorb, u prodotti oħra tal-ħalib bla zokkor, togħmiet, frott, ġwież jew kawkaw miżjuda u b’mod konformi mal-livelli rakkomandati nazzjonalment ta’ livelli ta’ xaħam u sodju għall-grupp ta’ età fil-mira |
5.2. L-iskema tal-iskejjel kemm edukat lit-tfal dwar abitudnijiet ta’ ikel tajbin għas-saħħa?
Indikaturi:
— |
Bidla fl-attitudni tat-tfal lejn il-konsum tal-frott, il-ħxejjex, il-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għal dieta tajba għas-saħħa tal-grupp ta’ età fil-mira |
— |
Bidla fl-għarfien mit-tfal tal-benefiċċji għas-saħħa mill-komsum ta’ frott u ħxejjex friski, il-ħalib tax-xorb u l-prodotti mill-ħalib bla zokkor, togħmiet, frott, ġwież jew kawkaw miżjuda u b’mod konformi mal-livelli rakkomandati nazzjonalment ta’ livelli ta’ xaħam u sodju għall-grupp ta’ età fil-mira |
6. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
— |
Effettività tal-iskema |
— |
Lezzjonijiet mitgħallma |
— |
Rakkomandazzjonijiet għal titjib |
7. Annessi
Dettalji tekniċi tal-evalwazzjoni inklużi kwestjonarji, referenzi u sorsi.