Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1108

Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1108 tal-20 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

ST/9124/2020/INIT

ĠU L 244, 29.7.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1108/oj

29.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/1108

tal-20 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (3) jistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju u l-ħżin ta’ informazzjoni mill-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (4).

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 (5) jemenda dawk id-dispożizzjonijiet biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-iskemi speċjali u jintroduċi skema ġdida. Dawk l-emendi jridu jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

(3)

Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat lill-Istati Membri kollha. Minħabba ż-żieda allarmanti fl-għadd ta’ każijiet u n-nuqqas ta’ disponibbiltà immedjata ta’ mezzi effiċjenti biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19, bosta Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali.

(4)

Il-pandemija tal-COVID-19 tikkostitwixxi emerġenza mhux mistennija u bla preċedent li taffettwa ħafna lill-Istati Membri kollha u ġġegħelhom jieħdu azzjoni minnufih fil-livell nazzjonali biex jindirizzaw il-kriżi attwali bħala prijorità billi jirriallokaw ir-riżorsi riżervati għal kwistjonijiet oħra. Bħala riżultat ta’ din il-kriżi, diversi Stati Membri qed jiffaċċaw diffikultajiet biex jiffinalizzaw l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2454 mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, għadd ta’ Stati Membri talbu l-posponiment tad-dati tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2454.

(5)

Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19 u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tagħhom tal-IT biex ikunu jistgħu japplikaw ir-Regolament (UE) 2017/2454, u jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, huwa neċessarju li d-dati tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament jiġu posposti b’sitt xhur. Posponiment ta’ sitt xhur huwa xieraq, billi jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits għall-Istati Membri.

(6)

Minħabba l-impatt sinifikanti tat-tfixkil ekonomiku u d-diffikultajiet addizzjonali possibbli li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni korretta u f’waqtha tar-regoli l-ġodda tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni tista’ taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex tissorvelja l-adattament tas-sistemi nazzjonali tal-IT u biex tipprovdi assistenza teknika kull meta jkun hemm bżonn.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2454 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/2454 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punt (7) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015 sat-30 ta’ Ġunju 2021 ”;

(b)

il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

(i)

l-intestatura tat-Taqsima 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2021 ”;

(ii)

l-Artikolu 47a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47a

Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2021.”;

(2)

fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Lulju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-10 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 1).


Top