Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0897

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/897 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    ST/8673/2020/INIT

    ĠU L 205I, 29.6.2020, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/897/oj

    29.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 205/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/897

    tad-29 ta’ Ġunju 2020

    li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/2063.

    (2)

    Fil-21 ta’ Diċembru 2019, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li semmiet li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana u l-Assemblea Kostitwenti mhux rikonoxxuta li titneħħa l-immunità parlamentari mogħtija kostituzzjonalment lil erba’ membri tal-Assemblea Nazzjonali kienet ksur serju tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, tal-istat tad-dritt u tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat. Id-dikjarazzjoni għamlitha ċara li l-Unjoni ser tkompli ssegwi s-sitwazzjoni u li tinsab lesta li tuża l-istrumenti disponibbli tagħha biex tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż miżuri mmirati li ma jagħmlux ħsara lill-poplu Venezwelan.

    (3)

    Fid-9 ta’ Jannar 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li ddikjarat li l-atti reċenti kontra l-uniku korp elett demokratikament fil-Venezwela, l-Assemblea Nazzjonali, u ħafna mill-Membri tagħha, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, komplew jintensifikaw il-kriżi tal-Venezwela u li t-tentattivi biex jiġi mblukkat bil-forza proċess elettorali leġittimu għall-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta’ Jannar 2020 u l-użu tal-forza kontra l-President tagħha u diversi leġislaturi biex jiġi miċħud lilhom l-aċċess għall-Assemblea Nazzjonali kienu kompletament inaċċettabbli. Dik id-dikjarazzjoni indikat ukoll li s-sessjoni ta’ votazzjoni li wasslet għall-hekk imsejħa elezzjoni ta’ Luis Parra ma kinitx leġittima peress li ma rrispettatx il-proċeduri legali, u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi, u li l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali jridu jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom kif ingħatalhom mill-poplu Venezwelan mingħajr ebda intimidazzjoni jew tpattija. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dawn l-atti u deċiżjonijiet serji li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, dik id-dikjarazzjoni ssottolinjat l-impenn tal-Unjoni li tibda l-ħidma biex tapplika miżuri mmirati kontra individwi involuti fil-ksur ta’ dawk il-prinċipji u drittijiet.

    (4)

    Fl-4 ta’ Ġunju 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela, inkluż id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Venezwela tas-26 ta’ Mejju 2020 li tirratifika lil Luis Parra bħala President tal-Assemblea Nazzjonali. Dik id-dikjarazzjoni ssottolinjat li l-Unjoni tqis li s-sessjoni tal-votazzjoni li wasslet għall-hekk imsejħa elezzjoni ta’ Luis Parra ma kinitx leġittima, peress li la rrispettat il-proċeduri legali, u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi. Hija ddikjarat ukoll li l-aħħar żviluppi komplew japprofondixxu l-kriżi istituzzjonali u politika li ilha sejra fil-Venezwela u naqqsu l-ispazju demokratiku u kostituzzjonali fil-pajjiż. Dik id-dikjarazzjoni tenniet il-pożizzjoni tal-Unjoni li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tal-Venezwela tista’ tinkiseb biss permezz ta’ proċess politiku ġenwin u inklużiv, u enfasizzat li l-Unjoni tirrifjuta kull tip ta’ vjolenza, inkluż kwalunkwe inkursjoni militari jew vjolenti fil-pajjiż. F’dan il-kuntest, l-Unjoni nnotat li l-ftehim reċenti bejn l-atturi nazzjonali dwar l-assistenza umanitarja huwa pass pożittiv u enfasizzat il-ħtieġa li n-naħat kollha jaħdmu flimkien u b’mod kostruttiv biex tittaffa t-tbatija drammatika tal-poplu tal-Venezwela li qed tiġi aggravata bil-pandemija tal-COVID-19.

    (5)

    F’dan il-kuntest, u fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fil-Venezwela, ħdax-il persuna għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kif stabbilit fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063.

    (6)

    L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. METELKO-ZGOMBIĆ


    (1)   ĠU L 295, 14.11.2017, p. 21.


    ANNESS

    Fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063, l-entrati li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi:

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “26.

    José Adelino Ornelas Ferreira

    Psewdonimu: Ornella Ferreira/Ornellas Ferreira

    Data tat-twelid: 14 ta’ Diċembru 1964

    Post tat-twelid: Caracas, Distrito Capital, il-Venezwela

    Numru tal-identità: V-7087964

    Sess: raġel

    Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għad-Difiża Nazzjonali mis-26 ta’ Lulju 2019 u eks kmandant tar-Reġjun Strateġiku tad-Difiża Integrali Nazzjonali (REDI Capital), eks Kap tal-Persunal u eks Viċi Kmandant tal-Kmand Operattiv u Strateġiku tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani tal-Venezwela (CEOFANB). F’dawn ir-rwoli huwa appoġġa u ffaċilita azzjonijiet u politiki tal-Gvern tal-Venezwela li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u t-trażżin tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluż billi ostakola l-għoti ta’ għajnuna umanitarja u bl-użu ta’ forza eċċessiva minn uffiċjali tal-Forzi Armati Bolivarjani (FANB), u minn forzi subordinati taħt il-kmand tiegħu inkluż r-Reġjun Strateġiku tad-Difiża Integrali (REDI), iż-Żona ta’ Operazzjonijiet tad-Difiża Integrali (ZODI) u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana.

    29.6.2020

    27.

    Gladys del Valle Requena

    Data tat-twelid: 9 ta’ Novembru 1952

    Post tat-twelid: Puerto Santo, Sucre, il-Venezwela

    Numru tal-identità: V-4114842

    Sess: mara

    Membru u, mis-26 ta’ Ottubru 2018, it-Tieni Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. Fir-rwol tagħha ta’ mexxejja fl-ANC mhux rikonoxxuta, hija dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż permezz tal-iffirmar ta’ digriet li neħħa l-immunità parlamentari tal-president tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela, Juan Guaidó.

    29.6.2020

    28.

    Tania Valentina Diaz González

    Data tat-twelid: 18 ta’ Ġunju 1963

    Post tat-twelid: Caracas, Distrito Capital, il-Venezwela

    Numru tal-identità: V-6432672

    Sess: mara

    Membru u, mill-4 ta’ Jannar 2018, l-Ewwel Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. Fir-rwol tagħha ta’ mexxejja fl-ANC mhux rikonoxxuta hi dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi ffirmat id-digriet li neħħa l-immunità parlamentari tal-president tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela, Juan Guaidó.

    29.6.2020

    29.

    Elvis Eduardo Hidrobo Amoroso

    Data tat-twelid: 4 ta’ Awwissu 1963

    Post tat-twelid: Caracas, Distrito Capital, il-Venezwela

    Numru tal-identità: V-7659695

    Sess: raġel

    Kontrollur Ġenerali, mit-23 ta’ Ottubru 2018, u eks l-Ewwel u t-Tieni Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bit-tmexxija tal-ANC mhux rikonoxxuta, l-iffirmar tal-“liġi kontra l-mibegħda”, li tiġġustifika t-tneħħija ta’ gvernatur tal-oppożizzjoni elett legalment u l-projbizzjoni ta’ Juan Guaidó minn kwalunkwe kariga pubblika.

    29.6.2020

    30.

    Juan José Mendoza Jover

    Data tat-twelid: 11 ta’ Marzu 1969

    Post tat-twelid: Trujillo, il-Venezwela

    Indirizz: Arnoldo Gabaldon, Candelaria, Edo. Trujillo

    Numru tal-identità: V- 9499372

    Sess: raġel

    It-Tieni Viċi President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezwela (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) u President tal-Kamra Kostituzzjonali tat-TSJ mill-24 ta’ Frar 2017. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż permezz ta’ għadd ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’dawn l-aħħar sentejn li illimitaw jew dgħajfu s-setgħat kostituzzjonali tal-korp leġislattiv elett demokratikament, l-Assemblea Nazzjonali.

    29.6.2020

    31.

    Jorge Elieser Marquez Monsalve

    Data tat-twelid: 20 ta’ Frar 1971

    Post tat-twelid: Caracas, il-Venezwela

    Numru tal-identità: V- 8714253

    Sess: raġel

    Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (CONATEL) mis-7 ta’ Awwissu 2017. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi llimita serjament id-drittijiet tal-poplu Venezwelan għal-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. Huwa uża s-setgħat speċjali tal-CONATEL biex isikket il-kritika u d-dissidenti lejn ir-reġim billi mblokka, iffiltra u ostakola s-siti web tal-Internet u billi rrevoka l-liċenzji eżistenti għall-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u r-rifjut li jingħataw tali liċenzji ġodda.

    29.6.2020

    32.

    Farik Karin Mora Salcedo

    Numru tal-identità: V-8608523

    Sess: raġel

    Prosekutur fl-Ewwel Qorti tal-Prim’Istanza Speċjali tal-Venezwela b’uffiċċju fid-Direttorat Ġenerali ta’ Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi taw bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati li rriżultaw fid-detenzjoni arbitrarja ta’ membri tal-Assemblea Nazzjonali u uffiċjali oħra li jopponu r-reġim ta’ Maduro.

    29.6.2020

    33.

    Dinorah Yoselin Bustamante Puerta

    Data tat-twelid: 14 ta’ Jannar 1975

    Numru tal-identità: V-10002096

    Sess: mara

    Prosekutur fl-Ewwel Qorti tal-Prim’Istanza Speċjali tal-Venezwela, b’uffiċċju fi ħdan id-Direttorat Ġenerali ta’ Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). L-azzjonijiet tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi taw bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati li rriżultaw fid-detenzjoni arbitrarja ta’ membri tal-Assemblea Nazzjonali u uffiċjali oħra li jopponu r-reġim ta’ Maduro.

    29.6.2020

    34.

    Luis Eduardo Parra Rivero

    Data tat-twelid: 7 ta’ Lulju 1978

    Numru tal-identità: V-14211633

    Sess: raġel

    Membru u elett b’mod illeġittimu President tal-Assemblea Nazzjonali. Bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta’ Jannar 2020 huwa organizza l-elezzjoni taparsi tiegħu bħala l-President tal-Assemblea Nazzjonali, u b’hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta’ diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblukkat mill-pulizija militari u mingħajr ma ntlaħaq il-kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. Ftit wara l-elezzjoni taparsi ta’ Parra, bl-appoġġ tal-partit politiku tar-reġim (PSUV), Parra ntlaqa’ minn Maduro u l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta.

    29.6.2020

    35.

    Franklyn Leonardo Duarte

    Data tat-twelid: 15 ta’ Mejju 1977

    Numru tal-identità: V-3304045

    Membru u elett b’mod illeġittimu l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali. Bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta’ Jannar 2020 huwa organizza l-elezzjoni taparsi tiegħu bħala l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali, u b’hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta’ diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblukkat mill-pulizija militari, u mingħajr ma ntlaħaq il-kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. Ftit wara l-elezzjoni taparsi ta’ Duarte, bl-appoġġ tal-partit politiku tar-reġim (PSUV), l-elezzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali ġiet milqugħa minn Maduro u l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta.

    29.6.2020

    36.

    José Gregorio Noriega Figueroa

    Data tat-twelid: 21 ta’ Frar 1969

    Numru tal-identità: V-8348784

    Sess: raġel

    Membru u elett b’mod illeġittimu t-tieni Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali. Bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta’ Jannar 2020 huwa organizza l-elezzjoni taparsi tiegħu bħala t-tieni Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali, u b’hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta’ diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblukkat mill-pulizija militari, u mingħajr ma ntlaħaq il-kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. Ftit wara l-elezzjoni taparsi ta’ Noriega, bl-appoġġ tal-partit politiku tar-reġim (PSUV), l-elezzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali ġiet milqugħa minn Maduro u l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta.

    29.6.2020”


    Top