EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0723

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/723 tal-4 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ bdoti ta’ pajjiżi terzi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011

C/2020/1120

ĠU L 170, 2.6.2020, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/723/oj

2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/723

tal-4 ta’ Marzu 2020

li jistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ bdoti ta’ pajjiżi terzi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 u b’mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu, il-Kummissjoni issa għandha s-setgħa li tadotta atti delegati fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati u ta’ dokumentazzjoni oħra li jiċċertifikaw il-konformità mar-regoli tal-avjazzjoni ċivili maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz, filwaqt li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ sikurezza għal dak previst fir-Regolament (UE) 2018/1139.

(2)

L-objettiv ewlieni ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħmel il-qafas legali attwali konformi mar-Regolament (UE) 2018/1139 u għalhekk il-kontenut tal-Artikolu 8, tal-Anness III u tad-dispożizzjonijiet relatati tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) dwar l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu ttrasferiti f’att delegat. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet issa jinkludu wkoll regoli dwar l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati ta’ gliders u blalen tal-arja ta’ pajjiżi terzi.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jelenka l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi. Taħt ċerti kundizzjonijiet, liċenzja ta’ bdot maħruġa minn pajjiż terz tista’ attwalment tiġi aċċettata mill-Istati Membri, jew id-detentur ta’ tali liċenzja ta’ pajjiż terz jista’ jikseb kreditu meta japplika għal liċenzja skont ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Attwalment, dan il-kreditu jiġi determinat abbażi ta’ rakkomandazzjoni minn organizzazzjoni tat-taħriġ approvata.

(4)

Ir-regoli applikabbli għall-organizzazzjonijiet tat-taħriġ li jipprovdu taħriġ għal ċerti liċenzji u klassifikazzjonijiet ta’ bdot mhux kummerċjali ġew issimplifikati u l-organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata (“DTO”) ġiet introdotta, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1119 (3). Għalhekk, ir-regoli dwar l-aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu aġġornati sabiex jippermettu lid-DTOs jagħtu kreditu lid-detenturi ta’ liċenzji ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal liċenzja maħruġa skont il-qafas legali tal-Unjoni.

(5)

L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 kif ukoll l-Anness III ta’ dak ir-Regolament, li attwalment fihom rekwiżiti għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi, għalhekk jenħtieġ li jitħassru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji ta’ bdoti u ta’ klassifikazzjonijiet, privileġġi jew ċertifikati assoċjati, kif ukoll ta’ ċertifikati mediċi assoċjati maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1178/2011, fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 (4) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976 (5), għandhom japplikaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “titjiriet tal-manifatturi” tfisser it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (6).

Artikolu 3

Aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi

Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Unjoni u pajjiż terz f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

f’konformità mat-Taqsima 2 ta’ dan ir-Regolament, jaċċettaw liċenzji ta’ bdoti u klassifikazzjonijiet, privileġġi jew ċertifikati assoċjati, kif ukoll ċertifikati mediċi assoċjati maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi;

(b)

f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, l-Artikolu 3a tar-Regolament (UE) 2018/395 jew l-Artikolu 3a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976, kif applikabbli, joħorġu liċenzji ekwivalenti lil applikanti li diġà għandhom liċenzja, klassifikazzjoni, privileġġ jew ċertifikat ekwivalenti maħruġa minn pajjiż terz skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata fis-7 ta’ Diċembru 1944 f’Chicago (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), dment li dawk l-applikanti jkunu konformi mar-rekwiżiti tat-Taqsima 3 u jitqies kwalunkwe kreditu abbażi ta’ rakkomandazzjoni minn organizzazzjoni tat-taħriġ approvata jew organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata;

(c)

jagħtu krediti sħaħ, fir-rigward tar-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni f’kors ta’ taħriġ qabel ma jwettqu l-eżamijiet tal-għarfien teoriku u t-test tal-aptitudni, lil detenturi ta’ liċenzja ta’ bdot tat-trasport b’linja tal-ajru (“ATPL”) maħruġa minn pajjiż terz jew f’ismu f’konformità mal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dment li dawk id-detenturi jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-esperjenza għall-ħruġ ta’ ATPL fil-kategorija tal-inġenji tal-ajru rilevanti kif stabbilit fis-Subparti F tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 u dment li l-liċenzja ta’ pajjiż terz ikollha klassifikazzjoni tat-tip valida għall-inġenju tal-ajru li jkun se jintuża għat-test tal-aptitudni ATPL;

(d)

joħorġu klassifikazzjonijiet tat-tip ta’ ajruplan jew tat-tip ta’ ħelikopter lil detenturi ta’ liċenzji maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn pajjiż terz għall-ħruġ ta’ tali klassifikazzjonijiet; dawk il-klassifikazzjonijiet għandhom ikunu ristretti għall-inġenji tal-ajru rreġistrati f’dak il-pajjiż terz, iżda din ir-restrizzjoni tista’ titneħħa meta l-bdot ikun konformi mar-rekwiżiti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament;

TAQSIMA 2

VALIDAZZJONI TAL-LIĊENZJI

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet ġenerali għall-validazzjoni tal-liċenzji

1.   Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tivvalida liċenzja ta’ bdot maħruġa minn pajjiż terz f’konformità mar-rekwiżiti tal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tkun din li ġejja:

(a)

għal bdoti li huma residenti fit-territorju tal-Unjoni – awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ post fejn ikun residenti jew stabbilit il-bdot.

(b)

għal bdoti li ma jkunux residenti fit-territorju tal-Unjoni – awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-operatur li għalih itiru jew ikunu beħsiebhom li jtiru jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn ikun irreġistrat l-inġenju tal-ajru li jtiru fuqu jew ikunu beħsiebhom li jtiru fuqu.

3.   Il-validazzjoni ta’ liċenzja għandu jkollha perjodu ta’ validità, ta’ mhux aktar minn sena, u l-privileġġi tagħha għandhom jiġu eżerċitati biss dment li l-liċenzja tkun għadha valida.

L-awtorità kompetenti li tkun ivvalidat il-liċenzja tista’ testendi l-validità darba biss u b’massimu ta’ sena waħda biss, jekk matul il-perjodu ta’ validità l-bdot ikun applika għal liċenzja skont l-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jew ikun qed jipparteċipa f’taħriġ għall-ħruġ ta’ tali liċenzja. Fil-każ imsemmi l-aħħar, l-estensjoni għandha tkopri l-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex il-liċenzja tinħareġ f’konformità mal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

4.   Id-detenturi ta’ liċenzja vvalidata minn Stat Membru għandhom jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

Artikolu 5

Liċenzji ta’ bdoti għat-trasport kummerċjali bl-ajru u għal attivitajiet kummerċjali oħra

Għall-validazzjoni ta’ liċenzji ta’ bdoti għat-trasport kummerċjali bl-ajru u għal attivitajiet kummerċjali oħra, id-detenturi għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin, kif applikabbli, għall-privileġġi mixtieqa:

(a)

jissodisfaw, bħala test tal-aptitudni, ir-rekwiżiti ta’ validazzjoni mill-ġdid ta’ klassifikazzjoni tat-tip jew tal-klassi tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, skont il-privileġġi tal-liċenzja fil-pussess tagħhom;

(b)

juru għarfien tal-partijiet rilevanti tar-rekwiżiti operattivi u tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(c)

juru profiċjenza fil-lingwa skont il-Punt FCL.055 tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(d)

ikollhom ċertifikat mediku validu tal-Klassi 1, maħruġ skont l-Anness IV (Parti-MED) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(e)

fil-każ tal-ajruplani, minbarra r-rekwiżiti fil-punti (a) sa (d), jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-esperjenza stabbiliti fit-Tabella 1 fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(f)

fil-każ tal-ħelikopters, minbarra r-rekwiżiti fil-punti (a) sa (d), jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-esperjenza stabbiliti fit-Tabella 2 fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Liċenzji ta’ bdoti għal attivitajiet mhux kummerċjali bi klassifikazzjoni tal-istrumenti

Għall-validazzjoni ta’ liċenzji ta’ bdoti privati bi klassifikazzjoni tal-istrumenti, jew ta’ Liċenzji ta’ Bdot Kummerċjali (“CPL”) u ta’ Liċenzji ta’ Bdot tat-Trasport b’Linja tal-Ajru (“ATPL”) bi klassifikazzjoni tal-istrumenti fejn il-bdot ikun biħsiebu biss jeżerċita privileġġi ta’ bdot privat, id-detenturi għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

jgħaddu mit-test tal-aptitudni għall-klassifikazzjoni tal-istrumenti u l-klassifikazzjonijiet tat-tip jew tal-klassi rilevanti għall-privileġġi tal-liċenzja fil-pussess tagħhom, skont l-Appendiċi 7 u l-Appendiċi 9 tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(b)

juru għarfien dwar il-Liġi tal-Ajru, il-Kodiċijiet Ajrunawtiċi tat-Temp, l-Ippjanar u l-Prestazzjoni ta’ Titjir (IR) u l-Prestazzjoni Umana;

(c)

juru profiċjenza fil-lingwa skont il-Punt FCL.055 tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(d)

ikollhom mill-inqas ċertifikat mediku validu tal-Klassi 2 maħruġ skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(e)

ikollhom esperjenza minima ta’ mill-inqas 100 siegħa ħin ta’ titjir bl-istrumenti bħala bdoti fil-kmand (“PIC”) fil-kategorija rilevanti ta’ inġenji tal-ajru.

Artikolu 7

Liċenzji ta’ bdoti għal attivitajiet mhux kummerċjali mingħajr klassifikazzjoni tal-istrumenti

Għall-validazzjoni ta’ liċenzji ta’ bdoti privati, jew ta’ liċenzji CPL u ATPL mingħajr klassifikazzjoni tal-istrumenti fejn il-bdot ikun biħsiebu biss jeżerċita privileġġi ta’ bdot privat, id-detenturi għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

juru għarfien dwar il-Liġi tal-Ajru u l-Prestazzjoni Umana;

(b)

jgħaddu t-test tal-aptitudni tal-liċenzja ta’ bdot privat (“PPL”) kif stabbilit fil-punt FCL.235 tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(c)

jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tas-Subparti H tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, għall-ħruġ ta’ klassifikazzjoni tat-tip jew tal-klassi skont kif ikun rilevanti għall-privileġġi tal-liċenzja fil-pussess tagħhom;

(d)

ikollhom mill-inqas ċertifikat mediku tal-Klassi 2 maħruġ skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(e)

juru profiċjenza fil-lingwa skont il-Punt FCL.055 tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(f)

ikollhom esperjenza ta’ mill-inqas 100 siegħa bħala bdoti fil-kategorija rilevanti ta’ inġenji tal-ajru.

Artikolu 8

Validazzjoni ta’ liċenzji ta’ bdoti għal kompiti speċifiċi ta’ tul limitat

1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli ta’ hawn fuq, fil-każ ta’ titjiriet tal-manifatturi, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ taċċetta liċenzja maħruġa skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago minn pajjiż terz għal mhux aktar minn 12-il xahar għal kompiti speċifiċi ta’ tul limitat, bħal titjiriet ta’ tagħlim għall-ewwel dħul fis-servizz, dimostrazzjonijiet, titjiriet ta’ ġarr ta’ nies jew ta’ prova, dment li l-applikant ikun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollu liċenzja u ċertifikat mediku xierqa u klassifikazzjonijiet jew kwalifiki assoċjati maħruġin skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(b)

ikun impjegat, direttament jew indirettament, ta’ manifattur ta’ ajruplani jew ta’ awtorità tal-avjazzjoni.

F’dan il-każ, il-privileġġi tad-detentur għandhom ikunu limitati mill-awtorità kompetenti għall-provvista ta’ tagħlim u ttestjar fit-titjir għall-ħruġ inizjali ta’ klassifikazzjonijiet tat-tip, għas-superviżjoni ta’ titjir inizjali tal-linja tal-ajru mill-bdoti tal-operaturi, titjiriet ta’ kunsinna jew ta’ ġarr ta’ nies, titjir inizjali tal-linja tal-ajru, dimostrazzjonijiet ta’ titjir jew titjiriet ta’ prova, kif xieraq għall-kompiti previsti skont dan il-paragrafu.

2.   B’deroga mill-Artikoli 4 sa 7, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’, għal titjiriet ta’ kompetizzjoni jew titjiriet ta’ dimostrazzjoni ta’ tul limitat, tivvalida liċenzja maħruġa minn pajjiż terz li tippermetti lid-detentur jeżerċita l-privileġġi ta’ PPL kif speċifikat fl-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, ta’ Liċenzja ta’ Bdot ta’ Ballun tal-Arja (BPL) kif speċifikat fl-Anness III (Parti-BFCL) tar-Regolament (UE) 2018/395 jew ta’ Liċenzja ta’ Bdot ta’ Glider (SPL) kif speċifikat fl-Anness III (Parti-SFCL) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

qabel l-avveniment, l-organizzatur tat-titjiriet ta’ kompetizzjoni jew ta’ dimostrazzjoni jipprovdi lill-awtorità kompetenti b’evidenza adegwata dwar kif se jiżgura li l-bdot se jkun familjari mal-informazzjoni rilevanti għas-sikurezza u se jimmaniġġja kwalunkwe riskju assoċjat ma’ dawn it-titjiriet;

(b)

l-applikant ikollu liċenzja xierqa u ċertifikat mediku u klassifikazzjonijiet jew kwalifiki assoċjati maħruġin skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

3.   B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 7, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tivvalida liċenzja li tkun ekwivalenti għal waħda minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 u maħruġa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago minn pajjiż terz għal massimu ta’ 28 jum kull sena kalendarja għal kompiti mhux kummerċjali speċifiċi, dment li l-applikant ikun konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

ikollu liċenzja u ċertifikat mediku xierqa u klassifikazzjonijiet jew kwalifiki assoċjati maħruġin skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(b)

ikun għamel mill-inqas titjira waħda ta’ akklimatizzazzjoni ma’ struttur ikkwalifikat qabel it-twettiq tal-kompiti speċifiċi ta’ tul limitat.

TAQSIMA 3

KONVERŻJONI TA’ LIĊENZJI

Artikolu 9

Kundizzjonijiet għall-konverżjoni ta’ liċenzji

1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tikkonverti liċenzja għall-kategorija rilevanti ta’ inġenji tal-ajru f’PPL skont l-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 ma’ klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip bi bdot wieħed, BPL skont l-Anness III (Parti-BFCL) tar-Regolament (UE) 2018/395 jew SPL skont l-Anness III (Parti-SFCL) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976, fejn il-liċenzja oriġinali tinħareġ f’konformità mar-rekwiżiti tal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago minn pajjiż terz u l-liċenzja tkun:

(a)

liċenzja ekwivalenti għal-liċenzji msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

CPL jew ATPL.

2.   Id-detentur tal-liċenzja li trid tiġi konvertita għandu jkun konformi mar-rekwiżiti minimi li ġejjin għall-kategorija rilevanti ta’ inġenji tal-ajru:

(a)

jgħaddi minn eżami bil-miktub fil-Liġi tal-Ajru u l-Prestazzjoni Umana;

(b)

jgħaddi mit-test tal-aptitudni għal PPL, BPL jew SPL, kif rilevanti, skont l-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, l-Anness III (Parti-BFCL) tar-Regolament (UE) 2018/395 jew l-Anness III (Parti-SFCL) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976;

(c)

jissodisfa r-rekwiżiti għall-ħruġ tal-klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip rilevanti, skont is-Subparti H;

(d)

ikollu ċertifikat mediku, kif meħtieġ u maħruġ skont l-Anness IV (Parti-MED) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(e)

juri profiċjenza fil-lingwa skont il-Punt FCL.055 tal-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(f)

juri li jkun għamel mill-inqas 100 siegħa ħin ta’ titjir bħala bdot.

TAQSIMA 4

AĊĊETTAZZJONI TA’ KLASSIFIKAZZJONIJIET TAL-KLASSI U TAT-TIP

Artikolu 10

Kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ klassifikazzjonijiet tal-klassi u tat-tip

Klassifikazzjoni valida tal-klassi jew tat-tip li tkun f’liċenzja maħruġa minn pajjiż terz tista’ tiddaħħal f’liċenzja maħruġa skont l-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, dment li l-applikant:

(a)

ikun konformi mar-rekwiżiti u mal-prerekwiżiti tal-esperjenza għall-ħruġ tal-klassifikazzjoni applikabbli tat-tip jew tal-klassi skont il-Parti FCL;

(b)

jgħaddi mit-test rilevanti tal-aptitudni għall-ħruġ tal-klassifikazzjoni applikabbli tat-tip jew tal-klassi skont il-Parti FCL;

(c)

ikun attwalment jipprattika t-titjir;

(d)

ikollu mhux inqas minn:

(i)

għal klassifikazzjonijiet tal-klassi ta’ ajruplan, esperjenza ta’ 100 siegħa fit-titjir bħala bdot f’dik il-klassi;

(ii)

għal klassifikazzjonijiet tat-tip ta’ ajruplan, esperjenza ta’ 500 siegħa fit-titjir bħala bdot f’dak it-tip;

(iii)

għal ħelikopters b’magna waħda b’massa tal-qtugħ mill-art massima ċċertifikata ta’ mhux aktar minn 3 175 kg, esperjenza ta’ 100 siegħa fit-titjir bħala bdot f’dak it-tip;

(iv)

għall-ħelikopters l-oħrajn kollha, esperjenza ta’ 350 siegħa fit-titjir bħala bdot f’dak it-tip.

Artikolu 11

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 hu emendat kif ġej:

(a)

l-Artikolu 8 jitħassar;

(b)

l-Anness III jitħassar.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tal-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1119 tal-31 ta’ Lulju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ iddikjarati (ĠU L 204, 13.8.2018, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 71, 14.3.2018, p. 10).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 tal-14 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-gliders skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 326, 20.12.2018, p. 64).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).


ANNESS

Kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji maħruġin minn pajjiżi terzi jew f’isimhom

Tabella 1

Rekwiżiti tal-esperjenza għall-ajruplani

Liċenzja fil-pussess tad-detentur

Esperjenza f’sigħat totali ta’ titjir

Privileġġi

 

(1)

(2)

(3)

 

ATPL(A)

> 1 500 siegħa bħala PIC (bdot fil-kmand) fuq ajruplani b’aktar minn bdot wieħed

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ajruplani b’aktar minn bdot wieħed bħala PIC

(a)

ATPL(A) jew CPL(A)/IR (*1)

> 1 500 siegħa bħala PIC jew bħala kopilota fuq ajruplani b’aktar minn bdot wieħed skont ir-rekwiżiti operattivi

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ajruplani b’aktar minn bdot wieħed bħala kopilota

(b)

MPL

> 1 500 siegħa bħala kopilota fuq ajruplani b’aktar minn bdot wieħed skont ir-rekwiżiti operattivi

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ajruplani b’aktar minn bdot wieħed bħala kopilota

(ba)

CPL(A)/IR

> 1 000 siegħa bħala PIC fit-trasport kummerċjali bl-ajru minn meta jkun kiseb IR

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ajruplani bi bdot wieħed bħala PIC

(c)

CPL(A)/IR

> 1 000 siegħa bħala PIC jew bħala kopilota f’ajruplani bi bdot wieħed skont ir-rekwiżiti operattivi

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ajruplani bi bdot wieħed bħala kopilota skont ir-rekwiżiti operattivi

(d)

ATPL(A), CPL(A)/IR, CPL(A)

> 700 siegħa f’ajruplani, inklużi 200 siegħa fl-irwol ta’ attività li għaliha tkun intalbet l-aċċettazzjoni, u 50 siegħa f’dak l-irwol fl-aħħar 12-il xahar

Eżerċizzju ta’ privileġġi f’ajruplani f’operazzjonijiet minbarra t-trasport kummerċjali bl-ajru

(e)

CPL(A)

> 1 500 siegħa bħala PIC fit-trasport kummerċjali bl-ajru, inklużi 500 siegħa f’operazzjonijiet ta’ idroplani

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ajruplani bi bdot wieħed bħala PIC

(f)


Tabella 2

Rekwiżiti tal-esperjenza għall-ħelikopters

Liċenzja fil-pussess tad-detentur

Esperjenza f’sigħat totali ta’ titjir

Privileġġi

 

(1)

(2)

(3)

 

IR valida ta’ ATPL(H)

> 1 000 siegħa bħala PIC fuq ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed bħala PIC f’operazzjonijiet VFR u IFR

(a)

ATPL(H) mingħajr privileġġi IR

> 1 000 siegħa bħala PIC fuq ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed bħala PIC f’operazzjonijiet VFR

(b)

IR valida ta’ ATPL(H)

> 1 000 siegħa bħala bdot fuq ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed bħala kopilota f’operazzjonijiet VFR u IFR

(c)

ATPL(H) mingħajr privileġġi IR

> 1 000 siegħa bħala bdot fuq ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed bħala kopilota f’operazzjonijiet VFR

(d)

CPL(H)/IR (*2)

> 1 000 siegħa bħala bdot fuq ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed bħala kopilota

(e)

CPL(H)/IR

> 1 000 siegħa bħala PIC fi trasport kummerċjali bl-ajru minn meta jkun kiseb IR

Trasport kummerċjali bl-ajru f’ħelikopters bi bdot wieħed bħala PIC

(f)

ATPL(H) bi privileġġi IR jew mingħajrhom, CPL(H)/IR, CPL(H)

> 700 siegħa f’ħelikopters minbarra dawk iċċertifikati skont CS-27/29 jew ekwivalenti, inklużi 200 siegħa fl-irwol ta’ attività li għaliha tkun intalbet l-aċċettazzjoni, u 50 siegħa f’dak l-irwol fl-aħħar 12-il xahar

Eżerċizzju ta’ privileġġi f’ħelikopters f’operazzjonijiet minbarra t-trasport kummerċjali bl-ajru

(g)


(*1)  Id-detenturi ta’ CPL(A)/IR fuq ajruplani b’aktar minn bdot wieħed għandhom ikunu wrew livell ta’ għarfien ATPL(A) tal-ICAO qabel l-aċċettazzjoni.

(*2)  Id-detenturi ta’ CPL(H)/IR fuq ħelikopters b’aktar minn bdot wieħed għandhom ikunu wrew għarfien ta’ livell ATPL(H) tal-ICAO qabel l-aċċettazzjoni.


Top