EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0699

Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/699 tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar miżuri temporanji li jikkonċernaw il-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji Ewropej (SEs) u tas-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs)

ST/7648/2020/INIT

ĠU L 165, 27.5.2020, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/699/oj

27.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/25


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/699

tal-25 ta’ Mejju 2020

dwar miżuri temporanji li jikkonċernaw il-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji Ewropej (SEs) u tas-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Sabiex jitrażżan it-tifqigħa ta’ COVID-19, li ġie ddikjarat bħala pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Istati Membri implimentaw serje ta’ miżuri bla preċedent, b’mod partikolari miżuri li jikkonċernaw il-konfinament u t-tbegħid soċjali ta’ persuni.

(2)

Tali miżuri jistgħu jipprevjenu lill-kumpaniji u lis-soċjetajiet kooperattivi milli jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi tal-kumpaniji nazzjonali u tal-Unjoni, b’mod partikolari, billi jagħmluha diffiċli ħafna għalihom li jorganizzaw laqgħat ġenerali.

(3)

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri implimentaw miżuri ta’ emerġenza li jappoġġaw lill-kumpaniji u lis-soċjetajiet kooperattivi u li jipprovdulhom l-għodod u l-flessibbiltà meħtieġa fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali kkawżati mill-pandemija ta’ COVID-19. B’mod partikolari, ħafna Stati Membri ppermettew l-użu ta’ għodod u ta’ proċessi diġitali biex isejħu laqgħat ġenerali u estendew il-limiti ta’ żmien għas-sejħa ta’ laqgħat ġenerali fl-2020.

(4)

Fil-livell tal-Unjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 (1) jirregola l-kumpaniji Ewropej (‘SEs’) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 (2) jirregola s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (‘SCEs’). Iż-żewġ Regolamenti jirrikjedu li ssir laqgħa ġenerali fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali kkawżati mill-pandemija ta’ COVID-19 jenħtieġ li tingħata deroga temporanja minn dak ir-rekwiżit. Peress li huwa essenzjali li jsiru laqgħat ġenerali biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet legalment jew ekonomikament meħtieġa jittieħdu fi żmien debitu, jenħtieġ li l-SEs u l-SCEs ikunu jistgħu jsejħu l-laqgħat ġenerali tagħhom fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena finanzjarja sakemm dawn ma jsirux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020. Peress li din hija miżura temporanja minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkważati mill-pandemija ta’ Covid-19, jenħtieġ li dik id-deroga tapplika biss għal-laqgħat ġenerali li huma meħtieġa fl-2020.

(5)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ma jikkonferixxi ebda setgħat għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament għajr għal dawk skont l-Artikolu 352.

(6)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jipprovdi soluzzjoni ta’ emerġenza temporanja għal SEs u SCEs li jippermettilhom li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u r-Regolament (KE) Nru 1435/2003 fir-rigward taż-żmien meta jissejħu l-laqgħat ġenerali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(7)

Fid-dawl tal-fatt li l-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fir-Regolamenti (KE) Nru 2157/2001 u (KE) Nru 1435/2003 jiskadi f’Mejju jew Ġunju 2020 u minħabba li ser ikollhom jiġu kkunsidrati l-perjodi ta’ organizzazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(8)

Fid-dawl ta’ dik l-urġenza, kien ikkunsidrat xieraq li tiġi pprovduta eċċezzjoni mill-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżura temporanja rigward il-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji Ewropej (SEs)

Meta, f’konformità mal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001, trid issir laqgħa ġenerali ta’ SE fl-2020, l-SE tista’, b’deroga minn dik id-dispożizzjoni, issejjaħ il-laqgħa fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena finanzjarja, sakemm il-laqgħa ssir -sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Miżura temporanja rigward il-laqgħat ġenerali tas-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs)

Meta, f’konformità mal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (KE) Nru 1435/2003, trid issir laqgħa ġenerali ta’ SCE fl-2020, l-SCE tista’, b’deroga minn dik id-dispożizzjoni, issejjaħ il-laqgħa fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena finanzjarja, sakemm il-laqgħa ssir -sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea (SE) (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).


Top