EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0459

Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/4/2020/REV/1

ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/459/oj

31.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/1


REGOLAMENT (UE) 2020/459 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

It-tifqigħa ta’ COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda u miżuri diretti meħuda mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw it-tifqigħa. L-impatt serju konsegwenti fuq it-trasportaturi tal-ajru beda jidher kmieni sa minn Jannar 2020, fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ilu jinxtered mill-1 ta’ Marzu 2020, u x’aktarx ser jaffettwa mill-inqas żewġ perijodi ta’ skedar, dawk tax-xitwa 2019/2020 u tas-sajf 2020.

(2)

Dawk iċ-ċirkostanzi huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjoni konsegwenti volontarja jew obbligatorja tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru hija reazzjoni neċessarja jew leġittima għal dawk iċ-ċirkostanzi. B’mod partikolari, il-kanċellazzjonijiet volontarji jipproteġu s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u jevitaw l-impatt ambjentali negattiv ta’ titjiriet vojta jew fil-maġġoranza vojta operati biss biex jinżammu s-slots tal-ajruporti sottostanti.

(3)

Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-operatur tan-netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tat-traffiku tal-arju tal-Ajru Uniku Ewropew, jindikaw tnaqqis fuq bażi ta’ sena wara sena ta’ madwar 10 % fit-traffiku tal-ajru għar-reġjun Ewropew fl-ewwel nofs ta’ Marzu 2020. It-trasportaturi tal-ajru qegħdin jirrapportaw tnaqqis kbir fil-prenotazzjonijiet u qegħdin jimplimentaw kanċellazzjonijiet sinifikanti ta’ titjiriet fil-perijodi ta’ skedar tax-“xitwa 2019/2020” u tas-“sajf 2020” bħala riżultat tat-tifqigħa.

(4)

Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (2), moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tiegħu, in-nuqqas ta’ trasportatur tal-ajru li jopera mill-inqas 80 % ta’ serje ta’ slots li ġew allokati lilu f’ajruport ikkoordinat jhedded il-preċedenza storika għal dawn is-slots.

(5)

L-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 jippermetti lill-koordinaturi tas-slots biex, għall-fini tal-kalkolu tal-preċedenza storika, ma jqisux in-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tas-slots tal-ajruport għall-perijodi li matulhom it-trasportatur tal-ajru ma jkunx jista’ jopera s-servizzi tal-ajru ppjanati minħabba, pereżempju, l-għeluq tal-ajruporti. Madankollu, dak l-Artikolu ma jindirizzax is-sitwazzjonijiet bħat-tifqigħa ta’ COVID-19. Għalhekk huwa xieraq li r-Regolament (KEE) Nru 95/93 jiġi emendat skont dan.

(6)

Fid-dawl tal-prenotazzjonijiet magħrufa u tal-previżjonijiet epidemjoloġiċi, wieħed jista’ jistenna b’mod raġonevoli f’dan l-istadju li se jseħħ għadd sinifikanti ta’ kanċellazzjonijiet minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19 fil-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u mill-inqas l-24 ta' Ottubru 2020. Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tas-slots allokati għal dan il-perijodu ma jwassalx biex it-trasportaturi tal-ajru jitilfu l-preċedenza storika li altrimenti jkunu jgawdu. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu definiti l-kundizzjonijiet li skonthom jenħtieġ li s-slots mhux operati jitqiesu bħala li ġew operati għal dawk il-finijiet, fir-rigward tal-istaġun korrispondenti li jmiss.

(7)

Is-slots fl-ajruporti koordinati huma riżorsa ekonomika ta’ valur. Minkejja n-nuqqas ġenerali fit-traffiku tal-ajru, jenħtieġ li l-kanċellazzjoni tas-servizzi tal-ajru, madankollu, ma tipprevjenix l-użu tas-slots tal-ajruport minn trasportaturi tal-ajru oħrajn li jixtiequ jużawhom fuq bażi temporanja mingħajr ma jħallu t-tali slots jakkumulaw xi drittijiet ta’ anterjorità. Għalhekk, meta ma jintużawx mit-trasportatur tal-ajru li ġew allokati għalih, jenħtieġ li s-slots jiġu rritornati lill-koordinatur mingħajr dewmien.

(8)

Huwa diffiċli li wieħed jipprevedi l-evoluzzjoni ulterjuri ta’ COVID-19 u l-impatt ulterjuri tiegħu fuq it-trasportaturi tal-ajru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt ta’ COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru u jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perijodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament jekk jippersistu l-kundizzjonijiet negattivi.

(9)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li s-slots mhux użati minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19 jitqiesu bħala li ġew operati, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(10)

Sabiex jiġu estiżi l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, jekk dan ikun neċessarju u ġustifikat, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(11)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa ta’ COVID-19, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 10a

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-24 ta’ Ottubru 2020 bħallikieku ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment.

2.   Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perijodu mit-23 ta’ Jannar 2020 sad-29 ta’ Frar 2020 bħala li jkunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment, fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru bejn l-ajruporti fl-Unjoni u l-ajruporti fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

3.   Fir-rigward tas-slots b’data aktar tard mit-8 ta’ April 2020, il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta s-slots mhux użati rilevanti jkunu saru disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni lil trasportaturi tal-ajru oħrajn.

4.   Meta l-Kummissjoni ssib, abbażi taċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-operatur tan-netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tat-traffiku tal-arju tal-Ajru Uniku Ewropew, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fis-sena preċedenti qed jippersisti u x’aktarx se jkompli jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa ta’ COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-perijodu speċifikat fil-paragrafu 1 kif xieraq.

5.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni bl-użu tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lilha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Settembru 2020. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat previst fil-paragrafu 4 malajr kemm jista’ jkun.

6.   Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 12b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”

(2)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

Artikolu 12a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10a hija mogħtija lill-Kummissjoni sat-2 ta’ April 2021.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 12b

Proċedura ta’ urġenza

1.   L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).

(3)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


Top