Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0447

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/447 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti għat-tnaqqis b’mod adegwat tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti assoċjat mal-bonds koperti u mat-titolizzazzjonijiet, u li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205 u (UE) 2016/1178 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/8886

    ĠU L 94, 27.3.2020, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/447/oj

    27.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/5


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/447

    tas-16 ta’ Diċembru 2019

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti għat-tnaqqis b’mod adegwat tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti assoċjat mal-bonds koperti u mat-titolizzazzjonijiet, u li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205 u (UE) 2016/1178

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex idaħħal f’dak ir-Regolament ċerti kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet tal-bonds koperti b’rabta mal-bonds koperti, u kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjonijiet, jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar.

    (2)

    Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 (3) u 2016/1178 (4) diġà jinkludu għadd ta’ kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità tal-bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert jistgħu jiġu esklużi mill-obbligu tal-ikklerjar.

    (3)

    Hemm grad ta’ sostitwibbiltà bejn il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet tal-bonds koperti b’rabta mal-bonds koperti min-naħa, u kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjonijiet, min-naħa l-oħra. Sabiex jiġu evitati distorsjoni jew arbitraġġ potenzjali, it-trattament tagħhom vis-à-vis l-obbligu tal-ikklerjar jenħtieġ li jkun konsistenti.

    (4)

    Għaldaqstant huwa xieraq li, anki fid-dawl tal-emenda għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mir-Regolament (UE) 2017/2402, jitneħħew mir-Regolamenti Delegati 2015/2205 u 2016/1178, il-kundizzjonijiet kollha li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità tal-bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert jistgħu jiġu esklużi mill-obbligu tal-ikklerjar, u dawk il-kundizzjonijiet jiddaħħlu f’Regolament Delegat ġdid li jkun fih ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni jistgħu jiġu esklużi minn dak l-obbligu tal-ikklerjar.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 jiġu emendati skont dan.

    (6)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni Ewropea.

    (7)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej talbu wkoll l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kriterji għall-iddeterminar ta’ liema arranġamenti fl-ambitu tal-bonds koperti jnaqqsu r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti

    L-arranġamenti fl-ambitu tal-bonds koperti għandhom jitqiesu li jnaqqsu b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, fil-każijiet li fihom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet tal-bonds koperti b’rabta mal-bonds koperti jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji kollha li ġejjin:

    (a)

    dawk il-kuntratti jkunu rreġistrati jew irrekordjati fl-aggregazzjoni ta’ kopertura tal-bond kopert skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-bonds koperti;

    (b)

    dawk il-kuntratti ma jkunux itterminati fil-każ ta’ riżoluzzjoni jew insolvenza tal-emittent tal-bonds koperti jew tal-“cover pool”;

    (c)

    Il-kontroparti għall-kuntratt tad-derivattivi OTC konkluż mal-emittent tal-bonds koperti jew ma’ “cover pools” għall-bonds koperti, tkun ikklassifikata tal-inqas pari passu mad-detenturi ta’ bonds koperti, għajr meta l-kontroparti tal-kuntratt tad-derivattivi OTC konkluż mal-emittenti tal-bonds koperti jew ma’ “cover pools” għall-bonds koperti tkun il-parti f’inadempjenza jew il-parti affettwata, jew iċċedi l-klassifikazzjoni ta’ pari passu;

    (d)

    il-bond kopert ikun soġġett għal rekwiżit regolamentari ta’ kollateralizzazzjoni ta’ minn tal-anqas 102 %.

    Artikolu 2

    Kriterji għall-iddeterminar ta’ liema arranġamenti fl-ambitu tat-titolizzazzjonijiet inaqqsu r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti

    L-arranġamenti fl-ambitu tat-titolizzazzjonijiet għandhom jitqiesu li jnaqqsu b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, fil-każijiet li fihom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjonijiet jissodisfaw dawn il-kriterji kollha li ġejjin:

    (a)

    il-kontroparti għad-derivattiva OTC konkluża minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni tkun ikklassifikata tal-inqas pari passu mad-detenturi tal-aktar segment ta’ titolizzazzjoni superjuri, għajr meta l-kontroparti tad-derivattiva OTC konkluża mal-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjoni tkun il-parti f’inadempjenza jew il-parti affettwata;

    (b)

    l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjoni li l-kuntratt tad-derivattivi tal-OTC ikun assoċjat magħha, tkun soġġetta, fuq bażi kontinwa, għal livell ta’ titjib tal-kreditu tal-aktar nota ta’ titolizzazzjoni superjuri ta’ minn tal-anqas 2 % tan-noti pendenti.

    Artikolu 3

    Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 jitħassar.

    Artikolu 4

    Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1178

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 jitħassar.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha;

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13.).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta’ Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3.)

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top