This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0423
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/423 of 19 March 2020 amending Regulation (EC) No 1010/2009 as regards administrative arrangements with third countries on catch certificates for marine fisheries products
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/423 tad-19 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1010/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikati tal-qbid għall-prodotti tas-sajd tal-baħar
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/423 tad-19 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1010/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikati tal-qbid għall-prodotti tas-sajd tal-baħar
C/2020/1658
ĠU L 84, 20.3.2020, p. 15–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 84/15 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/423
tad-19 ta’ Marzu 2020
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1010/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikati tal-qbid għall-prodotti tas-sajd tal-baħar
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikati tal-qbid għall-prodotti tas-sajd huma mniżżlin fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 (2). Dawn l-arranġamenti jinkludu mudelli taċ-ċertifikati tal-qbid ivvalidati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati. |
(2) |
L-Istati Uniti rrevedew il-mudell taċ-ċertifikat tal-qbid tagħhom b’mod partikolari minħabba l-għodda l-ġdida tat-teknoloġija tal-informazzjoni msejħa “CATCH” li l-Kummissjoni żviluppat għall-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid tal-Unjoni. |
(3) |
Jenħtieġ li l-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 1010/2009 jiġi emendat skont dan. |
(4) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 1010/2009 huwa emendat hekk kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 tat-22 ta’ Ottubru 2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 280, 27.10.2009, p. 5).
ANNESS
Fl-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 1010/2009, it-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:
“ Taqsima 2
L-ISTATI UNITI
SKEMA TA’ ĊERTIFIKAZZJONI TAL-QBID
F’konformità mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, iċ-ċertifikat tal-qbid previst fl-Artikolu 12 u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 għandu jiġi sostitwit – għal prodotti tas-sajd miksuba minn qabdiet magħmula minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Istati Uniti – miċ-ċertifikat tal-qbid tal-Istati Uniti bbażat fuq is-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid tal-Istati Uniti (deskritta fl-Appendiċi 2), li hija sistema elettronika ta’ rappurtar u ta’ żamma tar-reġistri taħt il-kontroll tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti li tiżgura l-istess livell ta’ kontroll mill-awtoritajiet bħal dak meħtieġ mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid tal-Unjoni Ewropea.
L-Appendiċi 1 fih mudell taċ-ċertifikat tal-qbid tal-Istati Uniti, li għandu jissostitwixxi ċ-Ċertifikat tal-Qbid u ċ-Ċertifikat tar-Riesportazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Kif deskritt fl-Appendiċi 2, iċ-ċertifikat rivedut tal-qbid tal-Istati Uniti jista’ jkopri l-prodotti tas-sajd miksuba minn qabdiet magħmula minn bastimenti individwali jew minn gruppi ta’ bastimenti.
ASSISTENZA REĊIPROKA
Għandha tiġi żviluppata assistenza reċiproka skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, abbażi tar-regoli dettaljati dwar l-assistenza reċiproka stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1010/2009.
Appendiċi 1
Appendiċi 2
L-iskema tad-dokumentazzjoni tal-qbid tal-Istati Uniti, kif riveduta fl-2019, hija mfassla b’tali mod li jinħareġ tip ta’ ċertifikat tal-qbid wieħed għall-kunsinni tal-prodotti tas-sajd, ipproċessati u mhux, esportati mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni Ewropea.
Fuq iċ-ċertifikat tal-qbid tal-Istati Uniti, l-esportaturi mill-Istati Uniti se jkollhom (1) iniżżlu l-bastiment individwali li jkun responsabbli għall-qbid tal-ħut jew tal-prodotti tas-sajd li jkunu jiffurmaw il-konsenja rispettiva u l-informazzjoni kollha applikabbli meħtieġa għall-attestazzjoni tal-Istati Uniti tal-qbid legali; jew (2) jipprovdu l-isem tal-grupp ta’ bastimenti li jkun responsabbli għall-qbid tal-ħut jew tal-prodotti tas-sajd li jkunu jiffurmaw il-konsenja rispettiva u l-informazzjoni kollha applikabbli meħtieġa għall-attestazzjoni tal-Istati Uniti tal-qbid legali.
L-indikazzjoni ta’ grupp ta’ bastimenti se tintuża għas-sajd li jinvolvi ħafna taħlit tal-qabdiet fuq il-baħar jew fuq l-art (pereżempju għat-tip ta’ sajd li ġej, iżda mhux għal dan biss: is-sajd li fih il-qabdiet inizjali jingħażlu skont id-daqs tal-ħut qabel il-konsenja, bħal fil-każ tal-awwista; jew dak li fih diversi bastimenti tal-qbid jittrażbordaw il-ħut għal fuq bastimenti tal-ġarr fuq il-baħar).
Il-gruppi se jiġu ġestiti mill-produttur jew mill-proċessur mill-Istati Uniti li jkun qed jitlob iċ-ċertifikat u se jiġu awditjati. F’konformità mal-prattiki attwali fl-Istati Uniti, il-produttur jew il-proċessur mill-Istati Uniti se jkollu r-responsabbiltà jżomm l-informazzjoni kollha li tkun tikkorrispondi mal-bastimenti jew mal-lista ta’ bastimenti li jkunu kkontribwew għall-konsenja u jipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-gvern tal-Istati Uniti jekk jintalab jagħmel dan.
L-indikazzjoni ta’ bastiment individwali jew ta’ grupp ta’ bastimenti se tippermetti lill-Istati Uniti joħorġu ċertifikat wieħed għal kull konsenja filwaqt li jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha dwar il-bastimenti involuti f’kull konsenja.
Din l-informazzjoni se titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-importazzjoni fuq talba magħmula lill-awtorità kompetenti tal-gvern tal-Istati Uniti.