Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Q0327(01)

    Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2020 dwar ir-regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 94, 27.3.2020, p. 46–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2020/327/oj

    27.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/46


    DEĊIŻJONI TAL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-UFFIĊĊJU TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI TAL-UNJONI EWROPEA

    tas-26 ta’ Marzu 2020

    dwar ir-regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    IL-BORD TAT-TMEXXIJA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 153 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord tat-Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħhom,

    Wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-18 ta’ Diċembru 2019,

    Billi:

    (1)

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (l-“Uffiċċju”) iwettaq l-attivitajiet tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2017/1001.

    (2)

    Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 ir-restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 għandhom ikunu bbażati fuq regoli interni li għandhom jiġu adottati mill-Uffiċċju, fejn dawn mhumiex ibbażati fuq atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

    (3)

    Dawn ir-regoli interni, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, ma japplikawx fejn att legali adottat fuq il-bażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

    (4)

    Fejn l-Uffiċċju jwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, dan għandu jikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (5)

    Taħt il-funzjonament amministrattiv tiegħu, l-Uffiċċju jista’ jkollu l-obbligu jirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data b’segwitu tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (6)

    L-Uffiċċju, irrappreżentat mid-Direttur Eżekuttiv tiegħu, jaġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegazzjonijiet tar-rwol tal-kontrollur fl-Uffiċċju biex jirrifletti r-responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar ta’ data personali.

    (7)

    Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew fuq il-karta b’mod li jipprevjeni l-aċċess jew it-trasferiment illegali ta’ data lil persuni li m’għandhomx il-ħtieġa li jkunu jafu. Id-data personali pproċessata tinżamm kif speċifikat fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew ir-rekords tal-Uffiċċju.

    (8)

    Dawn ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar imwettqa mill-Uffiċċju fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) biex jiġu indirizzati każijiet ta’ fastidju, ipproċessar ta’ lmenti u data medika, twettiq ta’ awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet dwar is-sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    (9)

    Fil-każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni, l-Uffiċċju jrid jispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament meħtieġa u proporzjonati f’soċjetà demokratika u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    (10)

    F’dan il-qafas l-Uffiċċju huwa marbut li jirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibbli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari, dawk dwar id-dritt għal informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt għal tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

    (11)

    L-Uffiċċju għandu jimmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għandhom japplikaw u jneħħi r-restrizzjoni jekk ma jibqgħux japplikaw.

    (12)

    Il-Kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data b’kull restrizzjoni applikata fuq id-drittijiet tas-suġġett tad-data, meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni jew meta tkun riveduta r-restrizzjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-Uffiċċju fil-qafas tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tiegħu stabbiliti fil-paragrafu 2 jista’ jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 14 sa 21, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’segwitu tal-Artikolu 25 tiegħu.

    2.   Taħt il-funzjonament amministrattiv tal-Uffiċċju, din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Uffiċċju għall-finijiet ta’: investigazzjonijiet amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) biex jiġu indirizzati każijiet ta’ fastidju, ipproċessar ta’ lmenti, ipproċessar ta’ data u/jew fajls mediċi, twettiq ta’ awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet ta’ sigurtà tal-IT ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    Din id-Deċiżjoni tapplika għal operazzjonijiet tal-ipproċessar mibdija u mwettqa mill-Uffiċċju, inkluż qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Din tapplika wkoll għall-assistenza u l-kooperazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju, barra mill-proċeduri amministrattivi tiegħu, lill-OLAF, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u/jew lil awtoritajiet kompetenti oħra.

    3.   Il-kategoriji ta’ data kkonċernati huma data fattwali (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

    4.   Fejn l-Uffiċċju jwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, huwa għandu jikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    5.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: il-forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data, jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    Artikolu 2

    Speċifikazzjoni tal-kontrollur u s-salvagwardji

    1.   L-Uffiċċju għandu jdaħħal fis-seħħ is-salvagwardji li ġejjin biex jevita abbuż jew aċċess jew trasferiment illegali:

    a)

    Id-dokumenti stampati għandhom jinżammu f’armarji siguri u jkunu aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat;

    b)

    Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni sigura tal-IT skont l-istandards tas-sigurtà tal-Uffiċċju, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat. Livelli xierqa ta’ aċċess għandhom jingħataw b’mod individwali;

    c)

    Is-sistemi tal-IT u l-bażijiet tad-data tagħhom irid ikollhom mekkaniżmi għall-verifika tal-identità tal-utent taħt sistema ta’ reġistrazzjoni unika u konnessi b’mod awtomatiku mal-ID u l-password tal-utent. Il-kontijiet tal-utenti aħħarin iridu jkunu uniċi, personali u mhux trasferibbli, il-kondiviżjoni ta’ kontijiet tal-utent hija strettament projbita. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinħażnu b’mod sigur biex jiġu ssalvagwardjati l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data fihom;

    d)

    Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

    2.   Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar huwa l-Uffiċċju, irrappreżentat mid-Direttur Eżekuttiv tiegħu, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur iddelegat permezz tal-avviżi tal-protezzjoni tad-data jew ta’ rekords ippubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tal-Uffiċċju.

    3.   Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) m’għandux ikun itwal minn kif speċifikat fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 3(1). Fit-tmiem tal-perjodu ta’ żamma, l-informazzjoni relatata mal-każ, inkluża d-data personali, titħassar, tiġi anonimizzata jew tiġi trasferita fl-arkivji storiċi.

    4.   Fejn l-Uffiċċju jikkunsidra li japplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b’mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data u r-riskju li jiġi mxekkel l-iskop tal-operazzjoni tal-ipproċessar. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta’ reputazzjoni u riskji għad-dritt ta’ difiża u d-dritt li jinstema’.

    Artikolu 3

    Restrizzjonijiet

    1.   L-Uffiċċju għandu jippubblika fuq is-sit web u/jew fuq l-intranet tiegħu, l-avviżi tal-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza u/jew ir-rekords fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, fejn jinforma lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tiegħu li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u tad-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, inkluża l-informazzjoni dwar restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u t-tul ta’ żmien potenzjali.

    2.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, fejn rilevanti, l-Uffiċċju għandu jiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati b’mod individwali f’format xieraq. L-Uffiċċju jista’ wkoll jinformahom b’mod individwali dwar id-drittijiet tagħhom li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet preżenti jew futuri.

    3.   Kwalunkwe restrizzjoni mibdija mill-Uffiċċju għandha tkun applikata biss biex tissalvagwardja l-iskopijiet elenkati taħt l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725:

    (a)

    is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri;

    (b)

    il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

    (c)

    objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, jew interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u is-sigurtà soċjali;

    (d)

    is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, inklużi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom;

    (e)

    il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

    (f)

    il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati;

    (g)

    funzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ spezzjoni jew regolatorja marbuta, anke jekk okkażjonalment, mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa c);

    (h)

    il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

    (i)

    l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.

    4.   B’mod partikolari, meta l-Uffiċċju jirrestrinġi fil-kuntest ta’:

    (a)

    inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (e), (g), (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (b)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (c)

    proċeduri (formali u informali) biex jiġu indirizzati każijiet ta’ fastidju, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (d)

    l-ipproċessar ta’ lmenti, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (e), (g), (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ data medika, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (f)

    awditi interni, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (g), (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (g), (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà tal-IT ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE), ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g), (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    5.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun neċessarja u proporzjonata filwaqt li tqis b’mod partikolari r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

    Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. Għandha tkun iddokumentata permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għal skopijiet ta’ responsabbiltà abbażi ta’ każ b’każ. It-test għandu jitwettaq ukoll fil-kuntest tar-rieżami tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni.

    Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jibqgħux japplikaw. B’mod partikolari, fejn jitqies li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax iħassar l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

    6.   Barra minn hekk, l-Uffiċċju jista’ jkun mitlub jagħmel skambju ta’ data personali tas-suġġetti tad-data ma’ servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-UE, ma’ awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ma’ awtoritajiet kompetenti oħra minn pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż:

    (a)

    fejn is-servizzi tal-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-UE jirrestrinġu l-obbligi tagħhom u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dawn is-suġġetti tad-data abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew f’konformità mal-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament jew skont l-atti fundaturi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-UE;

    (b)

    fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirrestrinġu l-obbligi tagħhom u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dawn is-suġġetti tad-data abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    Kull meta l-iskambju ta’ data personali jinbeda minn awtorità oħra, ma tiġi applikata l-ebda restrizzjoni mill-Uffiċċju u l-informazzjoni relatata mal-każ, inkluża d-data personali, għandha titħassar jew tiġi anonimizzata mill-Uffiċċju mat-trażmissjoni tad-data mitluba lil dik l-awtorità.

    7.   Ir-rekords dwar ir-restrizzjonijiet u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jkun fihom aspetti fattwali u legali sottostanti għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

    Artikolu 4

    Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

    1.   L-Uffiċċju għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Uffiċċju (“l-UPD”) kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, ineħħi r-restrizzjoni jew jirrevedi l-perjodu tar-restrizzjoni, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-aċċess lill-UPD għar-rekord li jkun fih il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni u jiddokumenta d-data ta’ meta informa lill-UPD fir-rekord.

    2.   L-UPD jista’ jitlob lill-kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

    3.   L-involviment tal-UPD fil-proċedura tar-restrizzjonijiet, inklużi l-iskambji ta’ informazzjoni, għandu jkun dokumentat fil-forma xierqa.

    Artikolu 5

    L-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data

    1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, l-għoti ta’ informazzjoni jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur, fejn neċessarju u proporzjonat, fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, l-għoti ta’ informazzjoni jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud jekk dan jikkanċella l-effett tal-operazzjoni tal-ipproċessar.

    2.   Fejn l-Uffiċċju jirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-għoti ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, dan għandu jiddokumenta f’nota ta’ valutazzjoni interna, ir-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluż il-valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni u t-tul ta’ żmien tagħha.

    3.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibqa’ tapplika sakemm ir-raġunijiet li jiġġustifikawha jibqgħu applikabbli.

    Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Uffiċċju għandu jipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni. Fl-istess ħin, l-Uffiċċju għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    4.   L-Uffiċċju għandu jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-anqas darba fis-sena u fl-għeluq tal-proċedura rilevanti. Wara dan, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni fuq bażi annwali.

    Artikolu 6

    Id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar mis-suġġett tad-data

    1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur, fejn neċessarju u proporzjonat, fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni. Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan l-Artikolu 6 attwali ma japplikawx għad-dritt ta’ aċċess għal data u/jew fajls mediċi, li għalihom hemm espliċitament previst regoli speċifiċi taħt l-Artikolu 7 hawn taħt.

    2.   Meta s-suġġetti tad-data jagħmlu talba għall-eżerċitar tad-dritt tagħhom ta’ aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar fir-rigward tad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar jew fir-rigward ta’ operazzjoni tal-ipproċessar partikolari, l-Uffiċċju għandu jillimita l-valutazzjoni tiegħu tat-talba għal tali data personali biss.

    3.   Fejn l-Uffiċċju jirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar, dan għandu jieħu l-passi li ġejjin:

    (a)

    għandu jinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tiegħu għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    għandu jiddokumenta f’nota ta’ valutazzjoni interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluż valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni u t-tul ta’ żmien tagħha.

    F’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-għoti ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (a) jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud jekk jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni.

    4.   L-Uffiċċju għandu jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data tal-anqas darba fis-sena u fl-għeluq tal-proċedura rilevanti. Wara dan, fuq talba tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur għandu jirrieżamina l-ħtieġa li tinżamm ir-restrizzjoni.

    Artikolu 7

    Id-dritt ta’ aċċess għal data u/jew fajls mediċi

    1.   Ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data għad-data u/jew fajls mediċi tagħhom teħtieġ dispożizzjonijiet speċifiċi li huma stipulati taħt dan l-Artikolu.

    2.   Soġġett għall-paragrafi ta’ hawn taħt ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju jista’ jirrestrinġi d-dritt għall-aċċess b’mod dirett tas-suġġett tad-data fir-rigward ta’ data u/jew fajls mediċi personali ta’ natura psikoloġika jew psikjatrika li jikkonċernawh li jkunu pproċessati mill-Uffiċċju, fejn l-aċċess għal tali data x’aktarx li jirrappreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data. Din ir-restrizzjoni għandha tkun proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju biex jiġi protett is-suġġett tad-data.

    3.   L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għandu jingħata lil tabib tal-għażla tas-suġġett tad-data.

    4.   F’dawn il-każijiet, is-suġġett tad-data għandu, fuq talba, jiġi rimborżat mis-Servizz Mediku tal-parti mill-ispiża tal-konsultazzjoni medika mat-tabib li rċieva aċċess għad-data u/jew il-fajls mediċi li ma tkunx ġiet rimborżata mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (RKAM). Ir-rimborż ma għandux jeċċedi d-differenza bejn il-limitu stabbilit fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni għar-rimborż tal-ispejjeż mediċi (5) u l-ammont rimborżat lis-suġġett tad-data mill-RKAM skont dawk ir-regoli.

    5.   Tali rimborż mis-Servizz Mediku għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-aċċess ma jkunx diġà ngħata għall-istess data u/jew fajls.

    6.   Soġġett għall-paragrafi ta’ hawn taħt ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju jista’ jirrestrinġi, abbażi ta’ każ b’każ, id-dritt għall-aċċess tas-suġġett tad-data għad-data u/jew fajls mediċi personali tiegħu fil-pussess tiegħu, b’mod partikolari meta l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew ta’ suġġetti tad-data oħra.

    7.   Fejn is-suġġetti tad-data jagħmlu talba biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess tad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar jew għal operazzjoni partikolari tal-ipproċessar, l-Uffiċċju għandu jillimita l-valutazzjoni tiegħu tat-talba għal tali data personali biss.

    8.   Fejn l-Uffiċċju jirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ aċċess għal data u/jew fajls mediċi personali mis-suġġetti tad-data, dan għandu jieħu l-passi li ġejjin:

    (a)

    għandu jinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tiegħu għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jista’ jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    għandu jiddokumenta f’nota ta’ valutazzjoni interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u t-tul ta’ żmien tagħha, l-aktar billi jiddikjara kif l-eżerċizzju tad-dritt jippreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data jew ta’ suġġetti tad-data oħra.

    F’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-għoti ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (a) jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud jekk jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni.

    9.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 6 hawn fuq għandhom ikomplu japplikaw dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom. Ladarba, ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, fuq talba tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur għandu jirrieżamina l-ħtieġa li tinżamm ir-restrizzjoni.

    Artikolu 8

    Il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data u l-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

    1.   F’każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur, fejn neċessarju u xieraq fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni. Dan id-dritt madankollu ma għandux ikun ristrett fil-kuntest tal-proċeduri biex jiġu indirizzati każijiet ta’ fastidju.

    2.   F’każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur, fejn neċessarju u xieraq fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.   L-Artikoli 5(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni attwali japplikaw meta l-Uffiċċju jirrestrinġi l-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul f’Alicante, is-26 ta’ Marzu 2020.

    Għall-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Jorma HANSKI

    President tal-Bord tat-Tmexxija


    (1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

    (2)  ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3195 tat-2 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi d-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni għar-rimborż tal-ispejjeż mediċi.


    Top