EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020L1756

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/1756 tal-20 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq

ĠU L 396, 25.11.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/1756/oj

25.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 396/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2020/1756

tal-20 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020 abbażi tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni li għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Sa dik id-data, għandhom ikunu applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit id-dipożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”). Wara dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dipożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-VAT ma għandhomx jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit jew fir-Renju Unit.

(2)

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”), li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dipożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-VAT kif elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll li jikkonċernaw il-merkanzija għandhom ikomplu japplikaw fl-Irlanda ta’ Fuq (3) wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni biex jiġi evitat li jkun hemm fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

(3)

Għalhekk, il-persuni taxxabli u ċerti persuni ġuridiċi mhux taxxabbli se jkunu soġġetti għal dipożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-VAT għal tranżazzjonijiet fuq merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq, filwaqt li se jkunu soġġetti għad-dipożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-VAT għat-tranżazzjonijiet kollha l-oħra fir-Renju Unit, anki fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(4)

Biex is-sistema tal-VAT tal-Unjoni taħdem tajjeb, huwa essenzjali li jingħata numru distint ta’ identifikazzjoni tal-VAT lil kull persuna taxxabbli li tforni merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq u lil kull persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija, kif elenkati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 214(1) tad-Direttiva tal- Kunsill 2006/112/KE (4), jew lil persuna taxxabbli fir-rigward tal-użu tal-iskemi speċjali fakultattivi għall-persuni taxxabbli li jbigħu l-merkanzija mill-bogħod.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li fl-Irlanda ta’ Fuq jiġu introdotti numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT distinti bi prefiss speċifiku, biex issir distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli u l-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli li t-tranżazzjonijiet tagħhom fuq merkanzija li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq huma soġġetti għal dipożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-VAT, minn naħa waħda, u l-persuni li jagħmlu tranżazzjonijiet oħrajn li għalihom huma jiġu identifikati għall-finijiet tal-VAT fir-Renju Unit.

(6)

Bħala regola, il-prefissi tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT fl-Unjoni huma bbażati fuq il-kodiċi ISO 3166 – alfa 2 – li minnu jkun jista’ jingħaraf l-Istat Membru tal-ħruġ. L-Irlanda ta’ Fuq ma għandhiex kodiċi speċifiku taħt dik is-sistema, iżda l-ISO tipprevedi l-possibbiltà li għat-territorji li ma għandhomx kodiċi speċifiku jintużaw il-kodiċijiet X. Għalhekk jixraq li jiġi propost il-kodiċi “XI” għall-Irlanda ta’ Fuq.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 215 tad-Direttiva 2006/112/KE, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-Irlanda ta’ Fuq għandu jintuża l-prefiss ‘XI’.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2020. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Novembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tad-29 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Dment li jingħata l-kunsens demokratiku fl-Irlanda ta’ Fuq għall-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 10 kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tal-Protokoll.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).


Top