EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2233

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2233 tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar l-impenn tal-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet taħt id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

ĠU L 437, 28.12.2020, p. 188–191 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2233/oj

28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/188


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2233

tat-23 ta' Diċembru 2020

dwar l-impenn tal-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet taħt id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-ftehim ta’ sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) ("il-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ"), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fondi ġejjin mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn operazzjonijiet taħt id-disa', l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew tal-Iżvilupp (FEŻ) ("fondi li jirriżultaw mir-rimborżi") ma jistgħux jiġu impenjati lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2020 sakemm il-Kunsill, li jkun qed jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, ma jiddeċidix mod ieħor.

(2)

Hemm evidenza b'saħħitha li, filwaqt li l-Faċilità ta' Investiment tal-AKP ikkontribwiet għall-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar, għall-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi AKP, kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (2), (il-“Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”), din ma mmassimizzatx il-kontribuzzjoni tagħha f'dan ir-rigward. L-użu kontinwu tar-rimborżi tal-Faċilità ta' Investiment tal-AKP f'qafas ġdid u taħt governanza ġdida jistgħu jwasslu għal riżultati aħjar fl-iżvilupp.

(3)

Fl-14 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali ("il-proposta NDICI"), li jipprevedi l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (“EFSD+”) u Garanzija għall-Azzjoni Esterna, li għalihom l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet li jkunu jistgħu jallokaw għat-tnedija ta' azzjonijiet f'reġjuni, pajjiżi, setturi jew fi twieqi ta' investiment eżistenti speċifiċi.

(4)

Fl-4 ta' Diċembru 2020 l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2020 (3) li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 (4) sabiex jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE biex tiġi estiża aktar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE sat-30 ta' Novembru 2021, jew sad-dħul fis-seħħ ta' Ftehim ġdid AKP-UE ("il-Ftehim il-ġdid"), jew l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni u l-Istati AKP tal-Ftehim il-ġdid, skont liema tiġi l-ewwel. Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ, li matulu l-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet taħt id-9, l-10 u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp jistgħu jiġu impenjati, jenħtieġ li jiġi estiż sat-30 ta' Ġunju 2021 sabiex jippermetti impenji ġodda tar-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP u l-appoġġ kontinwu lill-pajjiżi AKP sakemm strument għall-finanzjament tal-viċinat, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali jiġi adottat abbażi tal-proposta NDICI ("l-istrument ta' finanzjament estern") isir kompletament operattiv.

(5)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1601 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ("EFSD") jitqies li huwa rilevanti ħafna għall-ħtiġijiet tal-investiment tar-reġjuni koperti (l-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew), u għall-prijoritajiet u l-impenji tal-Unjoni.

(6)

Fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom tad-9 ta' Marzu 2020 imsemmija "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika"( il-"komunikazzjoni konġunta"), il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli") talbu lill-Unjoni biex tappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli fil-kontinent Afrikan. L-Unjoni tixtieq, fost oħrajn, tissieħeb mal-Afrika għall-promozzjoni tal-investiment billi jiżdied l-użu ta' mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi.

(7)

Fil-komunikazzjoni konġunta, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli issottolinjaw li l-istrumenti finanzjarji għandhom iħeġġu l-investiment b'impatt għoli fuq l-iżvilupp, fil-biċċa l-kbira f'appoġġ għas-settur privat, skont il-kriterji stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014 bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw", jiġifieri impatt fuq l-iżvilupp li jista' jitkejjel, l-addizzjonalità, in-newtralità, interess komuni u kofinanzjament, l-effett ta' dimostrazzjoni u l-aderenza ma' standards soċjali, ambjentali u fiskali.

(8)

Huwa meħtieġ li r-rimborżi msemmija f'din id-Deċiżjoni jkunu jistgħu jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet għall-istrument ta' finanzjament estern ("dħul assenjat estern assenjat" kif imsemmi fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)) sabiex jiġi ffinanzjat l-appoġġ lill-pajjiżi AKP taħt approċċ ta' pakkett uniku u skont l-objettivi, il-prinċipji u l-governanza tal-istrument ta' finanzjament estern permezz ta' strumenti finanzjarji, operazzjonijiet ta' taħlit, garanziji baġitarji jew kwalunkwe forma oħra ta' appoġġ mhux rimborżabbli, skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dan jippermetti tranżizzjoni mingħajr interruzzjonijiet mill-Faċilità ta' Investiment tal-AKP u kontinwità f'termini ta' firxa ta' prodotti.

(9)

Il-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi jenħtieġ li ma jiġux rċevuti bħala dħul assenjat estern mill-istrument ta' finanzjament estern lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2027. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-oqfsa finanzjarji pluriennali sussegwenti, wara dik id-data dawk il-fondi ser jiġu rċevuti minn mekkaniżmi ta' finanzjament sussegwenti sakemm jiġu eżawriti.

(10)

Jenħtieġ li r-rimborżi tal-Faċilità ta' Investiment tal-AKP, fid-dawl tal-ammont ġenerali stmat mistenni għall-perijodu 2021-2027, jiġu ttrasferiti annwalment bħala pagament supplimentari għal-linji baġitarji rilevanti tal-istrument ta' finanzjament estern, skont id-dokumenti tal-programmazzjoni.

(11)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħaddi l-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), inkluż permezz tal-EFSD+, bil-għan li timmassimizza l-impatt fuq l-iżvilupp u l-addizzjonalità tagħhom, filwaqt li tqis ukoll il-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn. L-operazzjonijiet kollha jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-governanza tal-EFSD+ u għall-prinċipju li l-'politiki jiġu l-ewwel'.

(12)

F'konformità mal-proposta tal-NDICI, il-fondi li ġejjin mir-rimborżi jenħtieġ li jkunu primarjament diretti lejn strumenti ta' żvilupp b'riskji finanzjarji għoljin, b'mod partikolari l-finanzjament tal-impatt, fondi tal-ekwità u attività fil-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs). Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ikollhom l-għan li jimmassimizzaw l-impatt fuq l-iżvilupp.

(13)

Skont l-Artikolu 152(4) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (7), is-sehem tar-Renju Unit mill-Faċilità ta' Investiment tal-AKP mill-FEŻ, akkumulat permezz ta' perijodi suċċessivi tal-FEŻ, għandu jiġi rimborżat lir-Renju Unit meta l-investiment jimmatura. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, is-sehem tar-Renju Unit fil-kapital ma għandux jiġi impenjat mill-ġdid lil hinn minn tmiem il-perijodu ta' impenn tal-ħdax-il FEŻ jew jiġi riportat f'perijodi sussegwenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għal operazzjonijiet taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP, il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ, li matulu l-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet taħt id-9, l-10 u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp jistgħu jiġu impenjati, qed jiġi estiż sat-30 ta' Ġunju 2021, jew sad-dħul fis-seħħ ta' regolament li jistabbilixxi l-istrument ta' finanzjament estern , skont liema jkun tal-aħħar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2021, biex ikunu jistgħu jsiru impenji ġodda tar-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP.

Artikolu 2

1.   Il-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet taħt id-9, l-10 u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp wara t-30 ta' Ġunju 2021 għandhom jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet għall-istrument ta' finanzjament estern, fil-forma ta' dħul assenjat estern għall-fini tal-għoti ta' finanzjament permezz tal-BEI b'garanziji baġitarji u operazzjonijiet ta' taħlit taħt il-Fond EFSD+, Garanzija għall-Azzjoni Esterna u strumenti finanzjarji jew kwalunkwe forma oħra ta' appoġġ mhux rimborżabbli skont il-prinċipji, l-objettivi u l-governanza tal-EFSD+.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-oqfsa finanzjarji pluriennali sussegwenti, wara l-31 ta' Diċembru 2027, u sal-eżawriment tar-rimborżi, il-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi għandhom jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet għal strumenti ta' finanzjament estern sussegwenti tal-Unjoni li jissostitwixxu l-istrument ta' finanzjament estern .

3.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, "rimborżi" tfisser kwalunkwe dħul, inklużi dividendi, qligħ kapitali, tariffi ta' garanzija u imgħax fuq self, fuq ammonti fi kwalunkwe kont miftuħ għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-flus miżmuma għall-kont tal-Faċilità ta' Investiment tal-AKP. Tfisser ukoll remunerazzjoni minn investimenti tat-teżor, u ħlasijiet lura, inkluż ħlasijiet lura kapitali, garanziji rilaxxati u ħlas lura tal-kapital ta' self li jirriżulta minn operazzjonijiet taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP. Il-fondi li jirriżultaw mid-diżimpenn ta' rimborżi għandhom ukoll jitqiesu bħala rimborżi.

4.   Ir-rimborżi għandhom ikunu soġġetti għar-regoli u l-proċeduri applikabbli tal-istrument ta' finanzjament estern .

Artikolu 3

Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu allokati għall-pajjiżi tal-AKP.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2021, minbarra l-Artikolu 2 li għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2021 jew mid-dħul fis-seħħ ta' regolament li jistabbilixxi l-istrument ta' finanzjament estern, skont liema jseħħ l-aħħar.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  ĠU L317, 15.12.2000, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tal-4 ta' Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (ĠU L 420, 14.12.2020, p. 32).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta' Diċembru 2019 li tadotta miżuri transizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (ĠU L 1, 3.1. 2020, p. 3).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta' Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(7)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


Top