EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2189

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2189 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 434, 23.12.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/2189/oj

23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 434/1


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2189

tat-18 ta’ Diċembru 2020

li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (‘VAT’) imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi użati għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom.

(2)

Permezz ta’ ittra reġistrata mal-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2020, in-Netherlands talab l-awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”), sabiex teskludi il-VAT dovuta fuq merkanzija u servizzi mid-dritt ta’ tnaqqis ta’ VAT fejn il-merkanzija jew is-servizzi inkwistjoni jintużaw għal iktar minn 90 % għall-finijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati ta’ dik il-persuna, jew b’mod ġenerali, għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

(3)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula min-Netherlands lill-Istati Membri l-oħra, b’ittra datata l-10 ta’ Settembru 2020. B’ittra datata l-11 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lin-Netherlands li kellha l-informazzjoni kollha li hija tqis neċessarja għall-evalwazzjoni tat-talba.

(4)

L-objettiv tal-miżura speċjali huwa li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u b’hekk ikunu wkoll impeduti ċerti forom ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa. L-ammont ta’ taxxa dovut fl-istadju tal-konsum finali huwa affettwat biss b’mod negliġibbli.

(5)

Skont l-informazzjoni li bagħat in-Netherlands, is-sitwazzjoni legali u fattwali tiġġustifika l-applikazzjoni tal-miżura speċjali. Għalhekk, jenħtieġ li n-Netherlands ikun awtorizzat ikompli jintroduċi din il-miżura speċjali, iżda għandu jkun limitat fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2023. Il-limitu ta’ żmien għandu jkun suffiċjenti biex jippermetti rieżami tan-neċessità u effettività tal-miżura speċjali u tar-rata ta’ tqassim tal-użu kummerċjali u mhux kummerċjali li fuqha hija msejsa.

(6)

F’każ li n-Netherlands jikkunsidra li tkun neċessarja estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2023, huwa għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2023, flimkien ma’ rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li tinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata.

(7)

Il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

(8)

Għalhekk, jixraq li n-Netherlands jiġi awtorizzat japplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, in-Netherlands huwa awtorizzat jeskludi l-VAT dovuta fuq il-merkanija u s-servizzi mid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT fejn dawk il-merkanzija u s-servizzi jintużaw, f’iktar minn 90 % għall-finijiet privati ta’ persuna taxxabbli jew tal-impjegati ta’ dik il-persuna, jew, b’mod iktar ġenerali, għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Kwalunkwe talba għal awtorizzazzjoni tal-estensjoni tal-miżura speċjali awtorizzati b’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2023.

Flimkien mat-tali talba għandu jintbagħat rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Top