Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2152

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2152 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar id-drittijiet dovuti lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi tal-informazzjoni rrapportata skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8971

ĠU L 428, 18.12.2020, pp. 68–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/09/2025; Imħassar b' 32025D1771

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2152/oj

18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 428/68


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2152

tas-17 ta’ Diċembru 2020

dwar id-drittijiet dovuti lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi tal-informazzjoni rrapportata skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-swieq interni tal-elettriku u tal-gass u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti fis-suq jeħtieġu l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas komprensiv biex jinkiseb dan l-objettiv.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jobbliga lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, minn hawn ’il quddiem l-“Aġenzija”, biex timmonitorja s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa sabiex tiżgura, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra, is-sorveljanza effettiva tagħhom. Il-Punt (b) tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 jintroduċi drittijiet biex jittejjeb il-finanzjament tal-Aġenzija u biex jiġu koperti l-ispejjeż relatati ma’ din il-funzjoni ta’ monitoraġġ u sorveljanza. Jenħtieġ li ż-żieda fil-finanzjament disponibbli għall-Aġenzija tippermetti wkoll lill-Aġenzija ttejjeb il-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-Aġenzija lill-entitajiet li jirrapportaw id-data u, jekk applikabbli, lill-parteċipanti fis-suq b’mod ġenerali.

(3)

Il-leġiżlatur jistabbilixxi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/942 il-kamp ta’ applikazzjoni u l-prinċipji bażiċi tal-iskema tad-drittijiet u jagħti l-kompitu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi d-drittijiet u l-mod kif dawn iridu jitħallsu.

(4)

Skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2019/942, saret konsultazzjoni pubblika u ġew ikkonsultati l-Bord Amministrattiv u l-Bord tar-Regolaturi tal-Aġenzija. Il-konsultazzjoni pubblika ġiet ikkumplimentata minn workshop tal-partijiet ikkonċernati li għalih ġew mistiedna d-destinatarji potenzjali attwali kollha tal-iskema tad-drittijiet kif ukoll l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn id-destinatarji jew parteċipanti oħra fis-suq.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (3) jistabbilixxi r-regolament finanzjarju qafas għall-korpi li huma stabbiliti mill-Unjoni skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li għandhom personalità ġuridika u li jirċievu kontribuzzjonijiet li jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. L-Aġenzija hija tali korp u, kif meħtieġ mir-Regolament Delegat (UE) 2019/715, adottat ir-regoli finanzjarji tagħha stess, ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija (4), li ma jitbiegħdux minn dawk tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715.

(6)

Id-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija, stabbilit skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/942 u l-Artikolu 32 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, fih programmazzjoni annwali u pluriennali u f’dan il-kuntest jistabbilixxi fid-dettall il-kompiti tal-Aġenzija u r-riżorsi użati għal dawk il-kompiti. Id-dokument ta’ programmazzjoni huwa għalhekk l-għodda xierqa biex jiġu identifikati dawk l-ispejjeż li huma eliġibbli biex jiġu koperti mid-drittijiet skont il-punt (b) tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/942.

(7)

L-ispejjeż eliġibbli jenħtieġ li jinkludu dawk imġarrba mill-Aġenzija għall-ġbir tad-data skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (5), iżda anke kull kompitu jew attività oħra skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 li jinvolvu t-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data miġbura sabiex jiġu żgurati l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/942, il-Kummissjoni tipprovdi opinjoni dwar l-abbozz tad-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija, inkluż il-proposti tal-Aġenzija li fir-rigward tagħhom l-ispejjeż jitqiesu bħala eliġibbli għal finanzjament permezz ta’ drittijiet.

(8)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/942, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun iffinanzjata prinċipalment mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li d-dħul mid-drittijiet ma jaqbiżx il-kontribuzzjoni lill-Aġenzija mill-baġit tal-Unjoni.

(9)

Sabiex tiġi pprovduta trasparenza li d-drittijiet qegħdin jintużaw biss biex ikopru l-ispejjeż eliġibbli u li l-Aġenzija tibqa’ prinċipalment iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-Rapport Konsolidat tal-Attività Annwali, stabbilit skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar is-sorsi differenti ta’ dħul riċevut u l-użu ta’ dan id-dħul.

(10)

Il-parteċipanti fis-suq iridu jiġu rreġistrati mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011. Il-partijiet li jirrapportaw, imsejħa wkoll mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati, huma parteċipanti fis-suq, jew entitajiet li jirrapportaw f’isem il-parteċipanti fis-suq, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u organizzazzjonali biex jiżguraw skambju u trattament effiċjenti, effikaċi u sikuri tal-informazzjoni għall-finijiet tar-rapportar tal-informazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014. Il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jenħtieġ li jiġu rreġistrati direttament mal-Aġenzija, għalhekk, huma dawk li jenħtieġ li jħallsu d-drittijiet.

(11)

Il-fatturi mibgħuta lill-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar kif it-tariffa ġiet ikkalkulata, biex ikun magħmul trasparenti għall-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat, kif il-parteċipanti differenti fis-suq li għalihom qed tirrapporta d-data qed jikkontribwixxu għat-tariffa fatturata. Sabiex jiġi evitat piż finanzjarju mhux dovut għall-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati, jenħtieġ li jkun possibbli li fatturi kbar jitħallsu f’pagamenti parzjali bi qbil mal-Aġenzija. Id-deċiżjoni ta’ sa liema punt l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku jew tal-gass li huma mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jistgħu jirkupraw l-ispejjeż imġarrba billi jkollhom iħallsu d-drittijiet dovuti lill-Aġenzija mill-utenti tan-network permezz ta’ tariffi tan-network, hija parti mill-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri skont l-Artikolu 59(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(12)

Skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2019/942, id-drittijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-ispejjeż tas-servizzi rilevanti kif previst b’mod kosteffettiv u jkunu biżżejjed biex ikopru dawk l-ispejjeż u jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti f’tali livell sabiex jiġi żgurat li ma jkunux diskriminatorji u jiġi evitat li jitqiegħed piż finanzjarju jew amministrattiv żejjed fuq il-parteċipanti fis-suq jew entitajiet li jirrapportaw f’isimhom.

(13)

L-ixprunaturi ewlenin tal-ispejjeż tas-servizzi rilevanti, u għalhekk tal-ispejjeż eliġibbli tal-Aġenzija, huma l-għadd ta’ mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati, l-għadd ta’ parteċipanti fis-suq li jirrapportaw għalihom u l-ammont u l-karatteristiċi tad-data li jirrapportaw. Sabiex jiġu riflessi dawn l-ixprunaturi tal-ispejjeż, jenħtieġ li t-tariffa li kull mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat jeħtieġ li jħallas tkun taħlita ta’ ammont fiss, il-komponent tat-tariffa fissa għar-reġistrazzjoni u ammont varjabbli, il-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet, skont l-għadd ta’ parteċipanti fis-suq li għalihom il-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat qed jirrapporta d-data kif ukoll l-ammont u l-karatteristiċi tad-data rrapportata.

(14)

L-ammont fiss jenħtieġ jirrifletti l-ispejjeż tal-Aġenzija għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati kif ukoll għall-iżgurar tal-konformità kontinwa tal-mekkaniżmi ta’ rapportar diġà rreġistrati mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014. Peress li dawn l-ispejjeż jiġġarrbu mill-Aġenzija irrispettivament minn jekk il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jirrapportawx ir-rekords tat-tranżazzjonijiet jew id-data fundamentali, l-ammont fiss jenħtieġ jitħallas mill-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati kollha.

(15)

Sabiex jiġi evitat piż finanzjarju żejjed fuq il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati, l-ammont varjabbli msemmi fl-Artikolu 6 jenħtieġ jirrifletti l-ammont ta’ rekords tat-tranżazzjonijiet rapportati, li huwa marbut mal-volum ta’ negozjar u għalhekk id-dħul potenzjali ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat. Il-komponent varjabbli jenħtieġ iqis il-fatt li ħafna mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jirrapportaw data għal għadd kbir ta’ parteċipanti fis-suq li ta’ spiss ikunu attivi f’diversi swieq organizzati u li jkunu qegħdin jużaw kanali differenti ta’ negozjar.

(16)

Il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 jeskludu produtturi żgħar tal-elettriku u tal-gass, li spiss ikunu produtturi tal-enerġija rinnovabbli, mir-rapportar kontinwu skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011. Jenħtieġ għalhekk li l-introduzzjoni tad-drittijiet ma toħloqx piż finanzjarju għal produtturi bħal dawn.

(17)

Id-data fundamentali bħall-informazzjoni relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet għall-produzzjoni, il-ħażna, il-konsum jew it-trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali jew relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG, tinġabar biss mill-Aġenzija biex tikkomplementa r-rekords tat-tranżazzjonijiet miġbura bħall-ordnijiet, in-negozjar, il-kuntratti mhux standard jew il-kuntratti ta’ trasport. Id-data fundamentali jenħtieġ għalhekk li ma tiġix inkluża fil-kalkolu tal-komponent tat-tariffa varjabbli. Minħabba li l-istatus ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat huwa xprunatur sinifikanti tal-ispejjeż għall-Aġenzija, il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati li jirrapportaw data fundamentali jenħtieġu xorta waħda jħallsu l-komponent ta’ tariffa fissa.

(18)

Sabiex tiskopri b’mod effettiv l-abbużi fis-suq, l-Aġenzija ma tiġborx biss id-data dwar in-negozjar u kuntratti oħra, iżda anke ammont konsiderevoli ta’ data dwar l-ordnijiet għan-negozjar imqiegħda fi swieq organizzati bħal skambji tal-enerġija. Għalhekk, l-ordnijiet għan-negozjar jenħtieġ li jkunu koperti wkoll mill-iskema ta’ drittijiet sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-ispejjeż. Għall-istess raġunijiet, l-informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja jenħtieġ li tkun koperta wkoll mill-iskema tad-drittijiet.

(19)

Jenħtieġ li l-iskema tad-drittijiet ma tiddiskriminax kontra n-negozjar f’postijiet tas-suq organizzati. In-negozjar ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa b’rabta mal-provvista tal-elettriku jew tal-gass naturali f’postijiet tas-suq organizzati huwa kkaratterizzat minn livell ogħla ta’ standardizzazzjoni min-negozjar ta’ tali prodotti barra minn postijiet tas-suq organizzati. Barra minn hekk, ir-rekords tat-tranżazzjonijiet irrapportati li jirriżultaw minn postijiet tas-suq organizzati jinkludu ordnijiet għan-negozjar. L-iżviluppi tas-suq fin-negozjar ta’ kuntratti għall-provvista tal-elettriku jew tal-gass naturali bħan-negozjar algoritmiku u bi frekwenza għolja qed isiru dejjem aktar importanti u dan jirriżulta f’għadd dejjem jiżdied ta’ ordnijiet għan-negozjar li qed jiġu rrapportati minn postijiet tas-suq organizzati għal kull kuntratt ta’ provvista standard meta mqabbla ma’ kuntratti ta’ provvista konklużi barra mill-postijiet tas-suq organizzati. Ir-rekords tat-tranżazzjonijiet dwar il-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa b’rabta mal-provvista tal-elettriku jew tal-gass naturali li jirriżultaw minn postijiet tas-suq organizzati jenħtieġ għalhekk jiġu ppeżati b’mod differenti minn dawk li jirriżultaw minn postijiet tas-suq organizzati barra meta jiġi kkalkulat il-komponent tat-tariffa varjabbli.

(20)

Il-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa fir-rigward tat-trasport tal-elettriku jew tal-gass naturali huma kkaratterizzati minn livell simili ta’ standardizzazzjoni tal-kuntratti, irrispettivament minn jekk ikunux innegozjati barra jew f’postijiet tas-suq organizzati, u hemm kompetizzjoni limitata bejn in-negozjar f’postijiet tas-suq organizzati u n-negozjar barra minn postijiet tas-suq organizzati. Fil-każ ta’ prodotti bħal dawn, jenħtieġ għalhekk li l-iskema tad-drittijiet ma tiddifferenzjax bejn ir-rekords ta’ tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn postijiet tas-suq organizzati u dawk li jirriżultaw minn postijiet barra mis-suq organizzati.

(21)

Peress li d-drittijiet huma ddeterminati kompletament minn din id-Deċiżjoni, li hija l-bażi għall-Aġenzija li tistabbilixxi l-ammonti riċevibbli, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, il-fatturi jenħtieġ li jkunu noti ta’ debitu.

(22)

Skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, aġenzija għandha tipprovdi biss servizzi wara li t-tariffa korrispondenti tkun tħallset kollha kemm hi. Peress li d-drittijiet huma kkalkulati fuq il-bażi tal-ammont ta’ rekords ta’ tranżazzjoni rrapportati fis-sena preċedenti, l-ammonti riċevibbli jistgħu jiġu stabbiliti biss u l-fatturi jistgħu jintbagħtu biss fil-bidu ta’ kull sena. Il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati madankollu jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrapportaw kontinwament id-data lill-Aġenzija, u għalhekk anke qabel ma jkunu ħallsu l-fattura għas-sena rispettiva. Madankollu, jekk mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat ikun ilu dovut bil-ħlas tal-fattura, l-Aġenzija jenħtieġ ikollha l-possibbiltà li twaqqaf il-kapaċità tal-entità li tirrapporta d-data, minkejja li tkun irreġistrata skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014.

(23)

Is-sena 2021 jenħtieġ li tkun l-ewwel sena li fiha l-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jeħtieġu li jħallsu drittijiet biex ikopru l-ispejjeż eliġibbli identifikati fid-dokument ta’ programmazzjoni li għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija sal-31 ta’ Diċembru 2020 skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/942.

(24)

Fil-bidu tal-iskema tad-drittijiet, il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jikkunsidraw jekk iridux iżommu r-reġistrazzjoni tagħhom mal-Aġenzija. Għalhekk, dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu, anke wara li jirċievu l-fattura fuq it-tariffa annwali, jevitaw li jkollhom iħallsu t-tariffa billi jinfurmaw lill-Aġenzija li jixtiequ jieqfu milli jkunu mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat. F’dak il-każ, jenħtieġ li jkollhom żmien biex jimplimentaw soluzzjonijiet alternattivi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011, pereżempju billi jużaw is-servizzi ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat ieħor. Fis-snin li ġejjin wara l-ewwel sena, il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu qabel l-aħħar ta’ kull sena jekk jixtiqux iżommu dan l-istatus jew le u ma jkunux intitolati għal kwalunkwe rimborż ta’ drittijiet mħallsa jew rinunzja ta’ drittijiet dovuti.

(25)

L-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2019/942 jirrikjedi li l-Kummissjoni teżamina regolarment il-livell tad-drittijiet. Dan jenħtieġ li jsir flimkien mal-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-Aġenzija skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2019/942. Dan ir-rekwiżit ma jżommx lill-Kummissjoni milli tirrevedi l-iskema tad-drittijiet indipendentement minn dawk l-evalwazzjonijiet.

(26)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha għax id-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija għall-2021-2023 imsemmi fl-Artikoli 3(1) u 3(2) se jiġi adottat f’Diċembru 2020. Peress li l-2021 jenħtieġ li tkun l-ewwel sena li l-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati jridu jħallsu d-drittijiet, din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ħlief għall-Artikoli 3(1) u 3(2) tagħha, jenħtieġ li ma tiġix applikata mid-dħul fis-seħħ tagħha, iżda mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi d-drittijiet u l-mod li bih iridu jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, minn hawn ’il quddiem l-“Aġenzija”, għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi tal-informazzjoni rrapportata mill-parteċipanti fis-suq jew minn entitajiet li jirrapportaw f’isimhom skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “data fundamentali” u ta’ “post tas-suq organizzat” kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u 2(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014.

Barra minn hekk. għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat” tfisser entità rreġistrata mill-Aġenzija skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 għall-finijiet ta’ rapportar ta’ rekords ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ data fundamentali;

(2)

“rekord ta’ tranżazzjoni” tfisser sett ta’ data individwali li jkun fih dettalji ta’ negozju, ordni ta’ negozjar jew kuntratt, jew li jkun fih informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja bħal modifiki, terminazzjoni bikrija jew korrezzjonijiet ta’ negozjar, ordni ta’ negozjar jew kuntratti, li jkun rapportat lill-Aġenzija skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014;

(3)

“parteċipant fis-suq” tfisser entità rreġistrata mal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-Istat Membru skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Artikolu 3

Spejjeż koperti mid-drittijiet

1.   Id-dokument ta’ programmazzjoni, inkluż il-baġit, adottat mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/942, minn hawn ’il quddiem “id-dokument ta’ programmazzjoni”, għandu jidentifika dawk l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-finanzjament permezz ta’ drittijiet fis-sena ta’ wara u jipprovdi stima tal-ispejjeż eliġibbli ppjanati li jiġu ffinanzjati minn drittijiet għal sentejn addizzjonali wara dik id-data. L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ġenerali, imġarrba mill-Aġenzija permezz tal-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi tal-informazzjoni rrapportata minn mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati.

2.   Id-dokument ta’ programmazzjoni għandu jistabbilixxi l-ammont li għandu jiġi kopert mid-drittijiet fis-sena ta’ wara. Dak l-ammont għandu:

(a)

ma jaqbiżx l-ispejjeż eliġibbli skont il-paragrafu 1;

(b)

ikun anqas mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni lill-Aġenzija skont il-baġit tal-Unjoni għas-sena rispettiva.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont tad-drittijiet miġbura u l-ispejjeż koperti mid-drittijiet fis-sena preċedenti fir-Rapport Konsolidat tal-Attività Annwali skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tagħmel pubbliċi t-taqsimiet rispettivi ta’ dan ir-rapport.

Artikolu 4

Obbligu li jitħallsu d-drittijiet

1.   Kull mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat għandu jħallas tariffa annwali kkalkulata skont l-Artikolu 5. Id-drittijiet kollha għandhom jitħallsu f’EUR.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Aġenzija għandha tibgħat fattura lil kull mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat għat-tariffa annwali li għandha titħallas fi żmien erba’ ġimgħat. Il-fattura għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif ġiet ikkalkulata din it-tariffa. L-Aġenzija u mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat jistgħu jaqblu b’mod reċiproku li l-fatturi li jaqbżu l-EUR 250 000 jitħallsu f’pagamenti parzjali. L-iskadenza għall-ħlas tal-aħħar pagament ma għandhiex tkun aktar tard mit-30 ta’ Settembru.

3.   Fil-każ li entità tapplika biex issir mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat, l-Aġenzija għandha tibgħat fattura lill-entità li tammonta għal 50 % tal-komponent tat-tariffa fissa għar-reġistrazzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(1) u għandha taċċetta biss l-applikazzjoni ladarba titħallas il-fattura. Meta l-Aġenzija tirrifjuta l-applikazzjoni minħabba li l-entità ma tikkonformax mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014, l-entità ma tkunx intitolata għal rimborż tat-tariffa mħallsa. Wara r-reġistrazzjoni ta’ entità bħala mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat, l-Aġenzija għandha tibgħat fattura lill-entità fuq it-tariffa li jkun fadal li tikkonsisti f’50 % tal-komponent tat-tariffa fissa għar-reġistrazzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(1) u, sakemm il-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat ma jiddikjarax li huwa se jirrapporta biss id-data fundamentali, il-komponent ibbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 6(4).

4.   Il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati li ma jibqgħux jiġu rreġistrati mill-Aġenzija ma għandhomx ikunu intitolati għal kwalunkwe rimborż ta’ drittijiet mħallsa jew għar-rinunzja ta’ kwalunkwe tariffa dovuta. Huma għandhom iħallsu t-tariffa kollha għas-sena rispettiva, sakemm ma jkunux infurmaw lill-Aġenzija sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel li ma jkunux iridu jibqgħu jiġu rreġistrati mill-Aġenzija.

Artikolu 5

Il-kalkolu tad-drittijiet annwali individwali

1.   It-tariffa annwali li trid titħallas minn mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat għandha tkun it-total tal-komponenti li ġejjin:

(a)

komponent ta’ tariffa fissa għar-reġistrazzjoni ta’ EUR 9 000;

(b)

komponent ta’ tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet ikkalkulat skont l-Artikolu 6, sakemm mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat ma jkunx qed jirrapporta biss data fundamentali;

(c)

fejn applikabbli, ammont ta’ korrezzjoni pożittiv jew negattiv għall-bilanċjar tad-differenzi bejn il-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet imħallas fis-sena preċedenti u l-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet li kien jitħallas skont ir-rapportar attwali f’dik is-sena.

L-ammont ta’ korrezzjoni msemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jiġi kkalkulat billi jitnaqqas il-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet ikkalkulat fis-sena preċedenti mill-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet ikkalkulat fis-sena kurrenti.

Fil-każ ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat li kien għadu kif ġie rreġistrat fis-sena preċedenti, l-ammont ta’ korrezzjoni skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jiġi kkalkulat billi jitnaqqas l-ammont skont l-Artikolu 6(4) mill-komponent ta’ tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet ikkalkulat fis-sena attwali skont l-Artikolu 6(5) wara li dan tal-aħħar jiġi diviż b’365 u mbagħad jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem kalendarji bejn id-data tar-reġistrazzjoni u t-tmiem tas-sena preċedenti.

L-ammont ta’ korrezzjoni negattiva msemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux ikun ogħla mill-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet ikkalkulat għas-sena kurrenti.

2.   Fil-każ li t-total tad-drittijiet individwali kkalkulati għal kull mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat skont il-paragrafu 1 jaqbeż l-ammont li għandu jiġi kopert mid-drittijiet skont l-Artikolu 3(2), it-tariffa individwali li kull mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat ikollu jħallas titnaqqas billi tiġi mmultiplikata b’fattur ta’ tnaqqis ikkalkulat kif ġej:

Image 1

Artikolu 6

Il-kalkolu tal-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet

1.   Il-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet huwa kkalkulat fuq il-bażi tar-rekords tat-tranżazzjonijiet irrapportati fis-sena preċedenti minn kull mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat kif ġej:

(a)

L-Aġenzija tidentifika r-raggruppamenti tad-data tal-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat rispettiv. Raggruppament wieħed tad-data għandu jikkonsisti f’wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

ir-rekords kollha tat-tranżazzjonijiet li jirrapportaw prodotti tal-enerġija bl-ingrossa skont il-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 li jirriżultaw minn parteċipant speċifiku fis-suq bl-użu ta’ post organizzat tas-suq speċifiku;

(ii)

ir-rekords tat-tranżazzjonijiet kollha li jirrapportaw prodotti tal-enerġija bl-ingrossa skont il-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 li jirriżultaw minn parteċipant speċifiku fis-suq mingħajr ma jintuża post organizzat tas-suq;

(iii)

ir-rekords tat-tranżazzjonijiet kollha li jirrapportaw prodotti tal-enerġija bl-ingrossa skont il-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 li jirriżultaw minn parteċipant speċifiku fis-suq;

(b)

għal kull wieħed mir-raggruppamenti tad-data msemmija fil-punt (a), l-Aġenzija tidentifika s-subkomponent tad-drittijiet skont il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 3;

(c)

il-komponent tat-tariffa bbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet huwa t-total tas-subkomponenti identifikati skont il-punt (b).

2.   Is-subkomponenti tad-drittijiet għal kull raggruppament ta’ data għal rekords ta’ tranżazzjoni skont is-subpartiti (i) u (iii) tal-punt (a) tal-paragrafu 1 huma kif ġej:

Rekords tat-tranżazzjonijiet għal kull raggruppament ta’ data

Subkomponent tat-tariffa f’EUR

1 sa 1 000

250

1 001 sa 10 000

500

10 001 sa 100 000

1 000

100 001 to 1 miljun

2 000

Aktar minn miljun sa 10 miljuni

4 000

Aktar minn 10 miljuni sa 100 miljun

8 000

Aktar minn 100 miljun

16 000

3.   Is-subkomponenti tad-drittijiet għal kull raggruppament ta’ data għar-rekords ta’ tranżazzjonijiet skont is-subpartita (ii) tal-punt (a) tal-paragrafu 1 huma kif ġej:

Rekords tat-tranżazzjonijiet għal kull raggruppament ta’ data

Subkomponent tat-tariffa f’EUR

1 sa 100

250

101 sa 1 000

500

1 001 sa 10 000

1 000

10 001 sa 100 000

2 000

100 001 to 1 miljun

4 000

Aktar minn miljun sa 10 miljuni

8 000

Aktar minn 10 miljuni

16 000

4.   Fil-każ ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar li jkun għadu kif ġie rreġistrat, il-komponent ibbażat fuq ir-rekords tat-tranżazzjonijiet fis-sena ta’ reġistrazzjoni huwa ta’ EUR 65 għal kull jum kalendarju mill-jum tar-reġistrazzjoni sal-aħħar tas-sena. Il-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat u l-Aġenzija jistgħu jaqblu b’mod reċiproku fuq ammont differenti sabiex jirriflettu aħjar ir-rapportar mistenni mill-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat.

5.   Fil-każ ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat li kien għadu kif ġie rreġistrat fis-sena preċedenti, l-għadd ta’ rekords ta’ tranżazzjoni għal kull raggruppament ta’ data huwa aġġustat qabel ma jiġu identifikati s-subkomponenti tad-drittijiet rispettivi kif ġej:

Image 2

Artikolu 7

L-infurzar

1.   Il-fatturi mibgħuta mill-Aġenzija skont l-Artikolu 4(2) jew (3) għandhom jikkostitwixxu noti ta’ debitu skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija għandha tieħu l-passi legali xierqa kollha biex tiżgura l-ħlas sħiħ tal-fatturi maħruġa bl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti, inkluż dawk dwar l-imgħax awtomatiku u dwar l-irkupru, tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

3.   F’każ li mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat ikun ilu dovut għall-ħlas tat-tariffa għal mill-anqas xahar, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tiddiżattiva l-kapaċità tal-mekkaniżmu ta’ rapportar irreġistrat li jirrapporta data lill-Aġenzija sakemm it-tariffa titħallas għal kollox.

Artikolu 8

Regoli tranżitorji fl-2021

Għal drittijiet mħallsa fl-2021 japplikaw ir-regoli speċifiċi li ġejjin:

(a)

l-iskadenza l-aktar bikrija li l-Aġenzija tista’ tistabbilixxi għall-ħlas tal-fatturi skont l-Artikolu 4(2) għandha tkun il-31 ta’ Marzu 2021;

(b)

il-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati li jinfurmaw lill-Aġenzija sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021 li ma jkunux iridu jibqgħu jiġu rreġistrati mill-Aġenzija ma għandhomx ikunu obbligati jħallsu t-tariffa. Għandhom ikunu jistgħu jkomplu jirrapportaw id-data sat-30 ta’ Ġunju 2021;

(c)

mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati li jonqsu milli jħallsu t-tariffa jistgħu jiġu diżattivati milli jirrapportaw data lill-Aġenzija skont l-Artikolu 7(3) mhux aktar kmieni mill-1 ta’ Lulju 2021;

(d)

il-punt (c) tal-Artikolu 5(1) ma għandux japplika għad-drittijiet imposti fl-2021.

Artikolu 9

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sal-5 ta’ Lulju 2024 u kull ħames snin wara dan, flimkien mal-evalwazzjoni li għandha titwettaq skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2019/942.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, l-Artikolu 3(1) u (2) għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 8/2019 tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tal-21 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rapportar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(7)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tirrevoka d-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).


Top