Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2069

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2069 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

ĠU L 424, 15.12.2020, pp. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2069/oj

15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 424/41


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2069

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006.

(2)

Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 4 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll 4”). Skont l-Artikolu 38 tal-Protokoll 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4.

(3)

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Ftehim billi tissostittwixxi l- Protokoll 4 (“id-deċiżjoni”).

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għaliex id-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni.

(5)

Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont il-ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali.

(6)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak l-għan, id-deċiżjoni ser tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 4, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

(7)

Id-diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni l-Unjoni u ir-Repubblika tal-Libanu qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE tal- 14 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra (ĠU L 143, 30.5.2006, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).

(3)  Ara d-dokument ST 11104/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu


Top