EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1808

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1808 tat-30 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 fir-rigward tal-istandards Ewropej għal ċerti oġġetti tal-kura tat-tfal, l-għamara tat-tfal, it-tagħmir fiss għall-eżerċizzju, u l-propensità ta’ qbid tas-sigaretti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8233

ĠU L 402, 1.12.2020, p. 140–143 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1808/oj

1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/140


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1808

tat-30 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 fir-rigward tal-istandards Ewropej għal ċerti oġġetti tal-kura tat-tfal, l-għamara tat-tfal, it-tagħmir fiss għall-eżerċizzju, u l-propensità ta’ qbid tas-sigaretti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE prodott għandu jitqies bħala sikur sa fejn u sakemm jirrigwarda r-riskji u l-kategoriji tar-riskji koperti bl-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.

(2)

Fil-25 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/264/KE (2) dwar rekwiżiti ta’ sikurezza kontra n-nar li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għas-sigaretti.

(3)

Permezz tal-ittra M/425 tas-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex iħejji standards Ewropej relatati mar-rekwiżiti ta’ sikurezza kontra n-nar għas-sigaretti. Fuq il-bażi ta’ din it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN ISO 12863:2010 “Metodu tat-test għall-valutazzjoni tal-propensità ta’ qbid tas-sigaretti” u l-emenda għal dak l-istandard - EN ISO 12863:2010/A1:2016. L-istandard u l-emenda tiegħu ġew ippubblikati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698 (3). Biex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u konsistenti tal-istandard EN ISO 12863:2010 kif emendat bl-EN ISO 12863:2010/A1:2016 u biex jiġu introdotti korrezzjonijiet tekniċi, is-CEN adotta r-rettifika EN ISO 12863:2010/AC:2011. L-istandard EN ISO 12863:2010 kif emendat bl-EN ISO 12863:2010/A1:2016 u kif ikkoreġut mill-EN ISO 12863:2010/AC:2011 jikkonforma mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Huwa għalhekk xieraq li tiġi ppubblikata r-referenza tar-rettifika EN ISO 12863:2010/AC:2011 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mar-referenza tal-istandard EN ISO 12863:2010 u l-emenda tiegħu EN ISO 12863:2010/A1:2016.

(4)

Fit-2 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/376/UE (4) dwar ir-rekwiżiti tas-sigurtà li jridu jissodisfaw l-istandards Ewropej għal ċerti prodotti fl-ambjent tal-irqad għat-tfal.

(5)

Permezz tal-ittra M/497 tal-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex ifassal standards Ewropej dwar is-sikurezza ta’ oġġetti għall-kura tat-tfal soġġetti għal riskji relatati mal-ambjent tal-irqad (riskji tal-cluster 2), b’mod partikolari, saqqijiet għas-sodod tat-trabi, cot bumpers, sodod sospiżi għat-tfal, duvets għat-tfal, u sleep bags għat-tfal.

(6)

Fuq il-bażi tat-talba M/497, is-CEN adotta l-istandard EN 16890:2017 “L-għamara tat-tfal - Saqqijiet għas-sodod tat-tfal u bennieni - Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza u l-metodi tal-ittestjar”. L-istandard EN 16890:2017 jikkonforma mar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Għalhekk, ir-referenza tagħha jeħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Fis-6 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/9/UE (5) dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfati mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar.

(8)

Permezz tal-ittra M/464 tat-3 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex ifassal standards Ewropej biex jiġu indirizzati r-riskji ewlenin assoċjati mas-sikurezza ta’ oġġetti għall-kura tat-tfal soġġetti għal riskji relatati ma’ għarqa (riskji tal-cluster 1), b’mod partikolari ċrieki tal-banju, għodod tal-banju, banjijiet u stands.

(9)

Fuq il-bażi tat-talba M/464, is-CEN adotta l-istandard EN 17022:2018 “Oġġetti għall-kura tat-tfal - Għajnuniet għall-banju - Rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi tal-ittestjar”. L-istandard EN 17022:2018 jikkonforma mar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Għalhekk, ir-referenza tagħha jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Fuq il-bażi tat-talba M/464, is-CEN adotta l-istandard EN 17072:2018 “Oġġetti għall-kura tat-tfal - Banjijiet, stands u tagħmir mhux awtonomu għall-għajnuna fil-banju - Rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi tal-ittestjar”. L-istandard EN 17072:2018 jikkonforma mar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Għalhekk, ir-referenza tagħha jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Fl-24 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/476/UE (6) dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal tagħmir fiss għat-taħriġ.

(12)

Permezz tal-ittra M/506 tal-5 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex ifassal standards Ewropej li jindirizzaw ir-riskji ewlenin assoċjati ma’ tagħmir fiss għall-eżerċizzju skont ir-rekwiżiti tas-sikurezza. Fuq il-bażi ta’ din it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN ISO 20957–9:2016 “Tagħmir fiss għall-eżerċizzju - Parti 9: Trainers ellittiċi, rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi addizzjonali u metodi tal-ittestjar (ISO 20957-9:2016)” li ġie ppubblikat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698.

(13)

B’kont meħud tal-għarfien ġdid, is-CEN irreveda l-istandard EN ISO 20957-9:2016. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-emenda EN ISO 20957-9:2016/A1:2019 “Tagħmir fiss għall-eżerċizzju - Parti 9: Trainers ellittiċi, rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi addizzjonali u metodi tal-ittestjar - Emenda 1 (ISO 20957-9:2016/Amd 1:2019)”. L-istandard EN ISO 20957-9:2016 kif emendat bl-istandard EN ISO 20957-9:2016/A1:2019 huwa konformi mar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tal-emenda EN ISO 20957-9:2016/A1:2019 jenħtieġ għalhekk li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mar-referenza tal-istandard EN ISO 20957-9:2016.

(14)

Ir-referenzi tal-istandards Ewropej adottati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE huma ppubblikati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698. Biex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards Ewropej abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE jiġu elenkati f’att wieħed, ir-referenzi rilevanti tal-istandards il-ġodda, l-emendi u l-korrezzjonijiet għall-istandards jenħtieġ li jiġu inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 tiġi emendata skont dan.

(16)

Il-konformità mal-istandards nazzjonali rilevanti li jittrasponu l-istandards Ewropej li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tagħti preżunzjoni ta’ sikurezza sa fejn jirrigwardaw ir-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandard nazzjonali rilevanti, mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/264/KE tal-25 ta’ Marzu 2008 dwar rekwiżiti ta’ sikurezza kontra n-nar li għandhom jiġu sodisfati mill-istandards Ewropej għas-sigaretti skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698 tad-9 ta’ Ottubru 2019 dwar standards Ewropej għall-prodotti abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 259, 10.10.2019, p. 65).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/376/UE tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal ċerti prodotti fl-ambjent tal-irqad għat-tfal skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 170, 6.7.2010, p. 39).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/9/UE tas-6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfati mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 3, 7.1.2010, p. 23).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/476/UE tas-27 ta’ Lulju 2011 dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal tagħmir fiss għat-taħriġ skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 196, 28.7.2011, p. 16).


ANNESS

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 huwa emendat kif ġej:

(1)

ir-ringiela 37 hija sostitwita b’dan li ġej:

“37

EN OSI 12863:2010

Metodu standard ta’ ttestjar għall-valutazzjoni tal-propensità ta’ qbid tas-sigaretti (ISO 12863:2010)

EN ISO 12863:2010/AC:2011

EN ISO 12863:2010/A1:2016”;

(2)

jiddaħħlu r-ringieli li ġejjin 52a, 52b u 52c:

“52a

EN 16890:2017

Għamara tat-tfal - Saqqijiet għall-cots u għall-bennieni - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar

52b

EN 17022:2018

Oġġetti għall-kura tat-tfal - Għajnuniet għall-għawm - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar

52c

EN 17072:2018

Oġġetti għall-kura tat-tfal - banjijiet, stands u tagħmir mhux awtonomu tal-għawm - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar”;

(3)

ir-ringiela 57 hija sostitwita b’dan li ġej:

“57

EN ISO 20957-9:2016

Tagħmir fiss ta’ taħriġ - Parti 9: Tagħmir ta’ taħriġ elittiku, rekwiżiti ta’ sigurtà speċifiċi addizzjonali u metodi ta’ ttestjar (ISO 20957-9:2016)

EN ISO 20957-9:2016/A1:2019”.


Top