EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1698

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1698 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza taħt il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, rigward id-Deċiżjoni Nru 0011 li tadotta l-Anness 4 għall-Ftehim

ĠU L 381, 13.11.2020, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1698/oj

13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 381/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1698

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza taħt il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, rigward id-Deċiżjoni Nru 0011 li tadotta l-Anness 4 għall-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (1) (“il-Ftehim”) ġie approvat f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/719/UE (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011.

(2)

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim huwa li tittejjeb ir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni li ilha teżisti bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili mad-dinja kollha u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet ekonomiċi fuq l-industrija tal-avjazzjoni u l-operaturi tagħha minħabba sorveljanza regolatorja bla bżonn.

(3)

L-Emenda 1 (3) għall-Ftehim testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2.B tal-Ftehim biex jinkludi, fost affarijiet oħra, l-għoti tal-liċenzji u t-taħriġ tal-persunal, u ġie applikat proviżorjament sa mit-13 ta’ Diċembru 2017 f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/61 (4).

(4)

L-Artikolu 5 tal-Ftehim, kif emendat, jipprevedi l-iżvilupp ta’ Annessi ġodda għall-Ftehim dwar kwistjonijiet li huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

(5)

Iż-żewġ Aġenti Tekniċi fit-tifsira tal-Artikolu 1.F. tal-Ftehim, jiġifieri l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) għall-Unjoni Ewropea (UE) u l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA) għall-Istati Uniti, ipproponew li l-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza jadotta Deċiżjoni biex jiġi żviluppat Anness 4 ġdid għall-Ftehim sabiex ikopri l-aċċettazzjoni reċiproka tas-sejbiet tal-konformità u tad-dokumentazzjoni għall-Apparati ta’ Taħriġ ta’ Simulazzjoni tat-Titjir (“FSTD”).

(6)

Bl-iżvilupp tal-Anness il-ġdid ser jiġi ġġenerat iffrankar għaż-żewġ Aġenti Tekniċi u, fl-istess ħin, ser jitnaqqsu l-ispejjeż għall-industrija (l-operaturi tal-FSTDs), u sussegwentement, it-trasportaturi bl-ajru ser igawdu minn aċċess ikbar għall-FSTDs għall-bdoti tagħhom.

(7)

L-Artikolu 19.C tal-Ftehim jipprevedi li jidħlu fis-seħħ Annessi li jkunu għadhom kemm ġew żviluppati permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza stabbilit skont l-Artikolu 3 tiegħu.

(8)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2011/719/UE fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 0011 tal-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza li tadotta l-Anness 4 dwar apparati ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir għall-Ftehim skont l-Artikolu 3.C.7 u 19.C tiegħu.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 0011 tal-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza u fuq id-Dikjarazzjoni Konġunta,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza, skont l-Artikoli 3 u 19 tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (“il-Ftehim”), fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza li tadotta l-Anness 4 għall-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni Nru 0011 tal-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza, u fuq il-firma tad-Dikjarazzjoni Konġunta. (5)

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Bord Bilaterali ta’ Sorveljanza għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 291, 9.11.2011, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/719/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 291, 9.11.2011, p. 1).

(3)  ĠU L 11, 16.1.2018, p. 3.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/61 tal-21 ta’ Marzu 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ emenda għall-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 11, 16.1.2018, p. 1).

(5)  Ara d-dokument ST 11009/19 fuq http://register.consilium.europa.eu.


Top