Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1662

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1662 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 374, 10.11.2020, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32021D0753 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1662/oj

10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1662

tat-3 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt 13 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta tista’ teżenta tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”): dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija, dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), u dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 14 600 f’każijiet oħrajn, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi).

(2)

Malta kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 (2) tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla minn EUR 20 000, sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta’ Ġunju 2020, Malta talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u, fost l-oħrajn, tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(4)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra ddatata t-12 ta’ Ġunju 2020 bit-talba ta’ Malta. Il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta permezz ta’ ittra ddatata l-15 ta’ Ġunju 2020 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(5)

Minħabba li l-miżura ta’ deroga rriżultat fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT u, għalhekk, fi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-kostijiet għall-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ li Malta tiġi awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(6)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jitħassar bid-Direttiva (UE) 2020/285 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(7)

Il-miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li Malta ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

(8)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


Top