This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D1639
Council Decision (CFSP) 2020/1639 of 5 November 2020 establishing the general conditions under which third States could exceptionally be invited to participate in individual PESCO projects
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO
ĠU L 371, 6.11.2020, pp. 3–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
6.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 371/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1639
tal-5 ta’ Novembru 2020
li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(g) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, li ddeterminaw il-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni, b’appoġġ għat-tliet prijoritajiet strateġiċi identifikati f’dik l-Istrateġija: (a) ir-reazzjoni għall-kriżijiet u l-kunflitti esterni; (b) it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab; u (c) il-protezzjoni tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha. |
|
(2) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE, adottati fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill iddikjara wkoll li billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet attwali u futuri għas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa, l-Unjoni ser ittejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi bħala provveditur tas-sigurtà u l-awtonomija strateġika tagħha, u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tikkoopera mas-sħab. |
|
(3) |
Il-11-il paragrafu tal-Anness I għan-Notifika (2) dwar il-PESCO lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (“Rappreżentant Għoli”), tat-13 ta’ Novembru 2017, speċifika li l-impenji aktar vinkolanti għandhom jgħinu biex jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni kif definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2016, approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2016, u b’hekk tissaħħaħ l-awtonomija strateġika kemm tal-Ewropej kif ukoll tal-Unjoni. |
|
(4) |
Fil-11 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. |
|
(5) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/909 (3) li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO. |
|
(6) |
Il-punt (g) tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jistabbilixxu fi żmien debitu, f’konformità mal-Artikolu 9(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. |
|
(7) |
L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li d-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kunsill dwar dawn il-kondizzjonijiet ġenerali tista’ tinkludi mudell għal arranġamenti amministrattivi ma’ Stati terzi. |
|
(8) |
L-aħħar subparagrafu tal-Paragrafu 2.2.1 tal-Anness III għan-Notifika dwar il-PESCO lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli, li kien fih xi proposti għall-governanza tal-PESCO, speċifika li Stati terzi li jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna mill-parteċipanti tal-proġetti huma meħtieġa li jipprovdu valur miżjud sostanzjali għall-proġett, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-PESCO u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u josservaw impenji aktar rigorużi. Huwa speċifika wkoll li l-istedina ta’ Stati terzi mhux ser tagħtihom setgħat ta’ deċiżjoni rigward il-governanza tal-PESCO. |
|
(9) |
L-Artikolu 9(2) u (3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett jixtiequ jistednuh f’dak il-proġett, jilħaqx ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Deċiżjoni, u li wara deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill, l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett jistgħu jidħlu f’arranġamenti amministrattivi mal-Istat terz ikkonċernat bl-iskop li dan jieħu sehem f’dak il-proġett. Tali arranġamenti għandhom jirrispettaw il-proċeduri u l-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni. |
|
(10) |
Jenħtieġ li jkun hemm konsistenza bejn l-azzjonijiet meħuda fil-qafas tal-PESCO u azzjonijiet oħrajn tal-PESK u politiki oħrajn tal-Unjoni. |
|
(11) |
Il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fi proġett tal-PESCO ma timplikax li l-entitajiet ta’ pajjiżi terzi ser ikollhom neċessarjament aċċess għall-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) jew strumenti rilevanti oħra tal-Unjoni. |
|
(12) |
Il-paragrafu 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2018 (4), dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO, speċifika li l-ħidma biex jiġu żviluppati kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni eċċezzjonali minn Stati terzi fi proġetti individwali jenħtieġ li tibda hekk kif ikunu fis-seħħ is-sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti u l-iffissar tal-istadji għat-twettiq tal-impenji. |
|
(13) |
Fil-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni (5) dwar l-iffissar tal-istadji għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas ta’ PESCO u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi. |
|
(14) |
Jenħtieġ li jingħata appoġġ lill-PESCO mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 (6). |
|
(15) |
Huwa għalhekk adatt li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għan
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO.
Artikolu 2
Proċess tal-istedina
1. Stat terz jista’ jressaq quddiem il-koordinatur jew koordinaturi ta’ proġett tal-PESCO talba biex jipparteċipa f’dak il-proġett. Tali talba għandu jkun fiha biżżejjed informazzjoni dettaljata dwar ir-raġunijiet għall-parteċipazzjoni fil-proġett, kif ukoll l-ambitu u l-forma tal-parteċipazzjoni proposta, fi stadji tal-proġett jekk applikabbli, u għandha tissostanzja l-issodisfar tal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3.
2. Wara li jirċievu tali talba, l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fil-proġett (“il-membri tal-proġett”) għandhom jivvalutaw, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dak l-Istat terz, jekk huwa jikkonformax mal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3.
3. Jekk il-membri tal-proġett jaqblu b’unanimità:
|
(a) |
li jixtiequ jistiednu lill-Istat terz li ressaq it-talba biex jipparteċipa fil-proġett, |
|
(b) |
dwar l-ambitu, il-forma u, jekk ikun applikabbli, l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz, u |
|
(c) |
li l-Istat terz jikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3, |
il-koordinatur jew il-koordinaturi tal-proġett, bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-PESCO, għandhom javżaw lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli kif adatt. Tali avviż għandu jinkludi wkoll it-talba mressqa mill-Istat terz.
4. Abbażi tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li jinkludi l-ambitu, il-forma u, jekk ikun applikabbli, l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni tal-Istat terz fil-proġett, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.
5. Wara deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-koordinatur jew il-koordinaturi tal-proġett tal-PESCO għandhom jibagħtu stedina għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett lill-Istat terz li jkun ressaq it-talba, f’isem il-membri tal-proġett.
6. Ladarba l-Istat terz li ressaq it-talba jkun informa lill-koordinatur jew il-koordinaturi tal-proġett tal-PESCO li huwa jaċċetta l-istedina, il-membri tal-proġett, jew il-koordinatur jew il-koordinaturi f’isimhom, għandhom jibdew negozjati ma’ dak l-Istat terz bil-ħsieb ta’ arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih il-membri tal-proġett, li jaġixxu b’unanimità, u dak l-Istat terz, abbażi tal-mudell mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Tali arranġament amministrattiv għandu jiżgura l-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 u d-Deċiżjoni (PESK) 2018/909.
7. L-Istat terz li jkun ġie mistieden jipparteċipa fi proġett għandu jingħaqad mal-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 6.
8. Il-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġett tal-PESCO għandhom jagħmlu disponibbli lill-Istati Membri kollha parteċipanti fil-PESCO l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-ispazju ta’ ħidma elettroniku komuni msemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909.
Artikolu 3
Kondizzjonijiet ġenerali
Stat terz jista’ b’mod eċċezzjonali jiġi mistieden jipparteċipa fi proġett tal-PESCO, u jkompli jipparteċipa, jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet ġenerali kollha li ġejjin:
|
(a) |
jikkondividi l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21(1) TUE, kif ukoll l-objettivi tal-PESK fil-punti (a), (b), (c) u (h) tal-Artikolu 21(2) TUE. M’għandux imur kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri, u għandu jkollu djalogu politiku mal-Unjoni, li għandu jkopri wkoll l-aspetti ta’ sigurtà u ta’ difiża meta jipparteċipa fi proġett tal-PESCO; |
|
(b) |
jipprovdi valur miżjud sostanzjali għall-proġett u jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. F’konformità mal-prijorità ta’ approċċ kollaborattiv Ewropew, u f’konformità mal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909, il-mezzi li jġib fil-proġett għandhom ikunu komplementari għal dawk offruti mill-Istati Membri parteċipanti fil-PESCO, pereżempju billi jipprovdi għarfien espert tekniku jew kapaċitajiet addizzjonali inkluż appoġġ operazzjonali jew finanzjarju, u b’hekk jikkontribwixxi għas-suċċess tal-proġett u għalhekk għall-avvanz tal-PESCO; |
|
(c) |
il-parteċipazzjoni tiegħu tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u l-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni kif determinat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2016, inkluż b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; |
|
(d) |
il-parteċipazzjoni tiegħu m’għandhiex twassal għal dipendenzi fuq dak l-Istat terz jew għal restrizzjonijiet imposti minnu kontra xi Stat Membru tal-Unjoni, fir-rigward tal-akkwist tal-armi, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew fuq l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija, li jxekklu l-progress jew jipprevjenu l-użu, b’mod konġunt jew b’xi mod ieħor, l-esportazzjoni jew l-użu operazzjonali tal-kapaċità żviluppata fil-proġett tal-PESCO. Huwa għandu jiffinalizza ftehim f’livell adatt dwar il-kondizzjonijiet għal aktar kondiviżjoni barra mill-qafas tal-PESCO, skont il-każ, tal-kapaċitajiet u t-teknoloġija li jkunu ser jiġu żviluppati f’dak il-proġett, sabiex jiġi evitat li dawk il-kapaċitajiet jintużaw kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; |
|
(e) |
il-parteċipazzjoni tiegħu tkun konsistenti mal-impenji aktar vinkolanti tal-PESCO kif speċifikat fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, b’mod partikolari dawk l-impenji li dak il-proġett tal-PESCO qed jgħin biex jitwettqu, skont l-ispeċifiċitajiet ta’ dak il-proġett. Għall-proġetti orjentati lejn il-kapaċitajiet, il-parteċipazzjoni tiegħu għandha tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-prijoritajiet derivati mill-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), u għandha tagħmel l-industrija tad-difiża Ewropea aktar kompetittiva. B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni minn Stat terz fi proġett għandha tikkontribwixxi primarjament għad-disponibbiltà, l-użu u l-interoperabbiltà tal-forzi; |
|
(f) |
ikollu Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni mal-Unjoni li jkun fis-seħħ; |
|
(g) |
ikollu Arranġament Amministrattiv li jkun fis-seħħ mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) kif adatt, f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, fejn il-proġett ikun implimentat bl-appoġġ tal-EDA, b’kont meħud tal-dokumenti ta’ pożizzjoni rilevanti tal-EDA (7); u |
|
(h) |
ikun ħa l-impenn, fit-talba tiegħu għal parteċipazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni, li jiżgura r-rispett ta’ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 u tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909. |
Artikolu 4
Drittijiet u obbligi tal-Istati terzi li jipparteċipaw fi proġett tal-PESCO
1. Il-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett tal-PESCO għandha tirrispetta l-arranġamenti konklużi mill-membri tal-proġett bejniethom għall-ġestjoni tal-proġett f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909. Stat terz li jipparteċipa fi proġett tal-PESCO għandu jkollu d-drittijiet u l-obbligi ddeterminati f’arranġament amministrattiv kif imsemmi fl-Artikolu 2(6) ta’ din id-Deċiżjoni li għandhom jidħlu fih il-membri tal-proġett, li jaġixxu b’unanimità, u dak l-Istat terz. Tali drittijiet u obbligi għandhom jirrispettaw il-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni u jistgħu jinkludu l-oqsma li ġejjin:
|
(a) |
l-attendenza mill-Istat terz fil-laqgħat imsejħa fil-qafas tal-proġett tal-PESCO; |
|
(b) |
ir-rwoli u r-responsabbiltajiet li għandhom ikunu eżerċitati mill-Istat terz li jipparteċipa fil-proġett tal-PESCO; |
|
(c) |
l-ambitu tal-involviment tal-Istat terz fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-proġett tal-PESCO; |
|
(d) |
l-ambitu u l-oqsma tal-qsim tal-informazzjoni bejn il-membri tal-proġett u l-Istat terz li jipparteċipa fil-proġett tal-PESCO. |
2. L-Istat terz mistieden jista’ jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proġett, b’kont meħud tal-kontribut tiegħu. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri parteċipanti, inkluż fir-rigward tas-salvagwardja tal-kontroll ta’ proġett u r-riżultati tiegħu fi ħdan il-qafas tal-PESCO u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar membri ġodda potenzjali tal-proġett, f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, li tistabbilixxi l-PESCO, u mas-sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għal proġetti tal-PESCO kif jinsabu fid-Deċiżjoni (PESK) 2018/909.
Artikolu 5
Mekkaniżmu ta’ rieżami
1. Il-koordinatur jew koordinaturi ta’ proġett li fih jipparteċipa Stat terz għandhom jibagħtu lis-Segretarjat tal-PESCO, f’konformità mal-proċedura u l-perijodi ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909, l-informazzjoni dwar il-kontribut individwali għall-proġett minn dak l-Istat terz u t-twettiq tal-impenji tiegħu lejn il-proġett, kif ukoll dwar l-issodisfar kontinwu tiegħu tal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tintbagħat darba fis-sena lill-Kunsill mis-Segretarjat tal-PESCO, fil-kuntest tar-rapport annwali dwar il-PESCO mir-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill u bħala parti mill-informazzjoni konsolidata dwar il-proġetti tal-PESCO, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909, biex jiġi żgurat li l-Kunsill ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv is-sorveljanza tiegħu tal-proġetti u jieħu azzjoni meta jkun meħtieġ, inkluż fir-rigward tal-issodisfar kontinwu mill-Istat terz parteċipanti fil-proġett tal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
Terminazzjoni jew sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett tal-PESCO
1. Jekk Stat terz li jipparteċipa fi proġett tal-PESCO jkun bagħat lill-membri tal-proġett id-deċiżjoni tiegħu li jittermina l-parteċipazzjoni tiegħu, tali terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ ladarba l-membri tal-proġett u dak l-Istat terz ikunu laħqu ftehim dwar il-kondizzjonijiet li skonthom it-terminazzjoni ser tidħol fis-seħħ.
Fejn il-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett tal-PESCO tkun ġiet itterminata, il-koordinatur jew il-koordinaturi tal-proġett, bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-PESCO, għandhom jinformaw lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli kif adatt.
2. Il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu jew matul jew lilhinn mir-rieżami regolari msemmi fl-Artikolu 5 li l-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett għandha tiġi vvalutata mill-ġdid. F’każ bħal dan, dak l-Istat terz għandu jiġi informat mill-koordinatur jew il-koordinaturi tal-proġett.
Jekk il-membri tal-proġett jiddeċiedu li jissospendu l-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett tal-PESCO, il-koordinatur jew il-koordinaturi tal-proġett, bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-PESCO, għandhom javżaw lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli kif adatt. Abbażi ta’ dan l-avviż u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 li jittermina l-parteċipazzjoni tal-Istat terz fil-proġett.
3. Jekk Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jqisu li l-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett tal-PESCO ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, huma jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-Kunsill. F’dan il-każ, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri kkonċernati, jiġifieri l-membri tal-proġett u l-Istat Membru jew l-Istati Membri responsabbli għar-riferiment, iffaċilitati mir-Rappreżentant Għoli. Fil-qafas ta’ dawk il-konsultazzjonijiet, li matulhom jistgħu jinstemgħu wkoll l-opinjonijiet tal-Istat terz, l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jkunu rreferew il-kwistjoni lill-Kunsill għandhom jipprovdu lir-Rappreżentant Għoli bl-informazzjoni kollha meħtieġa bil-miktub, li tissostanzja r-raġunijiet għal tali riferiment, u għandhom jindikaw lir-Rappreżentant Għoli liema miżuri jistgħu jittieħdu biex tiġi mitigata l-kwistjoni. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jeżaminaw flimkien il-kwistjoni u jfittxu soluzzjonijiet adegwati fi żmien xahrejn. Jekk, wara t-tlestija tal-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jkunu rreferew il-kwistjoni lill-Kunsill xorta jqisu li l-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fil-proġett tal-PESCO ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, huma jistgħu jitolbu li l-Kunsill jeżamina l-kwistjoni. F’dan il-każ, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu lill-Kunsill bl-informazzjoni rilevanti kollha. Abbażi ta’ dan, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE, għandu jiddiskuti u jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Istat terz.
4. L-arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Artikolu 2(6) għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet li skonthom Stat terz jista’ jittermina l-parteċipazzjoni tiegħu fi proġett tal-PESCO u l-kondizzjonijiet li skonthom il-membri tal-proġett jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fi proġett tal-PESCO. Tali arranġamenti għandhom jiddeterminaw b’mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi, rispettivament, tal-membri tal-proġett u tal-Istat terz li l-parteċipazzjoni tiegħu tkun ġiet itterminata minn dak l-Istat terz jew mill-Kunsill jew tkun ġiet sospiża mill-membri tal-proġett, inkluż fir-rigward tal-aspetti finanzjarji ta’ tali terminazzjoni jew sospensjoni, it-taxxi, il-proprjetà intellettwali u l-elementi l-oħra rilevanti għat-terminazzjoni jew is-sospensjoni.
Artikolu 7
Relazzjoni mas-sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti tal-PESCO
1. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li skonthom l-entitajiet jistgħu jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-PESCO mhumiex regolati minn din id-Deċiżjoni ħlief kif stabbilit f’dan l-Artikolu. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/909 għandha tiġi rieżaminata sal-31 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tali kondizzjonijiet u proċeduri.
2. Soġġett għal kwalunkwe kondizzjoni u proċedura li tirregola l-involviment ta’ entitajiet fi proġetti tal-PESCO li jistgħu jiġu stabbiliti skont ir-rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909 kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:
|
(a) |
l-entitajiet jistgħu jkunu involuti biss fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-PESCO wara l-31 ta’ Diċembru 2025 abbażi ta’ kuntratti konklużi jew proċeduri ta’ akkwist imnedija qabel dik id-data; |
|
(b) |
l-entitajiet stabbiliti fi, ikkontrollati minn jew li għandhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fi Stat terz li ma ġiex mistieden skont l-Artikolu 2(5) biex jieħu sehem fi proġett tal-PESCO qabel il-31 ta’ Diċembru 2021 jistgħu biss jiġu involuti fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-PESCO wara dik id-data jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE. |
3. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/909 għandha tiġi applikata b’mod konsistenti ma’ din id-Deċiżjoni.
4. Meta l-membri ta’ proġett jiddeċiedu dwar l-għażla ta’ entitajiet, f’konformità mal-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909, huma għandhom jieħdu kont debitu tal-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
5. Il-membri ta’ proġett għandhom jiżguraw trasparenza sħiħa fil-konfront tal-Istati Membri parteċipanti kollha fir-rigward tal-involviment ta’ entitajiet f’dak il-proġett, permezz ta’ spazju ta’ ħidma elettroniku komuni msemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/909.
6. Jekk Stat Membru jqis li l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tiegħu jew tal-Unjoni jistgħu jiġu mhedda bl-involviment ta’ entità fl-implimentazzjoni ta’ proġett tal-PESCO, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill li jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mill-membri tal-proġett, bil-għan li jivvaluta s-sitwazzjoni.
7. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/909 għandha tiġi adattata, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tagħha, sabiex jittieħed kont tal-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fi proġetti individwali tal-PESCO kif previst f’din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Rieżami
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rieżaminata meta jkun xieraq u mhux aktar tard minn tmiem l-2022.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.
(2) ĠU L 331, 14.12.2017, p. 65.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26. 6.2018, p. 37).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO (ĠU C 88, 8.3.2018, p. 1).
(5) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi (ĠU C 374, 16.10.2018, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta’ Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55).
(7) Id-dokument ta’ pożizzjoni tal-EDA dwar ir-rekwiżit għall-Istati terzi li jkunu qed jidħlu fi proġetti tal-PESCO biex ikollhom Arranġament Amministrattiv mal-EDA (EDA 201911157).
ANNESS
MUDELL GĦAL ARRANĠAMENT AMMINISTRATTIV BEJN IL-MEMBRI TAL-PROĠETT U STAT TERZ
1.
Introduzzjoni
2.
Objettivi tal-proġett
3.
Raġunijiet, ambitu, forma u livell ta’ parteċipazzjoni
4.
Konformità tal-Istat terz mal-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni
5.
Drittijiet u obbligi
6.
Kontribut individwali għall-proġett mill-Istat terz
7.
Data effettiva tal-parteċipazzjoni, tul ta’ żmien u rieżami
8.
Terminazzjoni jew sospensjoni
9.
Responsabbiltà
10.
Kwistjonijiet ta’ sigurtà, żvelar u użu ta’ informazzjoni
11.
Riżoluzzjoni tat-tilwim
12.
Dispożizzjonijiet finali