Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1277

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1277 tad-9 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/680/UE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Iżvezja biex jestendu l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 300, 14.9.2020, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1277/oj

14.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/35


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1277

tad-9 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/680/UE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Iżvezja biex jestendu l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2020, id-Danimarka u l-Iżvezja talbu l-awtorizzazzjoni biex jestendu l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE, li jirrikjedu li l-persuni taxxabbli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (‘VAT’) jew li jiksbu rifużjoni tagħha fl-Istat Membru fejn tħallset.

(2)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni ttrasmettiet lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ April 2020, it-talbiet magħmula mid-Danimarka u mill-Iżvezja. Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ April 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lid-Danimarka u lill-Iżvezja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talbiet.

(3)

It-talbiet għal deroga jikkonċernaw l-irkupru tal-VAT imħallsa fuq il-pedaġġi għall-użu tal-kollegament fiss ta’ Öresund bejn id-Danimarka u l-Iżvezja. Taħt ir-regoli tal-VAT dwar il-post tal-forniment ta’ servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli, parti mill-VAT fuq il-pedaġġi għall-kollegament fiss ta’ Öresund trid titħallas lid-Danimarka u parti lill-Iżvezja.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/91/KE (2), id-Danimarka u l-Iżvezja kienu awtorizzati, permezz ta’ deroga mir-rekwiżit għall-persuni taxxabbli li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu l-VAT jew li jirċievu rifużjoni tagħha fl-Istat Membru fejn din tkun tħallset, japplikaw miżura speċjali li tippermetti lill-kontribwenti jirkupraw il-VAT minn amministrazzjoni waħda sal-31 ta’ Diċembru 2002. Dik l-awtorizzazzjoni sussegwentement ġiet estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/65/KE (3) sal-31 ta’ Diċembru 2006 u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/132/KE (4) sal-31 ta’ Diċembru 2013. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/680/UE (5), id-Danimarka u l-Iżvezja ġew awtorizzati japplikaw miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(5)

Is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali li ġġustifikat id-deroga ma nbidlitx u għadha teżisti. Għalhekk, jenħtieġ li d-Danimarka u l-Iżvezja jkunu awtorizzati japplikaw il-miżura speċjali għal perjodu limitat ieħor.

(6)

L-applikazzjoni tal-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/680/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/680/UE, id-data “31 ta’ Diċembru 2020” hija sostitwita b’“31 ta’ Diċembru 2027”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/91/KE tal-24 ta’ Jannar 2000 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Iżvezja japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 28, 3.2.2000, p. 38).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/65/KE tal-21 ta’ Jannar 2003 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/91/KE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Iżvezja japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 25, 30.1.2003, p. 40).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/132/KE tat-30 ta’ Jannar 2007 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/91/KE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Iżvezja japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 57, 24.2.2007, p. 10).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/680/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Iżvezja biex jestendu l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168, 169, 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 39).


Top