EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1109

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1109 tal-20 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f’dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

ST/9123/2020/INIT

ĠU L 244, 29.7.2020, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1109/oj

29.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1109

tal-20 ta’ Lulju 2020

li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f’dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) ġiet emendata mid-Direttivi tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (4) u (UE) 2019/1995 (5) biex timmodernizza l-qafas legali għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kummerċ elettroniku transkonfinali min-negozju għall-konsumatur (B2C). Il-maġġoranza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda jridu jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat lill-Istati Membri kollha. Minħabba ż-żieda allarmanti fl-għadd ta’ każijiet u n-nuqqas ta’ disponibbiltà immedjata ta’ mezzi effiċjenti biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19, bosta Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali.

(3)

Il-pandemija tal-COVID-19 tikkostitwixxi emerġenza mhux mistennija u bla preċedent li taffettwa ħafna lill-Istati Membri kollha u ġġegħelhom jieħdu azzjoni minnufih fil-livell nazzjonali biex jindirizzaw il-kriżi attwali bħala prijorità billi jirriallokaw ir-riżorsi riżervati għal kwistjonijiet oħra. Bħala riżultat ta’ din il-kriżi, diversi Stati Membri qed jiffaċċaw diffikultajiet biex jiffinalizzaw sal-31 ta’ Diċembru 2020 l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT li huma meħtieġa biex jiġu applikati r-regoli stabbiliti fid-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 mill-1 ta’ Jannar 2021. Xi Stati Membri kif ukoll operaturi postali u tal-kurriera għalhekk talbu l-posponiment tad-dati tal-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2455 u d-Direttiva (UE) 2019/1995.

(4)

Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19 u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tagħhom tal-IT biex ikunu jistgħu japplikaw ir-regoli stipulati fid-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995, u jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, huwa neċessarju li d-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawk id-Direttivi jiġu posposti b’sitt xhur. Posponiment ta’ sitt xhur huwa xieraq, billi jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits għall-Istati Membri.

(5)

Minħabba l-impatt sinifikanti tat-tfixkil ekonomiku u d-diffikultajiet addizzjonali possibbli li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni korretta u f’waqtha tar-regoli l-ġodda tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni tista’ taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex tissorvelja l-adattament tas-sistemi nazzjonali tal-IT u biex tipprovdi assistenza teknika kull meta jkun hemm bżonn.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/2455

Id-Direttiva (UE) 2017/2455 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021”;

(b)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“B’effett mill-1 ta’ Lulju 2021, id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva 2009/132/KE

B’effett mill-1 ta’ Lulju 2021, jitħassar it-Titolu IV tad-Direttiva 2009/132/KE.”;

(3)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni immedjatament.”;

(b)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Direttiva mill-1 ta’ Lulju 2021.”;

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva (UE) 2019/1995

Fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1995, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2021.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Lulju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-10 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 tal-21 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 310, 2.12.2019, p. 1).


Top