Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0960

Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/960 tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka tar-reattur ta’ fluss għoli f’Petten għall-2020-2023 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

ST/8515/2020/INIT

ĠU L 211, 3.7.2020, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/960/oj

3.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2020/960

tad-29 ta’ Ġunju 2020

dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka tar-reattur ta’ fluss għoli f’Petten għall-2020-2023 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

Billi:

(1)

Ir-reattur ta’ fluss għoli f’Petten (“HFR”) kien riżorsa importanti għar-riċerka Komunitarja dwar ix-xjenzi u l-ittestjar tal-materjali, dwar il-mediċina nukleari u dwar is-sikurezza tar-reatturi nukleari.

(2)

It-tħaddim tal-HFR ġie appoġġat minn serje ta’ programmi supplimentari ta’ riċerka. L-aħħar programm supplimentari ta’ riċerka, li kien stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2017/956 (1) għal terminu ta’ erba’ snin, skada fil-31 ta’ Diċembru 2019.

(3)

Minħabba l-importanza kontinwa tiegħu bħala infrastruttura insostitwibbli għar-riċerka Komunitarja fl-oqsma tat-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari, tas-saħħa (inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi għar-riċerka medika), tal-fużjoni nukleari, tar-riċerka fundamentali, tat-taħriġ, u tal-ġestjoni tal-iskart (inkluż il-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-fjuwils nukleari għal sistemi tar-reatturi li huma ta’ interess għall-Ewropa), jenħtieġ li l-HFR ikompli jingħatalu appoġġ permezz ta’ programm supplimentari ta’ riċerka sal-aħħar tal-2023.

(4)

Minħabba l-interess speċjali tagħhom fil-kapaċitajiet tal-irradjazzjoni tal-HFR, l-NRG: Nuclear Research and consultancy Group V.O.F (“NRG”) u l-Commissariat à l’énergie atomique et aux énergies alternatives (“CEA”), bħala aġenti implimentattivi għan-Netherlands […] u […] Franza, rispettivament, qablu li jiffinanzjaw il-programm supplimentari ta’ riċerka tal-HFR għall-2020-2023 kollu permezz ta’ kontribuzzjonijiet magħmula lill-baġit ġenerali tal-Unjoni permezz ta’ dħul assenjat.

(5)

Dawk il-kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jservu biex jiffinanzjaw it-tħaddim tal-HFR sabiex jiġi appoġġat programm ta’ riċerka u t-tħaddim u l-manutenzjoni regolari tal-HFR. Il-ħruġ ta’ notifika uffiċjali ta’ waqfien definittiv mill-operatur NRG lill-awtorità regolatorja nazzjonali tan-Netherlands qabel id-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni sikura jenħtieġ li jwassal għas-sospensjoni tal-pagamenti pendenti u għas-sospensjoni ta’ kwalunkwe sejħa għal fondi mill-Kummissjoni.

(6)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità bejn il-programmi supplementari ta’ riċerka u t-tħaddim bla xkiel tal-programm supplementari ta’ riċerka tal-HFR għall-2020-2023, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020. Jenħtieġ li parti mill-kontribuzzjonijiet taħt il-programm supplimentari ta’ riċerka tal-HFR għall-2020-2023 tkun tista’ tkopri n-nefqa li saret matul is-sena 2020.

(7)

Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ta l-opinjoni tiegħu minn qabel (2) skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom (3).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar it-tħaddim tar-Reattur ta’ Fluss Għoli li hemm f’Petten (“HFR”) (“il-programm”), li l-objettivi tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I, għandu jiġi adottat għal perijodu ta’ erba’ snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 2

L-ispejjeż għall-eżekuzzjoni tal-programm, li huma stmati għal EUR 27 854 000, għandhom jiġu kompletament iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet minn-Netherlands u Franza, permezz l-NRG u s-CEA, rispettivament. It-tqassim ta’ dan l-ammont huwa stabbilit fl-Anness II. Din il-kontribuzzjoni għandha titqies bħala dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (a)(i) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-programm. Għal dan il-għan, hija għandha tirrikorri għas-servizzi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka infurmat bl-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 4

Fil-każ li l-NRG jinnotifika uffiċjalment lill-awtorità regolatorja nazzjonali tan-Netherlands bil-waqfien definittiv tal-HFR (qabel id-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni sikura), l-obbligi min-naħa tan-Netherlands u Franza, permezz tal-NRG u s-CEA, rispettivament, li jagħmlu pagamenti ulterjuri għandhom jiġu sospiżi, kif għandha wkoll tiġi sospiża kwalunkwe talba għal fondi mill-Kummissjoni skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara t-tmiem tal-programm.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2017/956 tad-29 ta’ Mejju 2017 dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka tar-reattur ta’ fluss għoli għall-2016-2019 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 144, 7.6.2017, p. 23).

(2)  L-Opinjoni tat-18.12.2019.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom tal-10 ta’ April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12).

(4)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS I

OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNIĊI

L-objettivi prinċipali tal-programm huma dawn li ġejjin:

(1)

li jiġi żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tal-HFR sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għal finijiet sperimentali;

(2)

li jkun possibbli użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f’firxa wiesgħa ta’ oqsma: it-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari, is-saħħa (inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi), il-fużjoni nukleari, ir-riċerka fundamentali u t-taħriġ, u l-immaniġġjar tal-iskart (inkluż il-possibbiltà li jiġu studjati l-kwistjonijiet rigward is-sikurezza tal-fjuwils nukleari għas-sistemi tar-reatturi li huma ta’ interess għall-Ewropa).


ANNESS II

TQASSIM TAL-KONTRIBUZZJONIJIET

Il-kontribuzzjonijiet għall-programm jiġu min-Netherlands u minn Franza.

Dawn il-kontribuzzjonijiet huma mqassma kif ġej:

In-Netherlands: EUR 26 654 000;

Franza: EUR 1 200 000;

Total: EUR 27 854 000.

Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom isiru lill-baġit ġenerali tal-Unjoni u għandhom jiġu assenjati għal dan il-programm. Parti mill-kontribuzzjonijiet taħt dan il-programm supplimentari tista’ tkopri wkoll in-nefqa li saret fir-rigward tat-tħaddim tal-HFR matul is-sena 2020 f’konformità mal-programm ta’ ħidma li ser jiġi maqbul bejn l-Istati Membri li qed jikkontribwixxu u mill-Kummissjoni.

Dawk il-kontribuzzjonijiet huma fissi u ma jistgħux jiġu riveduti fir-rigward tal-varjazzjonijiet relatati mal-ispejjeż ta’ tħaddim, manutenzjoni u dekummissjonar.


Top