EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0919

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/919 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tas-Serbja (notifikata bid-dokument C(2020) 4236) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/4236

ĠU L 209, 2.7.2020, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/919/oj

2.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/919

tat-30 ta’ Ġunju 2020

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tas-Serbja

(notifikata bid-dokument C(2020) 4236)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (il-pajjiżi jew ir-reġjuni) iridu jiġu kklassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f’waħda minn tliet kategoriji kif ġej: riskju ta’ BSE negliġibbli, riskju ta’ BSE kkontrollat, u riskju ta’ BSE indeterminat.

(2)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li jekk l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tqiegħed pajjiż applikant f’waħda mit-tliet kategoriji tal-BSE, tista’ tiġi deċiża valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni tal-BSE fil-livell tal-Unjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jirreferi għall-OIE, billi dik l-organizzazzjoni għandha rwol ewlieni fil-kategorizzazzjoni ta’ Pajjiżi Membri u żoni tal-OIE skont il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-BSE tagħhom, f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (2) tal-OIE.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (3) telenka l-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom fil-Partijiet A, B jew C tal-Anness ta’ dak l-att. Il-pajjiżi u r-reġjuni elenkati fil-Parti A ta’ dak l-Anness jitqiesu li għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE, dawk elenkati fil-Parti B tiegħu jitqiesu li għandhom riskju kkontrollat ta’ BSE, filwaqt li l-Parti C ta’ dak l-Anness tipprevedi li pajjiżi jew reġjuni mhux elenkati fil-Parti A jew B jridu jitqiesu li għandhom riskju indeterminat ta’ BSE.

(4)

Bħalissa s-Serbja tidħol fil-Parti C tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala pajjiż b’riskju indeterminat ta’ BSE.

(5)

Fit-28 ta’ Mejju 2019, l-Assemblea Dinjija tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 19 dwar ir-Rikonoxximent tal-Istatus ta’ Riskju tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Membri (4), bil-għan ta’ dħul fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2019. Dik ir-Riżoluzzjoni rrikonoxxiet lis-Serbja “Minbarra l-Kosovo amministrat min-Nazzjonijiet Uniti” bħala li għandha riskju negliġibbli tal-BSE, f’konformità mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE. Wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tirriżulta minn dik ir-Riżoluzzjoni tal-OIE, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatus ta’ BSE ġdid tal-OIE għal dan il-pajjiż terz jenħtieġ li jiġi rifless fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE.

(6)

Il-lista ta’ pajjiżi jew reġjuni fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata sabiex is-Serbja, kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (5), tkun elenkata fil-Parti A ta’ dak l-Anness taħt pajjiżi jew reġjuni b’riskju negliġibbli ta’ BSE.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-Parti A tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE, il-lista taħt l-intestatura “Pajjiżi Terzi” hija emendata kif ġej:

(1)

l-annotazzjoni li ġejja tiddaħħal wara l-annotazzjoni għall-Perù u qabel l-annotazzjoni għal Singapore;

“—

Is-Serbja*”

(2)

in-nota li ġejja tiżdied fl-aħħar ta’ dik il-lista:

“*

kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).”;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  http://www.oie.int/international-standard-setting/terrestrial-code/access-online/

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).

(4)  http://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/Animal_Health_in_the_World/docs/pdf/Resolutions/2019/A_R19_BSE_risk.pdf

(5)  ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16.


Top