Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0767

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/767 tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 91 għall-Anness 10, Volum III għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u n-notifika ta’ differenza mid-data tal-applikazzjoni tal-Emenda 13B għall-Anness 14, Volum I, tal-Emenda 40C għall-Anness 6, tal-Emenda 77B għall-Anness 3 u tal-Emenda 39B għall-Anness 15 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    ST/8284/2020/INIT

    ĠU L 187, 12.6.2020, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/767/oj

    12.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 187/7


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/767

    tat-8 ta’ Ġunju 2020

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 91 għall-Anness 10, Volum III għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u n-notifika ta’ differenza mid-data tal-applikazzjoni tal-Emenda 13B għall-Anness 14, Volum I, tal-Emenda 40C għall-Anness 6, tal-Emenda 77B għall-Anness 3 u tal-Emenda 39B għall-Anness 15 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

    (2)

    L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

    (3)

    Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta standards internazzjonali u prattiki rakkomandati.

    (4)

    Matul waħda mis-sessjonijiet tiegħu li jmiss, il-Kunsill tal-ICAO irid jadotta l-Emenda 91 għall-Anness 10, Volum III għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar is-sistema ta’ sejħa selettiva (SELCAL) (“Emenda 91”).

    (5)

    L-iskop ewlieni tal-Emenda 91 huwa li tintroduċi toni ġodda biex tiġi estiża l-ġabra disponibbli ta’ kodiċijiet SELCAL u b’hekk tnaqqas l-inċidenza ta’ indikazzjoni falza fil-kokpit tal-inġenju tal-ajru. Tagħmel ukoll xi bidliet rigward ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-karatteristiċi tas-sistema u tindroduċi toni ġodda li jipprevedu mekkaniżmu għaż-żieda fl-għadd ta’ kodiċijiet SELCAL b’impatt minimu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

    (6)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 91 ser tkun vinkolanti għall-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (1). Ladarba tiġi adottata, l-Emenda 91ser tkun vinkolanti għall-Istati Membri kollha tal-ICAO, inkluż l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha. L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jeżiġi li l-Istati kontraenti jinnotifikaw lill-ICAO jekk ikollhom l-intenzjoni li jiddevjaw minn standard, skont il-mekkaniżmu tan-notifika tad-differenzi.

    (7)

    L-Unjoni hija sostenitriċi qawwija tal-isforzi tal-ICAO biex ittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi tiżgura l-forniment sikur u preċiż ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza. Għalhekk jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-Emenda 91.

    (8)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni waqt waħda mis-sessjonijiet li jmiss tal-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-Emenda 91 trid tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

    (9)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 91 mill-Kunsill tal-ICAO, li trid titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ ittra tal-ICAO lill-Istati, jenħtieġ li tkun li tinnotifika l-konformità mal-Emenda 91u trid tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

    (10)

    Fl-2016, il-Kunsill tal-ICAO adotta emendi għal għadd ta’ annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, maħsuba biex inaqqsu l-inċidenti u l-aċċidenti ta’ eskursjonijiet fuq ir-runway. Dawk l-emendi (“l-Emendi”) huma pprovduti fl-ittri lill-Istati AN 4/1 2.26-16/19, AN 2/2.4 – 16/18, AN 10/1.1 – 16/17 u AN 11/1.3.29-16/12 u ser ikunu applikabbli fl-Istati kontraenti mill-5 ta’ Novembru 2020.

    (11)

    L-Unjoni hija sostenitriċi qawwija tal-isforzi tal-ICAO biex ittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. Dawk il-bidliet li jintroduċu metodoloġija armonizzata għall-valutazzjoni u r-rappurtar tal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway ser jikkontribwixxu biex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti u aċċidenti ta’eskursjonijiet fuq ir-runway minħabba kontaminazzjoni tar-runway bħall-borra, il-ġlata, is-silġ maħlul jew l-ilma.

    (12)

    Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1387 (2) u (UE) 2020/469 (3) jinkorporaw dawk l-Emendi fid-dritt tal-Unjoni.

    (13)

    Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/469 u 2019/1387 ser japplikaw parzjalment mill-5 ta’ Novembru 2020 biex dan jikkonċidi mad-data tal-applikazzjoni tal-Emendi. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt konsiderevoli fuq l-isforzi li saru mill-Istati Membri tal-Unjoni u mill-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni biex iħejju għall-applikazzjoni tal-miżuri l-ġodda elenkati fl-Emenda 77B għall-Anness 3, fl-Emenda 13B għall-Anness 14, fl-Emenda 40C għall-Anness 6 u fl-Emenda 39B għall-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    (14)

    B’mod partikolari, il-konfinament u l-qgħad parzjali tal-persunal, flimkien mal-ammont ta’ xogħol addizzjonali meħtieġ biex jiġu ġestiti l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-partijiet ikkonċernati kollha, kienu ostaklu għall-progress.

    (15)

    L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi qed jesperjenzaw diffikultajiet fit-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-Emendi. Għalhekk jista’ jkun meħtieġ li d-data tal-applikazzjoni prevista fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/469 u (UE) 2019/1387 tiġi posposta b’sitt xhur.

    (16)

    Jekk il-Kunsill tal-ICAO ma jipposponix id-data tal-applikazzjoni tal-Emendi b’sitt xhur, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jipposponi d-data tal-applikazzjoni tal-istandards rilevanti tal-ICAO b’sitt xhur, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tinnotifika differenza lill-ICAO f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u li tinforma lill-ICAO bl-intenzjoni tagħha li tipposponi d-data tal-applikazzjoni tal-Emendi b’ sitt xhur,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea f’waħda mis-sessjonijiet li jmiss tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) għandha tkun li tappoġġa l-Emenda 91 proposta għall-Anness 10, Volum III tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) fl-intier tagħha.

    2.   Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-Emenda 91 għall-Anness 10, Volum III għall-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha tkun li tinnotifika konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati.

    Artikolu 2

    Jekk il-Kunsill tal-ICAO ma jipposponix id-data tal-applikazzjoni tal-Emenda 77B għall-Anness 3, tal-Emenda 13B għall-Anness 14, tal-Emenda 40C għall-Anness 6 u tal-Emenda 39B għall-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Kummissjoni temenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/469 u (UE) 2019/1387 u r-Regolament Delegat C(2020)710 final (4) biex tiġi ttardjata l-applikazzjoni tagħhom b’sitt xhur, għandha tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformita mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni, differenza korrispondenti mid-data tal-applikazzjoni tal-Emenda 77B għall-Anness 3, tal-Emenda 13B għall-Anness 14, tal-Emenda 40C għall-Anness 6 u tal-Emenda 39B għall-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    Artikolu 3

    1.   Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO.

    2.   Il-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 2 għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. METELKO-ZGOMBIĆ


    (1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1387 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kalkoli tal-prestazzjoni tal-inżul ta’ ajruplan u l-istandards għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway, l-aġġornament ta’ ċertu tagħmir u rekwiżiti tas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru u l-operazzjonijiet mingħajr approvazzjoni operattiva fuq distanza estiża (ĠU L 229, 5.9.2019, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/469 tal-14 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012, ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 u r-Regolament (UE) 2017/373 fir-rigward tar-rekwiżiti għas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tan-navigazzjoni tal-ajru, id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, il-kwalità tad-data u s-sikurezza tar-runways u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 73/2010 (ĠU L 104, 3.4.2020, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni C(2020)710 final li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tas-sikurezza tar-runway u d-data ajrunawtika.


    Top