EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0667

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/667 tas-6 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2012/688/UE fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-meded ta’ frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz (notifikata bid-dokument C(2020) 2816) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/2816

ĠU L 156, 19.5.2020, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/667/oj

19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/667

tas-6 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2012/688/UE fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-meded ta’ frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz

(notifikata bid-dokument C(2020) 2816)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE (2) armonizzat il-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-meded ta’ frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika (ECSs) fl-Unjoni, u hija mmirata primarjament lejn is-servizzi tal-broadband mingħajr fili għall-utenti aħħarija.

(2)

L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jirrikjedi li l-Istati Membri jgħinu lill-fornituri tal-ECSs biex jaġġornaw regolarment in-netwerks tagħhom għat-teknoloġija l-iktar reċenti u l-iktar effiċjenti, bl-għan li joħolqu d-dividendi tal-ispettru tagħhom stess f’konformità mal-prinċipji tan-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġija.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabit s” (4), tistabbilixxi objettivi ġodda tal-konnettività għall-Unjoni li jridu jinkisbu permezz tat-tqegħid u tal-adozzjoni mifruxa ta’ netwerks b’kapaċità għolja ħafna. Għal dak l-għan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjon i” (5) tidentifika l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, inkluż l-identifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-5G abbażi tal-opinjoni tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG), sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani kollha u fir-rotot ewlenin kollha tat-trasport terrestri sal-2025.

(4)

Fiż-żewġ opinjonijiet tiegħu dwar “il-pjan direzzjonali strateġiku lejn il-5G għall-Ewropa” (tas-16 ta’ Novembru 2016 (6) u tat-30 ta’ Jannar 2019 (7)), l-RSPG identifika l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji għall-meded kollha li diġà ġew armonizzati għan-netwerks mobbli jkunu tajbin għall-użu tal-5G. Il-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz hija medda waħda minn dawk il-meded.

(5)

Fit-12 ta’ Lulju 2018, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) biex tirrieżamina l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għal ċerti meded ta’ frekwenzi armonizzati tal-UE, inkluż il-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz, u biex tiżviluppa l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati l-inqas restrittivi li jkunu adattati għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G).

(6)

Fil-5 ta’ Lulju 2019, is-CEPT ħareġ rapport (ir-rapport 72 tas-CEPT). Fih ippropona kundizzjonijiet tekniċi armonizzati tal-UE għall-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz f’termini ta’ arranġament ta’ frekwenzi u Block Edge Mask, li jkunu adattati għall-użu tal-medda għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G). Ir-rapport 72 tas-CEPT jikkonkludi li l-medda ta’ protezzjoni ta’ 300 kHz fil-konfini ta’ frekwenzi inferjuri u superjuri tal-arranġament ta’ frekwenza tista’ titneħħa.

(7)

Ta’ min jinnota li d-dominju fittizju għall-istazzjonijiet bażi fil-medda ta’ frekwenzi 2 110-2 170 MHz jibda 10 MHz mit-tarf tal-medda.

(8)

Ir-rapport 72 tas-CEPT ikopri kemm is-sistemi ta’ antenni attivi kif ukoll is-sistemi ta’ antenni mhux attivi, li jintużaw f’sistemi li huma kapaċi jipprovdu Servizzi ta’ Komunikazzjoni Elettronika tal-Broadband Mingħajr Fili (WBB ECS). Jindirizza l-koeżistenza ta’ dawn is-sistemi fil-medda u ma’ servizzi f’meded biswit xulxin (bħas-servizzi tal-Ispazju taħt l-2 110 MHz u ogħla minn 2 200 MHz). Jenħtieġ li kwalunkwe użu ġdid tal-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz ikompli jipproteġi s-servizzi eżistenti fil-meded ta’ frekwenzi biswit xulxin.

(9)

Jenħtieġ li l-konklużjonijiet tar-rapport 72 tas-CEPT jiġu applikati fl-Unjoni kollha u jiġu implimentati mill-Istati Membri mingħajr dewmien. Dan jenħtieġ li jrawwem id-disponibbiltà u l-użu tal-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għas-sistemi 5G filwaqt li jissalvagwardja l-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz.

(10)

Il-kunċett tal-“deżinjazzjoni u d-disponibbiltà tal-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz” fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni jirreferi għall-passi li ġejjin: (i) l-adattament tal-qafas legali nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-frekwenzi biex jinkludi l-użu maħsub ta’ din il-medda skont il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, (ii) l-inizjazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata koeżistenza mal-użu eżistenti f’din il-medda, sa fejn ikun meħtieġ, (iii) l-inizjazzjoni tal-miżuri xierqa, appoġġata mill-varar ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, fejn ikun xieraq, sabiex ikun permess l-użu ta’ din il-medda f’konformità mal-qafas legali applikabbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

Jenħtieġ li fejn ikun ġustifikat, l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-liċenzji eżistenti għall-Parametri Ġenerali tal-kundizzjonijiet tekniċi l-ġodda.

(12)

Jaf ikunu meħtieġa ftehimiet transfruntiera bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw il-parametri stabbiliti b’din id-Deċiżjoni b’mod li tkun evitata interferenza perikoluża, tittejjeb l-effiċjenza tal-ispettru u tiġi evitata l-frammentazzjoni fl-użu tal-ispettru.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/688/UE tiġi emendata skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/688/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli, fuq bażi mhux esklużiva, il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika f’konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Sal-1 ta’ Jannar 2026, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-Parametri Ġenerali stabbiliti fit-taqsima B tal-Anness b’rabta mad-drittijiet għall-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika terrestri ta’ spettru fil-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz eżistenti fid-data meta din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, sakemm l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet ma jipprevjenix l-użu ta’ dik il-medda skont l-Anness, soġġett għad-domanda tas-suq.”

(2)

Fl-Artikolu 3 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ April 2021.”

(3)

L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE tal-5 ta’ Novembru 2012 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded tal-frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni (ĠU L 307, 7.11.2012, p. 84).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, COM(2016) 587 final.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”, COM(2016) 588 final.

(6)  Id-Dokument RSPG16-032 final tad-9 ta’ Novembru 2016, “Strategic roadmap towards 5G for Europe: Opinion on spectrum related aspects for next-generation wireless systems (5G) (l-ewwel opinjoni tal-RSPG dwar il-5G)”.

(7)  Id-dokument RSPG19-007 final tat-30 ta’ Jannar 2019, “Strategic Spectrum Roadmap Towards 5G for Europe: Opinion on 5G implementation challenges (it-tielet opinjoni tal-RSPG dwar il-5G)”.


ANNESS

“ANNESS

IL-PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)

A.   DEFINIZZJONIJIET

Sistemi ta’ antenni attivi (AAS attivi) tfisser stazzjon bażi u sistema tal-antenna fejn l-amplitudni u/jew il-fażi bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament biex iwasslu għal mudell tal-antenna li jvarja skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju. Dan jeskludi t-tiswir ta’ raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti. Fl-istazzjonijiet bażi ta’ AAS attivi, is-sistema tal-antenna tiġi integrata bħala parti mis-sistema jew mill-prodott tal-istazzjon bażi.

Sistemi ta’ antenni mhux attivi (AAS mhux attivi) tfisser stazzjon bażi u sistema tal-antenna li jipprovdu konnettur wieħed tal-antenna jew iktar, li jkunu konnessi ma’ element passiv tal-antenna wieħed jew iktar iddisinjat(i) b’mod separat biex il-mewġ tar-radju jiġi rradjat. L-amplitudni u l-fażi tas-sinjali lill-elementi tal-antenna ma jiġux aġġustati kontinwament skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju.

Il-potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (EIRP) hija l-prodott tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku).

Il-potenza rradjata totali (TRP) hija unità ta’ kejl tal-ammont ta’ potenza rradjata minn antenna kompożita. Din hija daqs l-input tal-potenza kondotta totali fis-sistema tal-array tal-antenna wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe telf fis-sistema tal-array tal-antenna. TRP tfisser il-parti integrali tal-potenza trażmessa f’direzzjonijiet differenti tul l-isfera sħiħa tar-radjazzjoni kif muri fil-formula:

Image 1

fejn P(θ,φ) hija l-potenza rradjata minn sistema tal-array tal-antenna fid-direzzjoni (θ,φ) mogħtija bil-formula:

P(θ, φ) = PTxg(θ, φ)

fejn PTx tirrappreżenta l-input tal-potenza kondotta (imkejla f’Watts) fis-sistema tal-array, u g(θ,φ) tirrappreżenta l-gwadann direzzjonali tas-sistema tal-array tul id-direzzjoni (θ, φ).

B.   PARAMETRI ĠENERALI

Fil-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz, l-arranġament tal-frekwenzi għandu jkun kif ġej:

(1)

Il-modalità dupleks tal-operat għandha tkun Dupleks tad-Diviżjoni tal-Frekwenzi (FDD). L-ispazjar tad-dupleks għandu jkun 190 MHz bit-trażmissjoni tal-istazzjon terminali (l-uplink tal-FDD) li tkun tinsab fin-naħa ta’ isfel tal-medda li tibda b’1 920 MHz u li tispiċċa b’1 980 MHz (“il-medda ta’ isfel) u bit-trażmissjoni tal-istazzjon bażi (id-downlink tal-FDD) tkun tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-medda li tibda b’2 110 MHz u li tispiċċa fuq 2 170 MHz (“il-medda ta’ fuq”).

(2)

Id-daqs tal-blokka assenjata għandu jkun f’multipli ta’ 5 MHz (1). Il-limitu tal-frekwenzi ta’ isfel ta’ blokka assenjata fil-medda ta’ isfel ta’ 1 920-1 980 MHz għandu jiġi allinjat jew spazjat f’multipli ta’ 5 MHz mit-tarf ta’ isfel ta’ 1 920 MHz. Il-limitu tal-frekwenzi ta’ isfel ta’ blokka assenjata fil-medda ta’ fuq ta’ 2 110-2 170 MHz għandu jiġi allinjat jew spazjat f’multipli ta’ 5 MHz mit-tarf ta’ isfel ta’ 2 110 MHz. Blokka assenjata jista’ wkoll ikollha daqs fil-medda ta’ 4,8-5 MHz sakemm iżżomm mal-konfini ta’ blokka ta’ 5 MHz kif definit hawn fuq.

(3)

Il-medda ta’ isfel ta’ 1 920-1 980 MHz jew porzjonijiet minnha, jistgħu jintużaw biss għal operazzjoni tal-uplink biss (2), mingħajr l-użu ta’ spettru akkoppjat fil-medda ta’ fuq ta’ 2 110-2 170 MHz.

(4)

Il-medda ta’ fuq ta’ 2 110-2 170 MHz jew porzjonijiet minnha, jistgħu jintużaw għal operazzjoni tad-downlink biss (3) mingħajr l-użu ta’ spettru akkoppjat fil-medda ta’ isfel ta’ 1 920-1 980 MHz.

(5)

It-trażmissjoni mill-istazzjonijiet bażi u mill-istazzjonijiet terminali għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi speċifikati fil-Parti Ċ u fil-Parti D, rispettivament.

C.   KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-ISTAZZJONIJIET BAŻI – BLOCK EDGE MASK

Il-parametri tekniċi li ġejjin għall-istazzjonijiet bażi msejħa Block Edge Mask (BEM) huma komponent essenzjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-koeżistenza bejn netwerks biswit xulxin, fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-operaturi ta’ tali netwerks biswit xulxin. Jistgħu jintużaw ukoll parametri tekniċi inqas strinġenti, jekk ikun hemm qbil fost l-operaturi affettwati kollha ta’ tali netwerks, diment li dawn l-operaturi jkomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta’ servizzi, ta’ applikazzjonijiet jew ta’ netwerks oħra u mal-obbligi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni transfruntiera.

Il-BEM tikkonsisti minn diversi elementi mogħtija fit-Tabella 1. Il-limitu tal-potenza ġewwa l-blokka jiġi applikat fir-rigward ta’ blokka assenjata lil operatur. Il-limitu tal-potenza tal-linja bażi, maħsub biex jipproteġi l-ispettru ta’ operaturi oħra, u l-limitu tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali, li jippermetti li jsir roll-off tal-filtru mil-limitu tal-potenza ġewwa l-blokka għal dak tal-linja bażi, jirrappreżentaw elementi ’l barra mill-blokka.

Il-limiti tal-potenza huma pprovduti b’mod separat għall-AAS mhux attivi u għall-AAS attivi. Għall-AAS mhux attivi, il-limiti tal-potenza japplikaw għall-EIRP medja. Għall-AAS attivi, il-limiti tal-potenza japplikaw għat-TRP medja (4). L-EIRP medja jew it-TRP medja jiġu mkejla skont il-medja f’intervall ta’ ħin u fil-wisa’ tal-medda tal-kejl. Fid-dominju tal-ħin, l-EIRP medja jew it-TRP medja jiġu mkejla skont il-medja tal-porzjonijiet attivi tal-emissjonijiet tas-sinjal u jikkorrispondu għal funzjonalità unika tal-kontroll tal-potenza. Fid-dominju tal-frekwenzi, l-EIRP medja jew it-TRP medja jiġu ddeterminati skont il-wisa’ tal-medda tal-kejl kif muri fit-Tabelli 2, 3 u 4 ta’ hawn taħt (5). B’mod ġenerali, u sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, il-livelli tal-potenza tal-BEM jikkorrispondu għall-potenza aggregata rradjata mill-apparat rilevanti, inkluż l-antenni tat-trażmissjoni kollha, għajr fil-każ ta’ rekwiżiti tal-linja bażi u ta’ tranżizzjoni għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi, li jkunu speċifikati għal kull antenna.

Block Edge Mask (BEM)

Image 2

Tabella 1

Definizzjoni tal-elementi BEM

Element BEM

Definizzjoni

Ġewwa l-blokka

Tirreferi għal blokka li minnha tiġi dderivata l-BEM.

Linja bażi

Spettru fil-medda ta’ frekwenzi tad-downlink tal-FDD li tintuża għall-WBB ECS, bl-eċċezzjoni tal-blokka assenjata lill-operatur u r-reġjuni tranżizzjonali korrispondenti.

Reġjun tranżizzjonali

Spettru fil-medda tad-downlink tal-FDD ta’ 0 sa 10 MHz ’l isfel u ta’ 0 sa 10 MHz ’il fuq mill-blokka assenjata lill-operatur. Ir-reġjuni tranżizzjonali ma japplikawx taħt l-2 110 MHz jew ’il fuq minn 2 170 MHz.


Tabella 2

Il-limiti tal-potenza ġewwa l-blokka għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi u b’AAS attivi

Element BEM

Medda ta’ frekwenzi

Limitu tal-EIRP għall-AAS mhux attivi

Limitu tat-TRP għall-AAS attivi

Ġewwa l-blokka

Blokka assenjata lill-operatur

Mhux obbligatorju.

F’każ li jiġi stabbilit limitu superjuri minn Stat Membru, jista’ jiġi applikat valur ta’ 65 dBm/(5 MHz) għal kull antenna.

Mhux obbligatorju.

F’każ li jiġi stabbilit limitu superjuri minn Stat Membru, jista’ jiġi applikat valur ta’ 57 dBm/(5 MHz) għal kull ċellola (6).

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabella 2:

Il-limitu korrispondenti tat-TRP ġewwa l-blokka huwa ddeterminat skont il-linji gwida mogħtija f’ETSI TS 138 104 (V15.6.0), l-Anness F, it-taqsimiet F.2 u F.3, abbażi ta’ gwadann tal-antenna ta’ 17 dBi u total ta’ tmien elementi tal-antenna li jiffurmaw raġġ (fattur ta’ skalar ta’ 9 dB):

65 dBm/(5 MHz) - 17 dBi + 9 dB = 57 dBm/(5 MHz).

Tabella 3

Il-limiti tal-potenza tal-linja bażi ’l barra mill-blokka għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi u b’AAS attivi

Element BEM

Medda ta’ frekwenzi fid-downlink tal-FDD

Limitu tal-EIRP medja għall-AAS mhux attivi għal kull antenna (7)

Limitu tat-TRP medja għall-AAS attivi għal kull ċellola (8)

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Linja bażi

Frekwenzi spazjati iktar minn 10 MHz mit-tarf ta’ isfel jew ta’ fuq tal-blokka

9 dBm

1 dBm

5 MHz


Tabella 4

Il-limiti tal-potenza ’l barra mill-blokka tar-reġjun tranżizzjonali għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi u b’AAS attivi

Element BEM

Medda ta’ frekwenzi fid-downlink tal-FDD

Limitu tal-EIRP medja għall-AAS mhux attivi għal kull antenna (9)

Limitu tat-TRP medja għall-AAS attivi għal kull ċellola (10)

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Reġjun tranżizzjonali

-10 sa -5 MHz mit-tarf ta’ isfel tal-blokka

11 dBm

3 dBm

5 MHz

-5 sa 0 MHz mit-tarf ta’ isfel tal-blokka

16,3 dBm

8 dBm

5 MHz

0 sa +5 MHz mit-tarf ta’ fuq tal-blokka

16,3 dBm

8 dBm

5 MHz

+ 5 sa +10 MHz mit-tarf ta’ fuq tal-blokka

11 dBm

3 dBm

5 MHz

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabelli 3 u 4:

B’allinjament mal-istandardizzazzjoni tal-potenza kondotta b’emissjonijiet mhux mixtieqa (TRP) għall-istazzjonijiet bażi b’AAS attivi f’ETSI TS 138 104 (V15.6.0), l-Anness F, it-taqsimiet F.2 u F.3, il-limiti tat-TRP ’il barra mill-blokka jiġu stabbiliti għal valur li jikkorrispondi għat-total ta’ tmien elementi tal-antenna li jiffurmaw raġġ, u dan iwassal għal differenza ta’ 8 dB bejn l-AAS attivi u l-AAS mhux attivi bħal fil-każ ġewwa l-blokka.

D.   KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-ISTAZZJONIJIET TERMINALI

Tabella 5

Il-limitu tal-potenza ġewwa l-blokka tal-BEM tal-istazzjonijiet terminali

Potenza massima medja ġewwa l-blokka (11)

24 dBm

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabella 5:

L-Istati Membri jistgħu jillaxkaw dan il-limitu għal tqegħid speċifiku, eż. stazzjonijiet terminali fissi f’żoni rurali, diment li ma tiġix kompromessa l-protezzjoni ta’ servizzi, ta’ netwerks u ta’ applikazzjonijiet oħra u diment li l-obbligi transfruntiera jiġu ssodisfati.


(1)  Peress li l-ispazjar tal-kanali UMTS huwa ta’ 200 kHz, il-frekwenza ċentrali ta’ blokka allokata li tintuża għall-UMTS tista’ tiġi kkumpensata b’100 kHz miċ-ċentru tal-blokka fl-arranġament tal-frekwenzi.

(2)  Pereżempju UpLink Supplimentari (SUL)

(3)  Pereżempju DownLink Supplimentari (SDL)

(4)  TRP hija unità ta’ kejl tal-potenza reali rradjata mill-antenna. EIRP u TRP huma ekwivalenti għall-antenni iżotropiċi.

(5)  Il-wisa’ tal-banda tal-kejl reali tat-tagħmir tal-kejl li jintuża għall-finijiet ta’ ttestjar tal-konformità tista’ tkun iżgħar mill-wisa’ tal-banda tal-kejl ipprovduta f’dawk it-tabelli.

(6)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata għall-AAS attivi japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(7)  Il-livell tal-BEM għall-AAS mhux attivi huwa definit għal kull antenna u huwa applikabbli għal konfigurazzjoni tal-istazzjon bażi b’massimu ta’ erba’ antenni għal kull settur.

(8)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata għall-AAS attivi japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(9)  Il-livell tal-BEM għall-AAS mhux attivi huwa definit għal kull antenna u huwa applikabbli għal konfigurazzjoni tal-istazzjon bażi b’massimu ta’ erba’ antenni għal kull settur.

(10)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata għall-AAS attivi japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(11)  Dan il-limitu tal-potenza huwa speċifikat bħala l-EIRP għall-istazzjonijiet terminali ddisinjati biex ikunu fissi jew installati, u bħala t-TRP għall-istazzjonijiet terminali ddisinjati biex ikunu mobbli jew nomadiċi. EIRP u TRP huma ekwivalenti għall-antenni iżotropiċi. Huwa rikonoxxut li dan il-valur jista’ jkun soġġett għal tolleranza definita fl-istandards armonizzati biex jitqiesu l-operat f’kundizzjonijiet ambjentali estremi u l-firxa tal-produzzjoni.


Top