Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0555

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2020/555 tat-22 ta’ April 2020 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha

    C/2020/3000

    ĠU L 127I, 22.4.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/555/oj

    22.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 127/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2020/555

    tat-22 ta’ April 2020

    li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tiżgura li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha jiffunzjona bla xkiel, anke f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

    (2)

    F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk parti jew il-Membri kollha tal-Kummissjoni ma jitħallewx jattendu laqgħa tal-Kummissjoni personalment, il-President jista’ jistieden lil dawn biex jipparteċipaw permezz ta’ sistemi ta’ telekomunikazzjoni li jippermettu l-identifikazzjoni u l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom.

    (3)

    Il-membri li jipparteċipaw f’laqgħa tal-Kummissjoni permezz ta’ sistemi ta’ telekomunikazzjoni għandhom jitqiesu bħala preżenti għall-finijiet tal-kworum.

    (4)

    Għall-awtentikazzjoni tal-atti adottati f’tali laqgħa l-firma tan-nota sommarja mill-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jistgħu jiġu sostitwiti bil-kunsens bil-miktub tagħhom.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (1) huma emendati kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 5(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk parti jew il-Membri kollha tal-Kummissjoni ma jitħallewx jattendu laqgħa tal-Kummissjoni personalment, il-President jista’ jistieden lil dawn biex jipparteċipaw permezz ta’ sistemi ta’ telekomunikazzjoni li jippermettu l-identifikazzjoni u l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom.”

    (2)

    Fl-Artikolu 7, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Meta l-President jagħmel użu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), il-Membri tal-Kummissjoni li jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet permezz tas-sistemi ta’ telekomunikazzjoni msemmija fih għandhom jitqiesu bħala preżenti għall-finijiet tal-kworum.”

    (3)

    Fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Meta l-President jagħmel użu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), il-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ hawn fuq jistgħu jattendu l-laqgħat permezz tas-sistemi tat-telekomunikazzjoni msemmija fl-imsemmi subparagrafu.”

    (4)

    Fl-Artikolu 17(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Meta l-President jagħmel użu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), u meta ċ-ċirkostanzi ma jippermettux li tiġi ffirmata n-nota, il-kunsens espliċitu bil-miktub tal-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jistgħu eċċezzjonalment jissostitwixxu l-firma rispettiva tagħhom u għandhom jiġu mehmuża man-nota.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.


    Top