Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0545

    Deċiżjoni (UE) 2020/545 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2020 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    ĠU L 125, 21.4.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/545/oj

    21.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2020/545 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ April 2020

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi,

    (1)

    L-Istrument ta’ Flessibbiltà huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti disponibbli ta’ intestatura jew intestaturi oħra.

    (2)

    Il-limitu massimu tal-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibilità jlaħħaq EUR 600 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2), żdied, fejn applikabbli mill-ammonti skaduti li saru disponibbli skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.

    (3)

    Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19, jenħtieġ li jiġu mobilizzati ammonti għall-finanzjament ta’ miżuri xierqa bħala kwistjoni ta’ urġenza. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst il-finanzjament għat-tisħiħ meħtieġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

    (4)

    Wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt illimitu massimu tan-nefqa għall-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza), huwa meħtieġ li jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Flessibilità biex jissupplimenta l-finanzjament fil-baġit ġenerali talUnjoni għas-sena finanzjarja 2020 lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3 bl-ammont ta’ EUR 73 300 000, biex jiġu ffinanzjati miżuri immedjati fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

    (5)

    Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità jenħtieġ li jiġu mqassma fuq sentejn finanzjarji.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni hija marbuta mal-finanzjament inkluż fil-baġit emendatorju Nru 1 għallbaġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2020. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma’ dak il-baġit emendatorju, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, l-Istrument ta’ Flessibilità għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 73 300 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn fl-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza).

    Dan l-ammont għandu jintuża biex jiffinanzja miżuri immedjati fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

    2.   Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għandhom ikunu stmati kif ġej:

    (a)

    EUR 43 300 000 fl-2020;

    (b)

    EUR 30 000 000 fl-2021.

    L-ammonti speċifiċi ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu awtorizzati f’konformità mal-proċedura baġitarja annwali.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mis-17 ta’ April 2020.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GRLIĆ RADMAN


    (1)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


    Top