Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0254

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/254 tal-25 ta' Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia

    ST/5958/2020/INIT

    ĠU L 54I, 26.2.2020, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/254/oj

    26.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 54/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/254

    tal-25 ta' Frar 2020

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2071 (1) li taħtar lis-Sur Toivo KLAAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia.

    (2)

    Fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 (2) li testendi l-mandat tar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fid-29 ta' Frar 2020.

    (3)

    Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar u jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta' referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2020 sat-28 ta' Frar 2021.

    (4)

    Ir-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJON:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Toivo KLAAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia huwa estiż sat-28 ta' Frar 2021. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi mitmum aktar kmieni, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ)".

    (2)

    Fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    "L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2020 sat-28 ta' Frar 2021 għandu jkun ta' EUR 2 900 000.".

    (3)

    Fl-Artikolu 14, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    "Ir-rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat tar-RSUE għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta' Novembru 2020.".

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2020.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. METELKO-ZGOMBIĆ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2071 tat-13 ta' Novembru 2017 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 55).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/907 tal-25 ta' Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 27).


    Top