This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D0143
Council Decision (EU) 2020/143 of 28 January 2020 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Administrative Committee for the Customs Convention on the international transport of goods under cover of TIR carnets as regards the amendment of the Convention
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/143 tat-28 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/143 tat-28 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni
ST/5203/2020/INIT
ĠU L 32, 4.2.2020, p. 8–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 32/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/143
tat-28 ta' Jannar 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR tal-14 ta' Novembru 1975 ("il-Konvenzjoni TIR") ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 (1) u daħlet fis-seħħ fl-Unjoni fl-20 ta' Ġunju 1983 (2). |
(2) |
Skont l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv jista' jadotta emendi għal dik il-konvenzjoni b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw. |
(3) |
Waqt sessjoni fi Frar 2020, il-Kumitat Amministrattiv , , għandu jadotta Anness 11 ġdid u emendi relatati mal-Konvenzjoni TIR. |
(4) |
Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni TIR ser ikollhom effett legali fl-Unjoni. |
(5) |
L-Unjoni tappoġġa l-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR u l-emendi meħtieġa għall-korp tal-Konvenzjoni TIR għaliex dawn isegwu l-politika stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) skont liema, fil-prinċipju, il-komunikazzjonijiet kollha mal-awtoritajiet doganali għandhom ikunu elettroniċi. |
(6) |
Paragrafu (s) ġdid tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni TIR għandu jiddefinixxi l-"proċedura eTIR" applikabbli għall-iskambju elettroniku tad-data bejn awtoritajiet doganali. |
(7) |
Kwart ġdid tal-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni TIR għandu jistabbilixxi korp tekniku ta' implimentazzjoni li għandu jadotta l-ispeċifikazzjoni teknika tas-sistema internazzjonali eTIR, mingħajr preġudizzju għall-qafas sostantiv u istituzzjonali tal-Konvenzjoni TIR. |
(8) |
Artikolu 60 bis ġdid għandu jistabbilixxi l-proċedura speċjali għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR u ta' kwalunkwe emenda futura għal dak l-Anness. |
(9) |
L-emendi għall-Artikoli 43, 59 u 61 tal-Konvenzjoni TIR għandhom jagħmlu l-adattamenti meħtieġa għall-introduzzjoni tal-Anness 11 il-ġdid. |
(10) |
L-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR għandu jippermetti lill-Partijiet Kontraenti marbuta minn dak l-Anness jużaw l-operazzjonijiet eTIR. Għandu jippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jagħżlu f'liema ħin jistgħu jgħaqqdu s-sistemi tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR. |
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' emendi mehmuż ma' din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv waqt it-tnejn u sebgħin sessjoni jew f'sessjoni sussegwenti għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' emendi mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat Amministrattiv, li jaġixxu b'mod konġunt.
Artikolu 3
Bidliet tekniċi żgħar fl-abbozz ta' emendi msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta' Novembru 1975 f'Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
Abbozz ta' emendi għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (il-Konvenzjoni TIR tal-1975)
A. Emendi għall-Konvenzjoni TIR
1. Paragrafu (s) ġdid f'Artikolu 1
(s) |
It-terminu "proċedura eTIR" għandu jfisser il-proċedura TIR, implimentata permezz ta' skambju elettroniku ta' data, li tipprovdi l-ekwivalenti funzjonali għall-Carnet TIR. Billi japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR, l-ispeċifiċitajiet tal-proċedura eTIR huma definiti fl-Anness 11. |
1bis. Artikolu 3(b)
(b) |
l-operazzjonijiet tat-trasport għandhom ikunu garantiti mill-assoċjazzjonijiet awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6. Dawn iridu jitwettqu taħt kopertura ta' Carnet TIR, li għandu jkun konformi mal-mudell riprodott fl-Anness 1 ta' din il-Konvenzjoni jew jitwettqu permezz tal-proċedura eTIR. |
2. Artikolu 43
In-Noti ta' Spjegazzjoni stabbiliti fl-Anness 6, fil-Parti III tal-Anness 7, u fil-Parti II tal-Anness 11 jinterpretaw ċerti dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u tal-Annessi tagħha. Huma jiddeskrivu wkoll ċerti prattiki rakkomandati.
3. Kwart ġdid tal-Artikolu 58
Għandu jiġi stabbilit Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni. Il-kompożizzjoni, il-funzjonijiet u r-regoli ta' proċedura tiegħu huma stabbiliti fl-Anness 11.
4. Artikolu 59
1. |
Din il-Konvenzjoni, inkluż l-Annessi tagħha, tista' tiġi emendata fuq proposta ta' Parti Kontraenti permezz tal-proċedura speċifikata f'dan l-Artikolu. |
2. |
Ħlief kif hemm previst fl-Artikolu 60 bis, kwalunkwe emenda proposta għal din il-Konvenzjoni għandha titqies mill-Kumitat Amministrattiv magħmul mill-Partijiet Kontraenti kollha skont ir-regoli ta' proċedura stabbiliti fl-Anness 8. Kwalunkwe emenda bħal din meqjusa jew ippreparata waqt il-laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv u adottata minnu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti u li jivvotaw għandha tkun ikkomunikata mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għall-aċċettazzjoni tagħhom. |
3. |
Ħlief kif inhu previst fl-Artikoli 60 u 60 bis, kwalunkwe emenda proposta li tkun ġiet ikkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta' perijodu ta' tnax-il xahar wara d-data tal-komunikazzjoni tal-emenda proposta, u meta matul dan il-perijodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti. |
4. |
Jekk tkun ġiet ikkomunikata oġġezzjoni għall-emenda proposta skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu,, għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u m'għandu jkollha l-ebda effett. |
5. Artikolu 60 bis ġdid
Proċedura speċjali għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 u l-emendi tiegħu
1. |
L-Anness 11, ikkunsidrat skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 59 għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta' perijodu ta' tnax-il xahar wara d-data ta' komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti, ħlief għal dawk il-Partijiet Kontraenti li jkunu nnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali bil-miktub, matul il-perijodu msemmi qabel ta' tliet xhur, dwar in-nonaċċettazzjoni tagħhom tal-Anness 11. L-Anness 11 għandu jidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti li jirtiraw in-notifika tagħhom ta' nonaċċettazzjoni sitt xhur wara d-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva l-irtirar ta' din in-notifika. |
2. |
Kull emenda proposta għall-Anness 11 għandha tiġi kkunsidrata mill-Kumitat Amministrattiv. Dawn l-emendi għandhom jiġu adottati mill-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw. |
3. |
L-emendi għall-Anness 11 li jkunu kkunsidrati u adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti kollha għall-informazzjoni jew, għal dawk il-Partijiet Kontraenti li huma marbuta bl-Anness 11, għall-aċċettazzjoni. |
4. |
Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn l-emendi għandha tiġi determinata fiż-żmien tal-adozzjoni tagħhom, b'maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw. |
5. |
L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu sakemm f'xi data qabel, determinata fiż-żmien tal-adozzjoni, ma jkunx hemm kwint inkella ħamsa mill-Istati li huma Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11, skont liema numru jkun inqas, li jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali dwar l-oġġezzjoni tagħhom għall-emendi. |
6. |
Mad-dħul fis-seħħ, kwalunkwe emenda adottata skont il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu għandha għall-Partijiet Kontraenti kollha marbuta bl-Anness 11 tissostitwixxi u tieħu post kwalunkwe dispożizzjoni preċedenti li għaliha tirreferi l-emenda. |
6. Artikolu 61
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti kollha u lill-Istati kollha msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 52 ta' din il-Konvenzjoni dwar kwalunkwe talba, komunikazzjoni jew oġġezzjoni skont l-Artikoli 59, 60 u 60 bis hawn fuq u dwar id-data li fiha kwalunkwe emenda tidħol fis-seħħ.
7. Subparagrafu ġdid (xi) fil-paragrafu 3 tal-Parti I tal-Anness 9
(xi) |
jikkonferma, fil-każ ta' proċedura alternattiva deskritta fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 tal-Anness 11, għall-Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, li l-garanzija hija valida, li trasport TIR jitwettaq skont il-proċedura eTIR u jipprovdi informazzjoni oħra rilevanti għat-trasport TIR. |
B. Anness 11 - Il-proċedura eTIR
1. Parti I
Artikolu 1
Ambitu tal-applikazzjoni
1. Id-dispożizzjonijiet f'dan l-Anness jirregolaw l-implimentazzjoni tal-proċedura eTIR kif definita fil-paragrafu (s) tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni u għandhom japplikaw fir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti marbuta b'dan l-Anness, kif previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 60 bis.
2. Il-proċedura eTIR ma tistax tintuża għal trasporti li jseħħu parzjalment fit-territorju ta' Parti Kontraenti, li mhijiex marbuta bl-Anness 11 u li hija Stat Membru ta' unjoni doganali jew ekonomika b'territorju doganali wieħed.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness:
(a) |
It-terminu "sistema internazzjonali eTIR" għandu jfisser is-sistema tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) ippjanata biex tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni elettronika bejn l-atturi involuti fil-proċedura eTIR. |
(b) |
It-terminu "speċifikazzjonijiet eTIR" għandu jfisser l-ispeċifikazzjonijiet konċettwali, funzjonali u tekniċi tal-proċedura eTIR adottata u emendata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta' dan l-Anness. |
(c) |
It-terminu "data TIR bil-quddiem" għandu jfisser id-data ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq, skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR, dwar l-intenzjoni tad-detentur li jqiegħed oġġetti taħt il-proċedura eTIR. |
(d) |
It-terminu "data dwar emendi bil-quddiem" għandu jfisser id-data ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni, skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR, dwar l-intenzjoni tad-detentur li jemenda d-data tad-dikjarazzjoni. |
(e) |
It-terminu "data tad-dikjarazzjoni" għandu jfisser id-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem li ġew aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti. |
(f) |
It-terminu "dikjarazzjoni" għandu jfisser l-att li bih id-detentur, jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, jindika, skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-intenzjoni li l-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura eTIR. Mill-mument ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi tad-data TIR bil-quddiem jew tad-data dwar emendi bil-quddiem, u t-trasferiment tad-data tad-dikjarazzjoni fis-sistema internazzjonali eTIR, dan għandu jikkostitwixxi l-ekwivalenti legali ta' Carnet TIR aċċettat. |
(g) |
It-terminu "dokument ta' akkumpanjament" għandu jfisser id-dokument stampat, iġġenerat b'mod elettroniku mis-sistema doganali, wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, f'konformità mal-linji gwida li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR. Id-dokument ta' akkumpanjament jista' jintuża biex jiġu rreġistrati inċidenti waqt ir-rotta u jieħu post ir-rapport iċċertifikat skont l-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni u għall-proċedura alternattiva. |
(h) |
It-terminu "awtentikazzjoni" għandu jfisser proċess elettroniku li jippermetti li l-identifikazzjoni elettronika ta' persuna fiżika jew ġuridika, jew l-oriġini u l-integrità ta' data f'forma elettronika, tiġi kkonfermata. |
Noti ta' Spjegazzjoni għall-Artikolu 2 (h)
11.2 (h)-1 |
Sakemm ikun ġie stabbilit u deskritt approċċ armonizzat fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 jistgħu jawtentikaw lid-detentur bi kwalunkwe proċess previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, inkluż l-isem/il-password tal-utent jew firem elettroniċi, iżda mhux limitati għalihom. |
11.2. (h)-2 |
L-integrità tad-data skambjata bejn is-sistema internazzjonali eTIR u l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-awtentikazzjoni tas-sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) ser jiġu żgurati permezz ta' konnessjonijiet siguri, kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR. |
Artikolu 3
Implimentazzjoni tal-proċedura eTIR
1. Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom jgħaqqdu s-sistemi doganali tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR.
2. Kull Parti Kontraenti hija libera li tistabbilixxi sa liema data hija tgħaqqad is-sistemi doganali tagħha mas-sistema internazzjonali eTIR. Id-data tal-konnessjoni għandha tiġi kkomunikata lill-Partijiet Kontraenti l-oħra kollha marbuta bl-Anness 11 mill-inqas sitt xhur qabel id-data effettiva tal-konnessjoni.
Nota ta' Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 3
11.3.2 |
Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 huma rrakkomandati li jkollhom is-sistema doganali nazzjonali tagħhom aġġornata u li l-konnessjoni tagħha mas-sistema internazzjonali eTIR tiġi żgurata malli l-Anness 11 jidħol fis-seħħ għalihom. L-unjonijiet doganali jew ekonomiċi jistgħu jiddeċiedu f'data aktar tard, u b'hekk ikollhom żmien biex jgħaqqdu s-sistemi doganali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tagħhom mas-sistema internazzjonali TIR. |
Artikolu 4
Kompożizzjoni, funzjonijiet u regoli ta' proċedura tal-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni
1. Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom ikunu membri tal-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni. Is-sessjonijiet tiegħu għandhom jitlaqqgħu f'intervalli regolari jew fuq talba tal-Kumitat Amministrattiv, kif meħtieġ għaż-żamma tal-ispeċifikazzjonijiet eTIR. Il-Kumitat Amministrattiv għandu jiġi infurmat regolarment dwar l-attivitajiet u l-kunsiderazzjonijiet tal-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni.
2. Il-Partijiet Kontraenti li m'aċċettawx l-Anness 11 kif previst f'paragrafu 1 tal-Artikolu 60 bis u r-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jattendu sessjonijiet tal-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni bħala osservaturi.
3. Il-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni għandu jimmonitorja l-aspetti tekniċi u funzjonali tal-implimentazzjoni tal-proċedura eTIR, kif ukoll jikkoordina u jrawwem l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu.
4. Il-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni għandu, fl-ewwel sessjoni tiegħu, jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu u jissottomettihom lill-Kumitat Amministrattiv għall-approvazzjoni mill-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11.
Artikolu 5
Proċeduri ta' adozzjoni u ta' emenda għall-ispeċifikazzjonijiet eTIR
Il-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni għandu:
(a) |
jadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-proċedura eTIR, u l-emendi għalihom, biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-proċedura eTIR. Fiż-żmien tal-adozzjoni, huwa għandu jiddeċiedi dwar il-perijodu tranżitorju xieraq għall-implimentazzjoni tagħhom. |
(b) |
iħejji l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-proċedura eTIR, u l-emendi għaliha, biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet konċettwali tal-proċedura eTIR. Huma għandhom jiġu trażmessi lill-Kumitat Amministrattiv għall-adozzjoni mill-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw, kif ukoll jiġu implimentati u, meta meħtieġ, jiġu żviluppati fi speċifikazzjonijiet tekniċi f'data li trid tiġi determinata fiż-żmien tal-adozzjoni. |
(c) |
jikkunsidra emendi għall-ispeċifikazzjonijiet konċettwali tal-proċedura eTIR jekk ikun mitlub mill-Kumitat Amministrattiv. L-ispeċifikazzjonijiet konċettwali tal-proċedura eTIR, u l-emendi għaliha, għandhom jiġu adottati minn maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw, kif ukoll jiġu implimentati u, meta meħtieġ, jiġu żviluppati fi speċifikazzjoni funzjonali f'data li għandha tiġi determinata fi żmien l-adozzjoni. |
Artikolu 6
Sottomissjoni ta' data TIR bil-quddiem u ta' data dwar emendi bil-quddiem
1. Id-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem għandhom jiġu ppreżentati mid-detentur, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq u tal-pajjiż li fih tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni. Ladarba d-dikjarazzjoni, jew l-emenda, tkun ġiet aċċettata f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħaddu d-data tad-dikjarazzjoni, jew l-emenda tagħha, lis-sistema internazzjonali eTIR.
2. Id-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem imsemmija f'paragrafu 1 jistgħu jiġu ppreżentati jew direttament lill-awtoritajiet kompetenti jew permezz tas-sistema internazzjonali eTIR.
3. Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom jaċċettaw is-sottomissjoni tad-data TIR bil-quddiem u tad-data dwar emendi bil-quddiem permezz tas-sistema internazzjonali eTIR.
Nota ta' Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 6
11.6.3 |
Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 huma rrakkomandati li jirrikonoxxu, kemm jista' jkun, is-sottomissjoni tad-data TIR bil-quddiem u tad-data dwar emendi bil-quddiem permezz tal-metodi indikati fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi. |
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw il-lista tal-mezzi elettroniċi kollha li bihom tista' tiġi ppreżentata d-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem.
Artikolu 7
Awtentikazzjoni tad-detentur
1. Waqt li jaċċettaw id-dikjarazzjoni fil-pajjiż tat-tluq jew emenda tad-data tad-dikjarazzjoni fi kwalunkwe pajjiż tul l-itinerarju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtentikaw id-data TIR bil-quddiem, jew id-data dwar emendi bil-quddiem, u d-detentur, f'konformità mal-liġi nazzjonali.
2. Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom jaċċettaw l-awtentikazzjoni tad-detentur imwettqa mis-sistema internazzjonali eTIR.
Nota ta' Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 7
11.7.2 |
Is-sistema internazzjonali eTIR tiżgura, permezz ta' mezzi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-integrità tad-data TIR bil-quddiem, jew tad-data dwar emendi bil-quddiem, u li d-data ntbagħtet mid-detentur. |
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw lista ta' mekkaniżmi ta' awtentikazzjoni minbarra dak speċifikat fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jistgħu jintużaw għall-awtentikazzjoni.
4. Il-Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11 għandhom jaċċettaw id-data tad-dikjarazzjoni li jirċievu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq u tal-pajjiż li fih tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni permezz tas-sistema internazzjonali eTIR bħala l-ekwivalenti legali għal Carnet TIR aċċettat.
Nota ta' Spjegazzjoni għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 7
11.7.4 |
Is-sistema internazzjonali eTIR tiżgura, permezz ta' mezzi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-integrità tad-data tad-dikjarazzjoni u li d-data ntbagħtet mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi involuti fit-trasport. |
Artikolu 8
Rikonoxximent reċiproku tal-awtentikazzjoni tad-detentur
L-awtentikazzjoni tad-detentur imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11 li jaċċettaw id-dikjarazzjoni, jew it-tibdil fid-data tad-dikjarazzjoni, għandha tiġi rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti sussegwenti kollha marbutin bl-Anness 11 matul it-trasport TIR.
Nota ta' spjegazzjoni għall-Artikolu 8
11.8 |
Is-sistema internazzjonali eTIR tiżgura, permezz ta' mezzi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-integrità tad-data tad-dikjarazzjoni, inkluż ir-referenza għad-detentur, awtentikata mill-awtoritajiet kompetenti li jaċċettaw id-dikjarazzjoni, irċevuta mill-awtoritajiet kompetenti u trażmessa lilhom. |
Artikolu 9
Rekwiżiti addizzjonali tad-data
1. Minbarra d-data speċifikata fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu data addizzjonali stipulata mil-leġislazzjoni nazzjonali.
2. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jillimitaw kemm jista' jkun ir-rekwiżiti tad-data għal dawk li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi u jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' data addizzjonali sabiex ma jfixklux it-trasporti TIR imwettqa skont dan l-Anness.
Artikolu 10
Proċedura alternattiva
1. Fejn il-proċedura eTIR ma tistax tinbeda għal raġunijiet tekniċi fl-uffiċċju doganali tat-tluq, id-detentur tal-Carnet TIR jista' jerġa' lura għall-proċedura TIR.
2. Fejn proċedura eTIR tkun bdiet iżda l-kontinwazzjoni tagħha tiġi mfixkla għal raġunijiet tekniċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw id-dokument ta' akkumpanjament u jipproċessawh f'konformità mal-proċedura deskritta fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, soġġett għad-disponibbiltà ta' informazzjoni addizzjonali minn sistemi elettroniċi alternattivi kif deskritt fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti huma intitolati wkoll li jitolbu lill-assoċjazzjonijiet garanti nazzjonali jikkonfermaw li l-garanzija hija valida, li trasport TIR jitwettaq skont il-proċedura eTIR, u jipprovdu informazzjoni oħra rilevanti għat-trasport TIR.
4. Il-proċedura deskritta fil-paragrafu 3 għandha tiġi stabbilita fil-ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-assoċjazzjoni garanti nazzjonali, kif stipulat fil-paragrafu 1 (d) tal-Parti I tal-Anness 9.
Artikolu 11
Ospitar tas-sistema internazzjonali eTIR
1. Is-sistema internazzjonali eTIR għandha tkun ospitata u amministrata taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa (KEE) tan-Nazzjonijiet Uniti.
2. Il-KEE għandha tassisti lill-pajjiżi biex jgħaqqdu s-sistemi doganali tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR, inkluż permezz ta' testijiet ta' konformità biex ikun żgurat it-tħaddim kif suppost tagħhom qabel il-konnessjoni operazzjonali.
3. Ir-riżorsi meħtieġa għandhom ikunu disponibbli għall-KEE sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi stabbiliti f'paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Sakemm is-sistema internazzjonali eTIR ma tkunx iffinanzjata minn riżorsi mill-baġit regolari tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżorsi meħtieġa għandhom ikunu soġġetti għar-regoli u r-regolamenti finanzjarji għall-fondi extrabaġitarji u għall-proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-mekkaniżmu ta' finanzjament għat-tħaddim tas-sistema internazzjonali eTIR fil-KEE għandu jiġi deċiż u approvat mill-Kumitat Amministrattiv.
Nota ta' Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 11
11.11.3 |
Jekk ikun meħtieġ, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jiffinanzjaw l-ispejjeż operazzjonali tas-sistema internazzjonali eTIR permezz ta' ammont għal kull trasport TIR. F'każijiet bħal dawn, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu dwar iż-żmien xieraq biex jiġu introdotti mekkaniżmi alternattivi ta' finanzjament u dwar il-modalitajiet tagħhom. Il-baġit meħtieġ għandu jitħejja mill-KEE, jiġi rieżaminat mill-Korp Tekniku ta' Implimentazzjoni u approvat mill-Kumitat Amministrattiv. |
Artiklu 12
Amministrazzjoni tas-sistema internazzjonali eTIR
1. Il-KEE għandha tagħmel l-arranġamenti xierqa għall-ħżin u l-arkivjar tad-data fis-sistema internazzjonali eTIR għal perijodu minimu ta' 10 snin.
2. Id-data kollha maħżuna fis-sistema internazzjonali eTIR tista' tintuża mill-KEE f'isem il-korpi kompetenti ta' din il-Konvenzjoni għall-iskop ta' estrazzjoni ta' statistika aggregata.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti li fit-territorju tagħhom jitwettaq trasport TIR skont il-proċedura eTIR, li jsir is-suġġett ta' proċeduri amministrattivi jew legali rigward l-obbligu ta' ħlas tal-persuna jew persuni direttament responsabbli jew tal-assoċjazzjoni garanti nazzjonali, jistgħu jitolbu lill-KEE u jiksbu informazzjoni maħżuna fis-sistema internazzjonali eTIR li tappartjeni għat-talba fit-tilwima għal finijiet ta' verifika. Din l-informazzjoni tista' tingħata bħala evidenza fi proċeduri nazzjonali amministrattivi jew legali.
4. F'każijiet oħra minbarra dawk speċifikati f'dan l-Artikolu, it-tixrid jew id-divulgazzjoni ta' informazzjoni maħżuna fis-sistema internazzjonali eTIR lil persuni jew entitajiet mhux awtorizzati għandhom ikunu pprojbiti.
Artikolu 13
Pubblikazzjoni tal-uffiċċji doganali li jistgħu jimmaniġġaw eTIR
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-lista ta' uffiċċji doganali tat-tluq, ta' uffiċċji doganali tul ir-rotta u ta' uffiċċji doganali tad-destinazzjoni approvati għat-twettiq ta' operazzjonijiet TIR skont il-proċedura eTIR, tkun f'kull ħin preċiża u aġġornata fil-bażi tad-data elettronika għall-uffiċċji doganali approvati, żviluppata u miżmuma mill-Bord Eżekuttiv TIR.
Artikolu 14
Rekwiżiti legali għas-sottomissjoni ta' data skont l-Anness 10 tal-Konvenzjoni TIR
Ir-rekwiżiti legali għas-sottomissjoni ta' data, kif stipulati fil-paragrafi 1, 3 u 4 tal-Anness 10 ta' din il-Konvenzjoni, jitqiesu li ġew issodisfati bl-implimentazzjoni tal-proċedura eTIR.