Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0048

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/48 tal-21 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    XT/21008/2020/INIT

    ĠU L 16I, 21.1.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/48/oj

    Related international agreement

    21.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 16/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/48

    tal-21 ta’ Jannar 2020

    li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-11 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (1) dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    (2)

    Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (2), il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, għall-ewwel estenda l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) TUE sat-12 ta’ April 2019. Dak il-perijodu kien ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 (3), meħuda bi qbil mar-Renju Unit, u mbagħad sal-31 ta’ Jannar 2020 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 (4), meħuda bi qbil mar-Renju Unit.

    (3)

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif aġġornat (5), jipprevedi li, meta ssir in-notifika bil-miktub li tkun lestiet il-proċeduri interni neċessarji tagħha, l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat Membru li jkun qajjem raġunijiet marbuta mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, tkun tista’ tiddikjara li, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, b’żieda mar-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni ta’ xi mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (6), l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ta’ dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jirrifjutaw li jikkonsenjaw ċittadini minn tagħhom lir-Renju Unit skont xi Mandat ta’ Arrest Ewropew. F’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/274, dawk l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jużaw il-possibbiltà prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan qabel il-15 ta’ Frar 2019.

    (4)

    Meta jitqiesu d-diversi estensjonijiet tal-perijodu skont l-Artikolu 50(3) TUE jkun xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 biex jiġi stabbilit perijodu limitat ġdid li matulu l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jużaw dik il-possibbiltà prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 jkun jenħtieġ li jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. F’din l-okkażjoni, ikun xieraq li tiġi aġġornata r-referenza għall-paragrafu rilevanti tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    (5)

    Id-Deċiżjoni (UE) 2019/274 jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Kif previst fl-Artikolu 50(4) tat-TUE, ir-Renju Unit ma ħa sehem la fid-diskussjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw din id-deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/274 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 4

    Dawk l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jużaw il-possibbiltà prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan qabel it-28 ta’ Jannar 2020.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. METELKO-ZGOMBIĆ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47I, 19.2.2019, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta’ Marzu 2019, li testendi l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tal-11 ta’ April 2019, li testendi l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tad-29 ta’ Ottubru 2019, li testendi l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE (ĠU L 278 I, 30.10.2019, p. 1).

    (5)  Il-verżjoni adattata tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kienet ippubblikata fil-ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.

    (6)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18/7/2002, p. 1).


    Top