Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0033

    Deċiżjoni (UE) 2020/33 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

    PE/96/2019/REV/1

    ĠU L 14, 17.1.2020, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/33/oj

    17.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 14/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2020/33 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Jannar 2020

    li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (il-Ġordan) qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Fl-24 ta’ Novembru 1997, il-Ġordan iffirma l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002. Taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni u l-Ġordan gradwalment stabbilixxew Żona ta’ Kummerċ Ħieles matul perjodu tranżizzjonali ta’ 12-il sena. Barra minn hekk, fl-2007 daħal fis-seħħ Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni u li jemenda l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Ġordan kif ukoll jibdel l-Annessi I, II, III u IV u l-Protokolli 1 u 2 ta’ dak il-Ftehim (3). F’Diċembru 2009 ġie inizjalat Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra (4), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011. Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika bilaterali ġew żviluppati aktar fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan u tal-Qafas ta’ Appoġġ Uniku adottati għall-2017–2020.

    (2)

    Mill-2011 ’il hawn, il-Ġordan beda għadd ta’ riformi politiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija parlamentari u l-istat tad-dritt. Twaqqfu Qorti Kostituzzjonali u Kummissjoni Elettorali Indipendenti u l-Parlament tal-Ġordan għadda għadd ta’ liġijiet ewlenin, inklużi l-Att Elettorali u l-Att tal-Partiti Politiċi, kif ukoll liġijiet dwar id-deċentralizzazzjoni u l-muniċipalitajiet. Barra minn hekk, sar titjib leġiżlattiv fejn jidħlu l-indipendenza tal-ġudikatura u d-drittijiet tan-nisa.

    (3)

    L-ekonomija tal-Ġordan sofriet b’mod sinifikanti mill-konflitti fit-tul fir-reġjun, b’mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-Iraq u s-Sirja. Dak l-inkwiet reġjonali ħalla impatt qawwi fuq id-dħul estern u dgħajjef il-finanzi pubbliċi. It-turiżmu u l-influssi tal-investiment dirett barrani ġew affettwati b’mod negattiv u r-rotot tal-kummerċ baqgħu mblukkati għal perjodi twal. B’mod separat, il-fluss tal-gass naturali mill-Eġittu kien imfixkel għal diversi snin, u dan wassal għal ħtieġa li tiġi akkwistata enerġija minn sorsi alternattivi bi prezz ogħla. Barra minn hekk, l-ekonomija tal-Ġordan kienet milquta minn influss kbir ta’ refuġjati Sirjani, li żied il-pressjoni fuq il-pożizzjoni fiskali tal-Ġordan, fuq is-servizzi pubbliċi u fuq l-infrastruttura.

    (4)

    F’Awwissu 2016, l-awtoritajiet tal-Ġordan u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) qablu dwar it-tieni programm ta’ aġġustament ekonomiku appoġġat b’Faċilità ta’ Fond Estiża (EFF, Extended Fund Facility) ta’ tliet snin fl-ammont ta’ USD 723 miljun, li segwiet Arranġament ta’ Riżerva ta’ USD 2 000 miljun ta’ tliet snin mill-2012 sal-2015. F’Mejju 2019, il-programm tal-EFF ġie estiż sa Marzu 2020.

    (5)

    F’Diċembru 2016, l-Unjoni adottat it-tieni programm ta’ assistenza makrofinanzjarja (5) (MFA-II) ta’ EUR 200 miljun fil-forma ta’ self, bi tweġiba għal talba mill-Ġordan f’Marzu 2016 u wara li tlesta l-ewwel programm ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 180 miljun implimentat fl-2015. L-MFA-II ġiet b’segwitu għall-impenn li ġie espress fil-konferenza “L-appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun”, li saret f’Londra fl-4 ta’ Frar 2016, fejn l-Unjoni wiegħdet EUR 2 390 miljun fl-2016-2017 f’appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi tar-rifuġjati, inkluż il-Ġordan. Il-Memorandum ta’ Qbil li jiddefinixxi l-kondizzjonijiet ta’ politika relatati mal-MFA-II daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Settembru 2017. L-ewwel pagament tal-MFA-II ġie rilaxxat fis-17 ta’ Ottubru 2017 u t-tieni pagament fil-21 ta’ Ġunju 2019, wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika miftiehma.

    (6)

    Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 kienet tinkludi Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li fiha l-Kummissjoni, fid-dawl tal-isfidi fiskali u taċ-ċirkostanzi straordinarji li qed jiffaċċja l-Ġordan minħabba li qed jospita għadd kbir ta’ Sirjani (1,3 miljun skont l-awtoritajiet Ġordanjani), impenjat ruħha li tippreżenta, jekk ikun xieraq, proposta ġdida għall-estensjoni u ż-żieda tal-assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan, mat-tlestija b’suċċess tal-MFA-II u dment li jkunu ssodisfati l-prekundizzjonijiet tas-soltu għal dak it-tip ta’ assistenza, inkluża valutazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-Ġordan.

    (7)

    Bejn l-2017 u l-2019, l-instabbiltà twila reġjonali, l-iskopertura kbira għall-fluttwazzjoni fil-prezzijiet taż-żejt u ż-żieda fil-kostijiet tas-self għas-swieq emerġenti mad-dinja kollha baqgħu jkunu ta’ piż fuq l-ekonomija Ġordanjana. B’riżultat ta’ dan, it-tkabbir ekonomiku naqas għal darb’ oħra, il-qgħad żdied b’mod sinifikanti, il-ġbir tad-dħul mit-taxxa naqas u tfaċċaw ħtiġijiet ġodda ta’ finanzjament fiskali u estern.

    (8)

    F’dan il-kuntest diffiċli, l-Unjoni u l-komunità internazzjonali reġgħu esprimew l-impenn tagħhom li jappoġġaw lill-Ġordan f’diversi okkażjonijiet sussegwenti, b’mod partikolari waqt il-konferenza ta’ Brussell dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun f’April 2017, fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan f’Lulju 2017 u fil-konferenza Brussell II dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun f’April 2018. Fil-Konferenza “London Initiativ e”, li saret f’Frar 2019, u fil-konferenza Brussell-III li saret f’Marzu 2019, il-komunità internazzjonali u reġjonali tad-donaturi, inkluża l-Unjoni, ikkonfermat mill-ġdid l-intenzjonijiet tagħha li tappoġġa l-isforzi tal-Ġordan biex jippreserva l-istabbiltà makroekonomika u jtejjeb il-prospetti ta’ tkabbir.

    (9)

    Sa mill-bidu tal-kriżi Sirjana fl-2011, l-Unjoni għamlet disponibbli aktar minn EUR 2 100 miljun lill-Ġordan taħt strumenti differenti, inklużi EUR 380 miljun taħt iż-żewġ programmi ta’ assistenza makrofinanzjarja, biex tgħin lill-pajjiż jippreserva l-istabbiltà ekonomika, issostni r-riforma politika u ekonomika u tindirizza l-ħtiġijiet relatati umanitarji, ta’ żvilupp u ta’ sigurtà tal-Ġordan. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment alloka madwar EUR 486 miljun f’self ta’ proġetti lill-Ġordan.

    (10)

    F’Lulju 2019, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u l-prospett ekonomiku li kienu għadhom diffiċli, il-Ġordan talab għal aktar assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

    (11)

    Wara t-tlestija b’suċċess tar-rieżami tat-tieni programm tal-FMI fis-6 ta’ Mejju 2019, il-FMI u l-Ġordan bdew diskussjonijiet dwar programm suċċessur tal-FMI għal wara Marzu 2020 meta huwa mistenni li jkun spiċċa l-arranġament taħt l-EFF.

    (12)

    Minħabba li l-Ġordan huwa pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li jkun ikkunsidrat bħala eliġibbli biex jirċievi assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

    (13)

    L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri qawwija ta’ aġġustament immedjat u ta’ riforma strutturali maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq terminu qasir.

    (14)

    Minħabba li għad hemm nuqqas residwu fil-finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġordan wara li jingħaddu r-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-għoti mill-Unjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan qed titqies, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, bħala tweġiba xierqa għat-talba li l-Ġordan għamel lill-Unjoni biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġordan, flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tal-Ġordan, filwaqt li tissuplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

    (15)

    Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ġordan, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu.

    (16)

    Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet residwi ta’ finanzjament estern tal-Ġordan, u tqis il-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu bir-riżorsi proprji tiegħu, partikolarment ir-riżervi internazzjonali li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkumplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi bilaterali u multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti l-oħrajn tal-Unjoni ta’ finanzjament estern fil-Ġordan u l-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni.

    (17)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda f’dawk l-oqsma, u ma’ linji ta’ politika rilevanti oħrajn tal-Unjoni.

    (18)

    L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Ġordan. Jenħtieġ li s-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

    (19)

    L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija tappoġġa l-impenn tal-Ġordan fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq ir-regoli u b’mod ġust.

    (20)

    Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Ġordan jirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni u s-SEAE jenħtieġ li jimmonitorjaw regolarment kemm it-twettiq tal-prekondizzjonijiet kif ukoll il-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

    (21)

    Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ġordan jadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni ta’, u mal-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza. Barra minn hekk, ftehim ta’ self li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Ġordan jenħtieġ li jkollu fih dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) biex iwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (7) u lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex iwettqu awditi kemm matul kif ukoll wara l-perijodu ta’ disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

    (22)

    Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja.

    (23)

    L-ammonti ta’ proviżjonament meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

    (24)

    L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati ma’ dik l-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

    (25)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (26)

    L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tinnegozja tali kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Ġordan taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.Jenħtieġ li taħt ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tapplika l-proċedura konsultattiva, bħala regola ġenerali, fil-każijiet kollha ħlief kif previst f’dak ir-Regolament. Meta jitqies l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta’ eżami kif speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ġordan, dik il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew kanċellazzjoni ta’ dik l-assistenza,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 500 miljun disponibbli lill-Ġordan (l-“assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u l-aġenda ta’ riforma sostantiva tal-Ġordan. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Ġordan għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

    2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ipprovdut lill-Ġordan fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li, min-naħa tagħha, issellifhom lill-Ġordan. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

    3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew fehim milħuqa bejn il-FMI u l-Ġordan, u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

    4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

    5.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ġordan jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza, jew tissospendiha, jew tikkanċellaha.

    Artikolu 2

    1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

    2.   Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jimmonitorjaw li l-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9).

    Artikolu 3

    1.   Il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Ġordanjani dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b’mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li għalihom għandha tkun soġġetta l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Dik il-politika ekonomika u dawk il-kundizzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil (il-“Memorandum ta’ Qbil”) li għandu jinkludi perjodu ta’ żmien għat-twettiq ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mill-Ġordan bl-appoġġ tal-FMI.

    2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu bil-mod dovut fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-progress li jsir biex jinkisbu dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

    3.   It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġordan (il-“Ftehim ta’ Self”).

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta’ politika ekonomika tal-Ġordan ikunux f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    Artikolu 4

    1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet pagamenti ta’ self. Id-daqs ta’ kull wieħed minn dawk il-pagamenti għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Qbil.

    2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu pprovduti, fejn meħtieġ, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (10).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti skont jekk ikunux twettqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1);

    (b)

    rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri b’saħħithom ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali appoġġati minn arranġament ta’ kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

    (c)

    l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil.

    Ir-rilaxx tat-tieni pagament ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament. Ir-rilaxx tat-tielet pagament ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni pagament.

    4.   Fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni.

    5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Ċentrali tal-Ġordan. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil, inkluża konferma ta’ ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ġordan bħala l-benefiċjarju aħħari.

    Artikolu 5

    1.   L-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self relatati mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni ta’ maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

    2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu u jekk il-Ġordan jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ripagament bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun pariġġjata minn klawżola korrispondenti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self.

    3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk il-Ġordan jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid inizjali minnu ta’ self, kollu jew parti minnu, jew tista’ tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

    4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew ta’ teħid tas-self taħt din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mill-Ġordan.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe żvilupp fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

    Artikolu 6

    1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

    2.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata taħt ġestjoni diretta.

    3.   Il-Ftehim ta’ Self għandu jkun fih dispożizzjonijiet li:

    (a)

    jiżguraw li l-Ġordan jivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ntuża korrettament, li dan jieħu miżuri xierqa biex jipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, jieħu azzjoni legali biex jirkupra kwalunkwe ammont ipprovdut taħt din id-Deċiżjoni li jkun ġie miżapproprjat;

    (b)

    jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta’, u tal-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (12), ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Għal dak l-għan, l-OLAF huwa espressament awtorizzat li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post inklużi operazzjonijiet forensiċi diġitali u intervisti;

    (c)

    jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni (OLAF), jew lir-rappreżentanti tagħha, jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

    (d)

    jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi awditjar ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;

    (e)

    jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ripagament bikri tas-self fejn ikun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Ġordan wettaq kwalunkwe att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

    (f)

    jiżguraw li l-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew ta’ teħid tas-self taħt din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mill-Ġordan.

    4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġordan, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

    Artikolu 7

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 8

    1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:

    (a)

    jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

    (b)

    jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ġordan, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

    (c)

    jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ġordan u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

    2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompletata tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwixxiet għall-għanijiet tal-assistenza.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Jannar 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D.M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. BRNJAC


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2019.

    (2)  ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3.

    (3)  ĠU L 41, 13.2.2006, p. 3.

    (4)  ĠU L 177, 6.7.2011, p. 3.

    (5)  Deċizjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).

    (6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir- Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (7)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

    (10)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

    (11)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (12)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).


    Top