EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2243

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2243 ta’ 17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi mudell għas-sommarju tal-kuntratt li għandhom jużaw il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/9156

ĠU L 336, 30.12.2019, p. 274–280 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2243/oj

30.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/274


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2243

ta’ 17 ta’ Diċembru 2019

li jistabbilixxi mudell għas-sommarju tal-kuntratt li għandhom jużaw il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 102(3) tagħha,

Billi:

(1)

Biex jiġu identifikati l-elementi ewlenin tas-sommarju tal-kuntratt li l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jipprovdu lill-konsumaturi, lill-mikrointrapriżi, lill-intrapriżi żgħar u lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ f’konformità mal-Artikolu 102(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jenħtieġ jiġi stabbilit mudell li jistabbilixxi l-elementi ewlenin tas-sommarju tal-kuntratt. Is-sommarju tal-kuntratt jenħtieġ ikun faċli biex jinqara, jinftiehem u jitqabbel, bi struttura u format komuni.

(2)

L-informazzjoni tas-sommarju tal-kuntratt, disponibbli b’mod stampat jew elettroniku, trid tikkonforma mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà rilevanti fil-liġi tal-Unjoni li tarmonizza r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi previsti mid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

Is-sommarju tal-kuntratt irid jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (3), id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Irid jikkonforma wkoll mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, bħar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(4)

Biex is-sommarju tal-kuntratt ikun se jista’ jinqara faċilment, jenħtieġ li, sakemm ma jkunx ġustifikat kif xieraq, dan ma jkunx jaqbeż l-ekwivalenti ta’ paġna A4 fuq faċċata waħda, meta jiġi stampat b’tipa li tinqara faċilment. Għas-servizzi f’pakketti, jenħtieġ li dan ma jkunx aktar minn tliet paġni A4 fuq faċċata waħda meta jiġi stampat b’tipa li tinqara faċilment. Jista’ jkun ġustifikat iżjed tul, pereżempju, għal raġunijiet ta’ aċċessibbiltà għall-konsumaturi b’diżabbiltà. Biex tkun żgurata l-komparabbiltà bejn l-offerti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, l-istruttura tas-sommarju tal-kuntratt jenħtieġ tkun tiddistingwi bejn l-intestaturi b’mod ċar skont l-elementi differenti li jenħtieġ jinġabru taħthom. Biex il-konsumaturi jifhmuh faċilment u jidentifikaw l-informazzjoni importanti malajr, jenħtieġ li l-elementi rilevanti taħt kull intestatura jiġu deskritti b’sentenzi qosra. Biex ikun jista’ jinqara u jiġi stampat faċilment, jenħtieġ jitħallew biżżejjed marġnijiet bejn it-truf u t-test tas-sommarju tal-kuntratt.

(5)

Hemm bosta fatturi li jiddeterminaw jekk tipa tinqarax faċilment, fosthom hemm ir-relazzjoni bejn id-distanza tal-qari, it-tul tal-karattri u jekk id-daqs tat-tipa jistax jitkabbar faċilment meta jkun elettroniku. Meta jinqara mill-qrib, id-daqs tat-tipa ta’ mill-inqas 10 punti jitqies li jista’ jinqara faċilment għal ħafna konsumaturi. L-intestaturi jenħtieġ ikunu distinti b’mod ċar mit-test, pereżempju permezz ta’ tipa akbar. Biex ikun jista’ jinqara faċilment, jistgħu jintużaw tipi sans-serif użati komunement. Il-leġibbiltà faċli jenħtieġ tkun żgurata wkoll billi jintuża biżżejjed kuntrast, skont prattiki mill-aktar avvanzati, bejn it-tipa u l-isfond, speċjalment meta jintużaw il-kuluri.

(6)

Meta s-sommarju tal-kuntratt ikun jenħtieġ jiġi ppreżentat b’tipa ta’ mill-inqas 10 punti, it-tagħmir elettroniku jew il-mezzi użati għall-bejgħ tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, bħas-servizzi mħallsin minn qabel mibjugħa l-aktar mill-bejjiegħa bl-imnut, jaf ikunu jeħtieġu li jiċċekken is-sommarju tal-kuntratt meta ġustifikat, pereżempju biex jitqiegħed fuq l-imballaġġ jew fuq it-tagħmir. Xi drabi, is-servizzi mħallsin minn qabel jinbiegħu f’imballaġġ b’dimensjonijiet li ma jippermettux l-użu tat-tipa ta’ 10 punti.

(7)

Jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa tingħata direttament fis-sommarju u mhux b’referenza għal sorsi oħra tal-informazzjoni, sakemm dan ma jkunx speċifikat fl-istruzzjonijiet għall-mili tas-sommarju. L-użu ta’ elementi viżwali, bħal simboli, ikoni u grafika jew l-użu ta’ hyperlinks jew pop-ups jenħtieġ li ma jkunux jaffettwaw ħażin il-leġibbiltà faċli u jenħtieġ li ma jkunux intrużivi b’mod li jaljenaw l-attenzjoni tal-konsumatur mill-kontenut tas-sommarju. Il-kontenut tas-sommarju tal-kuntratt jenħtieġ jiffoka fuq l-informazzjoni ewlenija li l-konsumatur jeħtieġ biex iqabbel l-offerti u biex jieħu deċiżjoni infurmata.

(8)

Jenħtieġ ikunu evitati lingwaġġ speċjalizzat, lingwaġġ tekniku u akronimi.

(9)

Hu tassew importanti għall-konsumaturi li s-servizzi jiġu deskritti b’mod standardizzat għall-konsumaturi. Is-servizzi inklużi fis-sommarju tal-kuntratt u l-volumi inklużi għal kull perjodu tal-fattura, meta applikabbli, jenħtieġ jiġu speċifikati. Il-volumi jenħtieġ jirreferu għall-kwantità tat-telefonati, tal-messaġġi u tad-data inklużi fis-servizz, inkluż il-politika dwar l-użu ġust tar-roaming li japplika l-fornitur, meta applikabbli. Is-sejħiet bil-vuċi jenħtieġ jitkejlu bil-minuti jew bis-sekondi skont l-informazzjoni prekuntrattwali tal-fornitur, il-messaġġi jenħtieġ jitkejlu bl-għadd tagħhom, u d-data jenħtieġ titkejjel bil-megabites jew bil-gigabites, meta rilevanti.

(10)

Is-sommarju tal-kuntratt jenħtieġ jipprovdi informazzjoni li tippermetti lill-konsumaturi jikkuntattjaw lill-fornitur tagħhom, speċjalment fil-każ ta’ lment. Minbarra l-indirizz tal-email jew in-numru tat-telefown, l-informazzjoni tal-kuntatt rilevanti tista’ tinkludi l-possibbiltà li jintużaw formoli web jew tipi oħra ta’ kuntatt dirett.

(11)

Is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jenħtieġ jiġu deskritti b’mod ċar u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom tas-servizz jenħtieġ jiġu indikati. Meta applikabbli, jenħtieġ jiġi deskritt it-tip tat-tagħmir.

(12)

Il-punt (d) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jeżiġi li kuntratt li jinkludi servizzi tal-aċċess għall-internet ikun jipprovdi wkoll spjegazzjoni ċara u komprensibbli tal-veloċitajiet minimi, normalment disponibbli, massimi u reklamati tad-download u tal-upload fil-każ ta’ networks fissi, jew tal-veloċitajiet stmati massimi u reklamati tad-download u tal-upload fil-każ ta’ networks mobbli. Il-punt (f) tal-Artikolu 102(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jeżiġi li sommarju ta’ dik l-informazzjoni jiġi inkluż fis-sommarju tal-kuntratt. Is-sommarju tal-kuntratt jenħtieġ jinkludi l-veloċitajiet minimi, normalment disponibbli u massimi tad-download u tal-upload tas-servizzi tal-aċċess għall-internet fil-każ ta’ networks fissi, jew tal-veloċitajiet massimi stmati tad-download u tal-upload tas-servizzi tal-aċċess għall-internet fil-każ ta’ networks mobbli.

(13)

Il-punt (e) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2120 jeżiġi li kuntratt li jinkludi servizzi tal-aċċess għall-internet ikun jipprovdi spjegazzjoni ċara u komprensibbli tar-rimedji disponibbli għall-konsumatur skont il-liġi nazzjonali f’każ ta’ diskrepanza bejn il-prestazzjoni reali tal-aċċess għall-internet u l-prestazzjoni indikata fil-kuntratt. Il-punt (f) tal-Artikolu 102(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jeżiġi li sommarju ta’ dik l-ispjegazzjoni jiġi inkluż fis-sommarju tal-kuntratt. Is-sommarju tal-kuntratt jenħtieġ ikun jinkludi sommarju tar-rimedji disponibbli għall-konsumatur skont il-liġi nazzjonali jekk ikun hemm diskrepanza bejn il-prestazzjoni reali tal-aċċess għall-internet b’rabta mal-veloċità u ma’ parametri oħra relatati mal-kwalità tas-servizz, u l-prestazzjoni indikata fil-kuntratt.

(14)

L-informazzjoni dwar il-prezz jenħtieġ tkun tinkludi il-prezz tal-attivazzjoni applikabbli, l-ispejjeż rikorrenti u relatati mal-konsum, bħall-prezz għal kull perjodu tal-fattura u għal kull xahar biex ikun jista’ jsir tqabbil, l-iskonti kollha u, meta applikabbli, il-prezz tat-tagħmir. Meta jkun japplika prezz promozzjonali, dan jenħtieġ jiġi indikat b’mod ċar, inkluż il-perjodu li matulu ikun validu l-iskont, u l-prezz sħiħ mingħajr l-offerta promozzjonali. L-informazzjoni dwar it-tariffi li ma tkunx inkluża fil-prezz rikorrenti tista’ tkun estensiva, u jenħtieġ ikun biżżejjed li fis-sommarju jiġi indikat li din l-informazzjoni hi disponibbli b’mod separat bħala parti mill-informazzjoni prikuntrattwali sħiħa, pereżempju, b’mezzi elettroniċi.

(15)

L-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni taħt l-intestatura “Id-durata, it-tiġdid u t-terminazzjoni” jenħtieġ tkun tirreferi għat-terminazzjoni tal-kuntratt, inkluż l-offerti raggruppati, minħabba t-tmiem tad-durata tal-kuntratt u minħabba terminazzjoni bikrija, meta applikabbli, skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, inkluż it-tariffi minħabba terminazzjoni bikrija u informazzjoni dwar kif it-tagħmir terminali ma jibqax illokkjat.

(16)

Meta l-informazzjoni dwar prodotti u servizzi differenti għall-utenti finali b’diżabbiltà tkun estensiva u varjabbli, is-sommarju tal-kuntratt jista’ jindika li din l-informazzjoni hi disponibbli fid-dettall b’mod separat, pereżempju, b’mezzi elettroniċi.

(17)

Il-fornituri jistgħu jinkludu informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt jew xi offerta korrispondenti fit-taqsima fakultattiva dwar informazzjoni rilevanti oħra. Din tista’ tinkludi, pereżempju, informazzjoni dwar il-qlib, is-sigurtà, it-trattament tad-data personali, il-konsum tal-enerġija jew il-ġenerazzjoni tal-karbonju. Meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet relatati ma’ aspetti li mhumiex koperti mill-Artikolu 102 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, din l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża f’din it-taqsima fakultattiva mill-fornituri.

(18)

F’konformità mal-Artikolu 123 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, il-Kummissjoni trid twettaq rieżami minn żmien għal żmien tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, bħala parti mir-rapport dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III tal-Parti III ta’ dik id-Direttiva.

(19)

Il-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika ġie kkonsultat.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mudell għas-sommarju tal-kuntratt

Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għajr is-servizzi tat-trażmissjoni użati għall-forniment ta’ servizzi minn magna għal magna għandhom jużaw il-mudell stabbilit fil-Parti A tal-Anness, skont l-istruzzjonijiet stabbiliti fil-Parti B tal-Anness, meta jiġu biex jipprovdu s-sommarju tal-kuntratt.

Artikolu 2

Preżentazzjoni tal-kontenut

1.   Sakemm ma jkunx ġustifikat kif xieraq, is-sommarju tal-kuntratt ma għandux jaqbeż l-ekwivalenti ta’ paġna A4 fuq faċċata waħda meta jiġi stampat. Meta s-servizzi jew is-servizzi u t-tagħmir terminali, li jinkludu mill-inqas servizz tal-aċċess għall-internet jew servizz tal-komunikazzjoni interpersonali bbażat fuq in-numri disponibbli pubblikament, ikunu miġbura f’kuntratt wieħed, is-sommarju tal-kuntratt ma għandux, sakemm ma jkunx ġustifikat kif xieraq, ikun aktar mill-ekwivalenti ta’ tliet paġni A4 fuq faċċata waħda meta jiġi stampat.

2.   L-informazzjoni fis-sommarju tal-kuntratt għandha tiġi ppreżentata skont l-ordni tal-intestaturi stabbiliti fl-Anness b’format wieqaf (portrait). It-tip tat-tipa użata għandu jkun tali li t-test ikun jista’ jinqara faċilment. Id-daqs tat-tipa għandu jkun mill-inqas 10 punti. F’ċirkostanzi ġustifikati kif xieraq, id-daqs tat-tipa jista’ jiċċekken; f’dan il-każijiet, għandha tingħata l-possibbiltà li s-sommarju tal-kuntratt jitkabbar b’mezzi elettroniċi jew li s-sommarju tal-kuntratt jiġi rċevut meta jintalab b’daqs tat-tipa ta’ mill-inqas 10 punti.

3.   Il-kontenut tas-sommarju tal-kuntratt għandu jkun jista’ jinqara faċilment b’kuntrast biżżejjed bejn it-tipa u l-isfond, speċjalment meta jintużaw il-kuluri. L-elementi viżwali ma għandhomx ikunu sovrapposti.

4.   Is-sommarju tal-kuntratt għandu jkun abbozzat b’lingwaġġ li jista’ jinqara faċilment u li jinftiehem mill-konsumaturi. Is-sommarju tal-kuntratt għandu jiffoka fuq l-informazzjoni ewlenija li l-konsumatur jeħtieġ biex iqabbel l-offerti u biex jieħu deċiżjoni infurmata.

5.   L-intestaturi għandhom ikunu distinti b’mod ċar mit-test.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 312, 17.12.2018, p. 36.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(4)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(5)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 04.05.2016, p.1)

(7)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).


ANNESS

MUDELL GĦAS-SOMMARJU TAL-KUNTRATT

PARTI A – Il-mudell

[Isem is-servizz]

[Isem il-fornitur/logo tal-fornitur]

[Kuntatt]

Sommarju tal-kuntratt

Dan is-sommarju tal-kuntratt jipprovdi l-elementi ewlenin ta’ din l-offerta ta’ servizz kif teżiġi l-liġi tal-UE (1).

Dan jgħin biex jitqabblu l-offerti ta’ servizz.

Informazzjoni sħiħa dwar is-servizz tingħata f’dokumenti oħra.

Servizzi u tagħmir

[…]

Il-veloċità tas-servizz tal-internet u r-rimedji

[…]

Il-prezz

[…]

Id-durata, it-tiġdid u t-terminazzjoni

[…]

Karatteristiċi għall-utenti finali b’diżabbiltà

[…]

Informazzjoni rilevanti oħra

[…]

PARTI B – Struzzjonijiet biex jimtela l-mudell tas-sommarju tal-kuntratt

Minnufih taħt it-titlu “Sommarju tal-Kuntratt” għandu jitniżżel isem is-servizz jew isem id-ditta tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika offruti. Minnufih wara isem is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għandu jitniżżel isem il-fornitur. Il-fornitur jista’ jżid il-logo tiegħu fuq in-naħa tal-lemin tat-titlu “Sommarju tal-kuntratt”. It-tliet sentenzi introduttorji jiffurmaw parti integrali mis-sommarju tal-kuntratt u m’għandhomx jinbidlu.

L-isem, l-indirizz u l-informazzjoni tal-kuntatt dirett tal-fornitur u, jekk differenti, l-informazzjoni tal-kuntatt dirett għall-ilmenti, għandhom jitniżżlu taħt l-isem tal-fornitur. Is-sommarju tal-kuntratt għandu jkun datat.

Jekk il-kuntratt ma jkunx jinkludi l-forniment ta’ tagħmir terminali, għandha titneħħa r-referenza għal tagħmir taħt l-intestatura “Servizz[i u tagħmir]” jew għandu jiġi indikat li mhix applikabbli. Jekk il-kuntratt ma jkunx jinkludi servizz tal-aċċess għall-internet, għandha titneħħa t-taqsima dwar “Il-veloċità tas-servizz tal-aċċess għall-internet u r-rimedji” jew għandu jiġi indikat li mhix applikabbli. Jekk ma tingħata l-ebda informazzjoni oħra, għandha titneħħa t-taqsima “Informazzjoni rilevanti oħra” jew għandu jiġi indikat li mhix applikabbli.

Fil-Parti A tintuża tipa bil-korsiv biex tindika li l-intestaturi msemmija hawn fuq u l-informazzjoni relatata mhumiex obbligatorji f’kull ċirkostanza. Il-parenteżi kwadri użati fil-Parti A għandhom jinbidlu bl-informazzjoni mitluba.

It-taqsima “Servizzi u tagħmir”

 

Għandha tingħata deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tas-servizz(i) tal-komunikazzjoni elettronika, pereżempju, tat-telefonija fissa, tat-telefonija mobbli, tal-aċċess mobbli għall-internet, tal-aċċess fiss għall-internet, ta’ servizzi tat-trażmissjoni għax-xandir televiżiv jew ta’ servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numru. Għall-pakketti skont l-Artikolu 107 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta applikabbli, għandha ssir deskrizzjoni wkoll tat-tip ta’ tagħmir terminali u tas-servizzi, bħal pereżempju l-pakketti tat-televiżjoni, il-video-on-demand jew servizzi oħra ta’ midja. Għas-servizzi tat-trażmissjoni għax-xandir televiżiv jew għall-pakketti li jinkludu dawn is-servizzi, jistgħu jiġu deskritti t-tipi ta’ pakketti tat-televiżjoni offruti, meta ma tkunx tista’ ssir lista tal-istazzjonijiet inklużi fil-pakkett. Għall-pakketti, is-servizzi għandhom jiġu elenkati bl-ordni msemmija f’dan il-paragrafu. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi, meta applikabbli, il-volum jew il-kwantità għat-telefonati, għall-messaġġi, u għad-data, u l-politika dwar l-użu ġust tar-roaming li japplika l-fornitur.

It-taqsima “Il-veloċità tas-servizz tal-internet u r-rimedji”

 

Jekk is-servizz ikun jinkludi aċċess għall-internet, għandu jingħata sommarju tal-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (d) u (e) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2120. Għas-servizz tal-aċċess fiss għall-internet tal-inqas għandha titniżżel il-veloċità minima, normalment disponibbli u massima tad-download u tal-upload, u għas-servizz tal-aċċess mobbli tal-internet tal-inqas għandha titniżżel il-veloċità massima stmata tad-download u tal-upload. Għandha ssir deskrizzjoni fil-qosor tar-rimedji disponibbli għall-konsumatur skont il-liġi nazzjonali fil-każ ta’ diskrepanza kontinwa jew li sseħħ regolarment bejn il-prestazzjoni proprja tas-servizz tal-aċċess għall-internet, fir-rigward tal-veloċità jew ta’ parametri oħra tal-kwalità tas-servizz, u l-prestazzjoni indikata fil-kuntratt.

It-taqsima “Il-prezz”

 

Għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika previsti għal pagament monetarju dirett, din it-taqsima għandha tinkludi l-prezzijiet għall-attivazzjoni tas-servizz u t-tariffi rikorrenti jew relatati mal-konsum.

 

Għall-kuntratti ta’ abbonament, il-prezz rikorrenti bit-taxxi kollha inklużi, għal kull perjodu tal-fattura u, jekk il-perjodu tal-fattura ma jkunx kull xahar, għandu jingħata wkoll għal kull xahar. Kull prezz fiss addizzjonali, bħal pereżempju għall-attivazzjoni tas-servizz u, meta applikabbli, l-prezz tat-tagħmir, għandhom jiġu indikati b’mod separat, flimkien mal-iskonti limitati fiż-żmien, meta applikabbli.

 

Meta applikabbli, fis-sommarju tal-kuntratt għandhom jiġu indikati t-tariffi relatati mal-konsum li japplikaw meta jinqabżu l-volumi inklużi fil-prezz rikorrenti. Meta applikabbli għandu jiġi indikat li separatament hemm disponibbli informazzjoni dwar it-tariffi għas-servizzi addizzjonali li mhumiex inklużi fil-prezzijiet rikorrenti.

 

Jekk is-servizz jingħata mingħajr pagament monetarju dirett iżda jkun jimponi ċerti obbligi fuq l-utenti bħala kundizzjoni tas-servizz, dan għandu jiġi indikat.

It-taqsima “Id-durata, it-tiġdid u t-terminazzjoni”

 

Meta applikabbli, fis-sommarju tal-kuntratt għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-durata tal-kuntratt f’xhur u l-kundizzjonijiet ewlenin għat-tiġdid u t-terminazzjoni minħabba t-tmiem tad-durata tal-kuntratt u minħabba terminazzjoni bikrija. Għandhom jiġu inklużi t-tariffi minħabba terminazzjoni bikrija, inkluż informazzjoni dwar kif it-tagħmir terminali ma jibqax illokkjat. Din l-informazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra għat-terminazzjoni li huma previsti mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali bħal fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt.

It-taqsima “Karatteristiċi għall-utenti finali b’diżabbiltà”

 

Għandha tingħata informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi ewlenin għall-utenti finali b’diżabbiltà. Din tista’ tinkludi, meta disponibbli, tal-inqas it-test f’ħin reali, il-konverżazzjoni sħiħa, is-servizzi relay, komunikazzjoni aċċessibbli ta’ emerġenza, tagħmir speċjalizzat, tariffi speċjali u informazzjoni aċċessibbli. Meta applikabbli, id-dettalji jistgħu jiġu indikati li huma disponibbli separatament.

It-taqsima “Kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti”

 

Il-fornituri jistgħu jinkludu kull informazzjoni addizzjonali li teżiġi l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali qabel ma konsumatur jintrabat b’kuntratt jew xi offerta korrispondenti.


(1)  L-Artikolu 102(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).


Top