This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R2089
Regulation (EU) 2019/2089 of the European Parliament and of the Council of 27 November 2019 amending Regulation (EU) 2016/1011 as regards EU Climate Transition Benchmarks, EU Paris-aligned Benchmarks and sustainability-related disclosures for benchmarks (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/90/2019/REV/1
ĠU L 317, 9.12.2019, p. 17–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
9.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 317/17 |
REGOLAMENT (UE) 2019/2089 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Novembru 2019
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-“Aġenda 2030”), li għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli torbot l-SDGs mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni biex ikun żġurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll fuq livell dinji, jieħdu inkonsiderazzjoni l-SDGs mill-bidu nett. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effikaċi u f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. |
(2) |
Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), li ġie approvat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 (3) u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reazzjoni għat-tibdil fil-klima billi, inter alia, jagħmel il-flussi ta’ finanzjament konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima. |
(3) |
Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima, il-mira globali hija li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. |
(4) |
Fit-8 ta’ Ottubru 2018, il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) ippubblika r-Rapport Speċjali dwar Tisħin Globali ta’ 1,5 °C, li ddikjara li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C tkun tirrikjedi bidliet rapidi, ta’ importanza kbira u bla preċedent fl-aspetti kollha tas-soċjetà, u li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C meta mqabbel ma’ 2 °C tista’ ssir filwaqt li tiġi żgurata soċjetà aktar sostenibbli u ekwa. |
(5) |
Is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari huma kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sostenibbiltà ilha żmien twil ċentrali għall-proġett tal-Unjoni, u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirriflettu d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha. Iż-żmien huwa limitat biex il-kultura fis-settur finanzjarju tiġi ttrasformata f’waħda favur is-sostenibbiltà biex jiġi żgurat li ż-żieda fit-temperatura medja globali tibqa’ ferm taħt 2 °C. Huwa għalhekk essenzjali li l-investimenti fl-infrastruttura ġdida jkunu sostenibbli fit-tul. |
(6) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, li jvara strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi ta’ dak il-pjan ta’ azzjoni huwa li jirriorjenta l-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Hija kruċjali enfasi akbar fuq il-limitazzjoni tal-impatt tat-tibdil fil-klima, billi d-diżastri kkawżati minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi imprevedibbli żdiedu b’mod drammatiku. |
(7) |
Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) appellat għal żieda fil-finanzjament mis-settur privat għan-nefqa ambjentali u relatata mal-klima, b’mod partikolari billi jinħolqu inċentivi u metodoloġiji li jistimulaw lill-kumpaniji biex ikejlu l-kostijiet ambjentali tan-negozju u l-qligħ tagħhom li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi ambjentali. |
(8) |
Jenħtieġ, biex jintlaħqu l-SDGs fl-Unjoni, it-trasferiment ta’ flussi ta’ kapital lejn investimenti sostenibbli. Huwa importanti li jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tas-suq intern biex dawk l-għanijiet jintlaħqu. F’dak il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli għall-moviment effiċjenti ta’ kapital lejn investimenti sostenibbli fis-suq intern u li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli ġodda. |
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi regoli uniformi għal parametri referenzjarji fl-Unjoni u jaħseb għal tipi differenti ta’ parametri referenzjarji. Għadd jiżdied ta’ investituri jimplimentaw strateġiji ta’ investiment b’livell baxx ta’ karbonju u jużaw parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju biex ikejlu il-prestazzjoni ta’ portafolji ta’ investiment. L-istabbiliment ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, ibbażati fuq metodoloġija marbuta mal-impenji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karbonju, ikun jikkontribwixxi għal aktar trasparenza u jgħin fil-prevenzjoni tal-greenwashing. |
(10) |
Attwalment hemm varjetà wiesgħa ta’ indiċijiet li huma miġbura flimkien bħala indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju. Dawk l-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju jintużaw bħala parametri referenzjarji għal portafolji u prodotti ta’ investiment li jinbiegħu lil hinn mill-fruntieri. Il-kwalità u l-integrità tal-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju jaffettwaw il-funzjonament effikaċi tas-suq intern f’varjetà wiesgħa ta’ portafolji ta’ investiment individwali u kollettivi. Ħafna indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju li huma użati sabiex ikejlu l-prestazzjoni tal-portafolji ta’ investiment, b’mod partikolari għal kontijiet ta’ investiment segregati u għal skemi ta’ investiment kollettivi, huma fornuti fi Stat Membru wieħed iżda jintużaw minn maniġers ta’ portafolji u ta’ assi fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-maniġers ta’ portafolji u ta’ assi spiss jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom ta’ espożizzjoni għall-karbonju billi jużaw parametri referenzjarji prodotti fi Stati Membri oħra. |
(11) |
Tfaċċaw fis-suq kategoriji differenti ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju b’livelli differenti ta’ ambizzjoni. Filwaqt li xi parametri referenzjarji għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju ta’ portafoll ta’ investiment standard, oħrajn għandhom l-għan li jagħżlu biss komponenti li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ta’ 2 °C stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi. Minkejja d-differenzi fl-objettivi u fl-istrateġiji, bosta minn dawk il-parametri referenzjarji huma ta’ spiss promossi bħala parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju. |
(12) |
L-approċċi diverġenti għal metodoloġiji ta’ parametri referenzjarji jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-suq intern billi mhuwiex ċar għall-utenti tal-parametri referenzjarji jekk indiċi partikolari b’livell baxx ta’ karbonju huwiex parametru referenzjarju allinjat mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jew sempliċement parametru referenzjarju li għandu l-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju ta’ portafoll ta’ investiment standard. Biex jindirizzaw talbiet potenzjalment illeġittimi minn amministraturi dwar in-natura b’livell baxx ta’ karbonju tal-parametri referenzjarji tagħhom, l-Istati Membri x’aktarx li jadottaw ir-regoli tagħhom stess biex jipproteġu l-investituri mill-konfużjoni u mill-ambigwità dwar l-għanijiet u l-livell ta’ ambizzjoni li jirfdu l-kategoriji differenti tal-hekk imsejħa indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju użati bħala parametri referenzjarji għal portafolji ta’ investiment b’livell baxx ta’ karbonju. |
(13) |
Fin-nuqqas ta’ qafas armonizzat biex jiżgura l-preċiżjoni u l-integrità tal-kategoriji prinċipali ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju użati fil-portafolji ta’ investiment individwali jew kollettivi, huwa probabbli li d-differenzi fl-approċċi tal-Istati Membri joħolqu ostakli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. |
(14) |
Sabiex jinżamm funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-benefiċċju tal-investituri, biex jittejjeb aktar il-funzjonament tas-suq intern, u biex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, huwa xieraq li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat bl-introduzzjoni ta’ qafas regolatorju li jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi fil-livell tal-Unjoni. F’dak ir-rigward, huwa ta’ importanza partikolari li tali parametri referenzjarji ma jkunux ta’ dannu sinifikanti għal objettivi oħra ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG, environmental, social and governance). |
(15) |
L-introduzzjoni ta’ distinzjoni ċara bejn il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-iżvilupp ta’ standards minimi għal kull wieħed minn dawk il-parametri referenzjarji tkun tikkontribwixxi għal konsistenza fost dawk il-parametri referenzjarji. Il-Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi jenħtieġ li jkun konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi fil-livell tal-indiċijiet. |
(16) |
Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjonijiet “Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE” u “Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi” jkunu affidabbli u faċli għall-investituri fl-Unjoni kollha sabiex jirrikonoxxu, jenħtieġ li dawk l-amministraturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament biss ikunu eliġibbli biex jużaw dawk id-denominazzjonijiet meta jikkummerċjalizzaw il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi fl-Unjoni. |
(17) |
Sabiex il-kumpaniji jkunu mħeġġa jiddivulgaw miri kredibbli għal tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-amministratur ta’ Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, fl-għażla jew fil-ponderazzjoni tal-assi sottostanti, jenħtieġ li jqis il-kumpaniji li għandhom bħala objettiv it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom lejn allinjament mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Tali miri jenħtieġ li jkunu pubbliċi u kredibbli, fis-sens li jenħtieġ li dawn jirrappreżentaw impenn ġenwin favur id-dekarbonizzazzjoni u jenħtieġ li jkunu dettaljati biżżejjed u fattibbli teknikament. |
(18) |
L-utenti ta’ parametri referenzjarji mhux dejjem ikollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar sa liema punt il-metodoloġija tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji tikkunsidra l-fatturi ESG. Tali informazzjoni ħafna drabi tkun mifruxa jew tkun non-eżistenti, u ma tagħtix lok għat-tqabbil effettiv transfruntier għal skopijiet ta’ investiment. Biex il-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati tajjeb, jenħtieġ li l-amministraturi kollha tal-parametri referenzjarji, bl-eċċezzjoni tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, ikunu obbligati jiddivulgaw fid-dikjarazzjoni tagħhom tal-parametri referenzjarji jekk il-parametri referenzjarji jew il-familji ta’ parametri referenzjarji tagħhom ifittxux jilħqu l-objettivi ESG jew le, u jekk l-amministratur tal-parametru referenzjarju joffrix tali parametri referenzjarji jew le. |
(19) |
Sabiex l-investituri jiġu infurmati dwar il-livell sa fejn il-parametri referenzjarji sinifikanti ta’ ishma u strumenti ta’ dejn, kif ukoll il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar jekk huwiex żgurat u, jekk ikun hekk, sa liema punt ikun żgurat livell ta’ allinjament ġenerali mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. |
(20) |
Jenħtieġ li l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jippubblikaw ukoll il-metodoloġija li huma jużaw għall-kalkolu ta’ dawk il-parametri referenzjarji. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiddeskrivi kif l-assi sottostanti kienu magħżula u ponderati, liema assi kienu esklużi u għal liema raġuni. Sabiex jivvaluta kif il-parametru referenzjarju jikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali, jenħtieġ li l-amministratur tal-parametru referenzjarju jiddivulga kif l-emissjonijiet tal-karbonju tal-assi sottostanti kienu mkejla, il-valuri rispettivi tagħhom, inkluża l-impronta tal-karbonju totali tal-parametru referenzjarju, u t-tip u s-sors tad-data użata. Sabiex il-maniġers tal-assi jkunu jistgħu jagħżlu l-aktar parametru referenzjarju adatt għall-istrateġija ta’ investiment tagħhom, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispjegaw ir-raġuni wara l-parametri tal-metodoloġija tagħhom u jispjegaw kif il-parametru referenzjarju jikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali. L-informazzjoni ppubblikata jenħtieġ li tinkludi wkoll dettalji dwar il-frekwenza tar-rieżamijiet u l-proċedura segwita. |
(21) |
Il-metodoloġiji użati għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jenħtieġ li jkunu msejsa fuq trajettorji ta’ dekarbonizzazzjoni bbażati fuq ix-xjenza, jew fuq allinjament ġenerali mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. |
(22) |
Biex tiġi żgurata konformità kontinwa mal-objettiv magħżul tat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jirrieżaminaw il-metodoloġiji tagħhom regolarment u jinfurmaw lill-utenti dwar il-proċeduri applikabbli għall-introduzzjoni ta’ kwalunkwe bidla materjali għal dawk il-metodoloġiji. Meta jintroduċu bidla materjali, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiddivulgaw ir-raġunijiet għal dik il-bidla u jispjegaw kif dik il-bidla hija konsistenti mal-objettivi inizjali tal-parametri referenzjarji. |
(23) |
Il-parametri referenzjarji li ma jkollhomx assi sottostanti li jkollhom impatt fuq it-tibdil fil-klima, kif ikun il-każ, pereżempju, għall-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, jenħtieġ li jkunu eżenti mir-rekwiżit li jiddivulgaw fid-dikjarazzjoni tal-parametri referenzjarji tagħhom jekk huwiex żgurat u, jekk ikun hekk, sa liema punt ikun żgurat livell ta’ allinjament ġenerali mal-mira tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun biżżejjed għal kull parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, għal kull familja ta’ parametri referenzjarji li ma jfittxux jilħqu objettivi tal-emissjonijiet tal-karbonju li jiddikjaraw b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-parametri referenzjarji li mhumiex qed ifittxu jilħqu tali objettivi. |
(24) |
Sabiex tittejjeb it-trasparenza u jiġi żgurat livell xieraq ta’ armonizzazzjoni, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex tispeċifika l-kontenut minimu tal-obbligi ta’ divulgazzjoni li għalihom ikun jenħtieġ li l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jkunu suġġetti, u biex tispeċifika l-istandards minimi għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġija tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż il-metodu għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-karbonju assoċjati mal-assi sottostanti, filwaqt li jitqiesu l-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjoni kif definit fil-punti (a) u (b) tal-punt 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE (6) u l-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi dwar il-Finanzjament Sostenibbli (TEG). Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa, miftuħa u pubbliċi matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija dwar kull wieħed minn dawk l-atti delegati, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati, u jingħataw il-minuti tal-laqgħat kollha tat-TEG. |
(25) |
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 introduċa perijodu tranżizzjonali li matulu fornituri tal-indiċi li fornew parametri referenzjarji fit-30 ta’ Ġunju 2016 għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2020. Il-waqfien ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jista’ jkollu impatt fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali u l-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u ta’ negozji fl-Istati Membri. Il-waqfien ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jista’ wkoll jaffettwa l-validità ta’ kuntratti finanzjarji jew strumenti finanzjarji u jista’ jikkawża tfixkil kemm għall-investituri kif ukoll għall-konsumaturi, b’riperkussjonijiet potenzjalment serji għall-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, jekk id-data tal-input għal parametri referenzjarji ta’ importanza kritika ma tibqax disponibbli, dan jista’ jdgħajjef in-natura rappreżentattiva ta’ tali parametri referenzjarji u jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ tali parametri referenzjarji li jirriflettu r-realtà sottostanti tas-suq jew ekonomika tagħhom. Għalhekk tenħtieġ l-estensjoni, għal ħames snin, tal-perijodu massimu tal-amministrazzjoni obbligatorja ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika u tal-perijodu massimu tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji għal tali parametri referenzjarji. Il-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika bħalissa għaddejjin minn proċess ta’ riforma. Il-bidla minn parametru referenzjarju ta’ importanza kritika diġà eżistenti għal rata suċċessur adegwata tirrikjedi perijodu ta’ tranżizzjoni sabiex l-arranġamenti legali u tekniċi neċessarji kollha għal din bidla jkunu jistgħu jitlestew mingħajr tfixkil. Matul dak il-perijodu tranżizzjonali, il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika diġà eżistenti jenħtieġ li jiġi ppubblikat flimkien mar-rata suċċessur tiegħu. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi estiż il-perijodu li matulu parametru referenzjarju ta’ importanza kritika diġà eżistenti jista’ jiġi ppubblikat u użat mingħajr ma l-amministratur tiegħu jkun applika għal awtorizzazzjoni. |
(26) |
Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1011
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3(1), jiddaħħlu l-punti li ġejjin:
(*1) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).”;" |
(2) |
l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
fit-Titolu III, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej: “KAPITOLU 3a Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi Artikolu 19a Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi 1. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III għandhom japplikaw għall-forniment ta’, u għall-kontribuzzjoni għal, Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, flimkien mar-rekwiżiti tat-Titoli II, III u IV. 2. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-istandards minimi għal Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi biex tispeċifika:
3. L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jipprovdu Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament sat-30 ta’ April 2020. Artikolu 19b Rekwiżiti għal Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE L-amministraturi ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE għandhom jagħżlu, jipponderaw jew jeskludu assi sottostanti maħruġa minn kumpanniji li jsegwu trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2022, skont ir-rekwiżiti li ġejjin:
Article 19c Esklużjonijiet għal Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi 1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tidentifika, fir-rigward tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, is-setturi li għandhom jiġu esklużi għaliex m’għandhomx miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jitkejlu u bi skadenzi speċifiċi li huma allinjati mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni għandha tadotta dak l-att delegat sal-1 ta’ Jannar 2021 u għandha taġġornah kull tliet snin. 2. Meta tfassal l-att delegat msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħidma tat-TEG. Artikolu 19d Sforz sabiex jiġu pprovduti Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE Sal-1 ta’ Jannar 2022, l-amministraturi li jinsabu fl-Unjoni u li jipprovdu parametri referenzjarji sinifikanti determinati abbażi tal-valur ta’ assi sottostanti wieħed jew aktar għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu, wieħed jew aktar, Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE.”; |
(4) |
fl-Artikolu 21(3), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Sa tmiem dak il-perijodu, l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tobbliga lill-amministratur ikompli jippubblika l-parametru referenzjarju. L-awtorità kompetenti tista’, meta jkun meħtieġ, testendi dak il-perijodu b’perijodu xieraq li ma jaqbiżx 12-il xahar. Il-perijodu massimu ta’ amministrazzjoni obbligatorja m’għandux jeċċedi ħames snin.”; |
(5) |
l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
|
(6) |
fl-Artikolu 27, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin: “2a. Sat-30 ta’ April 2020, għal kull wieħed mir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, id-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju għandha tinkludi spjegazzjoni dwar kif il-fatturi ESG huma riflessi f’kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti u ppubblikati. Għal dawk il-parametri referenzjarji jew familji ta’ parametri referenzjarji li ma jfittxux jilħqu l-objettivi ESG, għandu jkun biżżejjed għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jiddikjaraw b’mod ċar, fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju, li ma jfittxux jilħqu tali objettivi. Fejn ebda Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi ma jkun disponibbli fil-portafoll ta’ dak l-amministratur individwali ta’ parametri referenzjarji, jew fejn l-amministratur individwali ta’ parametri referenzjarji ma jkollu ebda parametru referenzjarju li jfittex jilħaq l-objettivi ESG jew iqis l-objettivi ESG, dan għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjonijiet tal-parametri referenzjarji tal-parametri referenzjarji kollha pprovduti minn dak l-amministratur. Għall-parametri referenzjarji sinifikanti ta’ ishma u strumenti ta’ dejn, kif ukoll għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiddivulgaw fid-dikjarazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tagħhom dettalji dwar jekk huwiex żgurat u, jekk ikun hekk, sa liema punt ikun żgurat livell ta’ allinjament ġenerali mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, skont ir-regoli ta’ divulgazzjoni għall-prodotti finanzjarji fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom, għal kull parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, għal kull familja ta’ parametri referenzjarji, bl-eċċezzjoni tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, jinkludu, fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju tagħhom spjegazzjoni kif il-metodoloġija tagħhom tkun allinjata mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tilħaq l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. 2b. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju skont il-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-format standard li għandu jintuża għar-referenzi għall-fatturi ESG bil-ħsieb li l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jagħmlu għażliet tassew informati u li tkun żgurata l-fattibbiltà teknika tal-konformità ma’ dak il-paragrafu. (*2) Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;" |
(7) |
fl-Artikolu 42(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 41, u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom, b’konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa u miżuri amministrattivi oħra fir-rigward ta’ mill-inqas il-ksur li ġej:
|
(8) |
l-Artikolu 49 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 49 Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(2), 13(2a), 19a(2), 19c(1), 20(6), 24(2), 27(2b), 33(7), 51(6) u 54(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin minn 10 ta' Diċembru 2019 [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn 11 ta' Marzu 2019 [51 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju]. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi identiċi ta’ żmien, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu. 3. Id-delegi ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), 13(2a), 19a(2), 19c(1), 20(6), 24(2), 27(2b), 33(7), 51(6) u 54(3) jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. 5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(2), 13(2a), 19a(2), 19c(1), 20(6), 24(2), 27(2b), 33(7), 51(6) jew 54(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”; |
(9) |
l-Artikolu 51 huwa emendat kif ġej:
|
(10) |
fl-Artikolu 54 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin: “4. Sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-istandards minimi għal Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għal Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi sabiex tiżgura li l-għażla tal-assi sottostanti tkun koerenti ma’ investimenti ambjentalment sostenibbli kif definiti f’qafas għall-Unjoni kollha. 5. Qabel il-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt ta’ dan ir-Regolament u l-fattibbiltà ta’ “parametru referenzjarju ESG”, b’kont meħud tan-natura li qed tevolvi tal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-metodi użati biex dawn jitkejlu. Dak ir-rapport, meta jkun xieraq, għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva. 6. Sal-1 ta’ April 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-operat ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni, inkluż dwar ir-rikors minn amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terz għall-approvazzjoni, ir-rikonoxximent jew l-ekwivalenza, u dwar in-nuqqasijiet potenzjali tal-qafas kurrenti. Dak ir-rapport għandu janalizza l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 4a, 4b u 4c tal-Artikolu 51 għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, anke f’termini ta’ kundizzjonijiet ekwi. Dak ir-rapport għandu jivvaluta b’mod partikolari jekk hemmx bżonn li dan ir-Regolament jiġi emendat, u għandu jiġi akkumpanjat bi proposta leġislattiva, jekk ikun xieraq.”; |
(11) |
l-Annessi huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, 27 ta' Novembru 2019
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
T. TUPPURAINEN
(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019.
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).
(4) Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(5) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).
(6) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1).
ANNESS
Jiżdied l-Anness li ġej:
“ANNESS III
Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi
Metodoloġija għal Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE
(1) |
L-amministratur ta’ Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE għandu jifformalizza, jiddokumenta u jippubblika kwalunkwe metodoloġija użata għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju, u jagħti l-informazzjoni li ġejja, filwaqt li jiżgura l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kif definiti fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1):
Fejn indiċi prinċipali jintuża għat-tiswir ta’ Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, it-tracking error bejn il-Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-indiċi prinċipali għandu jiġi ddivulgat. Fejn indiċi prinċipali jintuża għat-tiswir ta’ Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, il-proporzjon bejn il-valur tas-suq tat-titoli li jkunu fil-Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-valur tas-suq tat-titoli fl-indiċi prinċipali għandu jiġi ddivulgat. |
Metodoloġija għal Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi
(2) |
Minbarra l-punti (1)(a), 1(b) u 1(c), l-amministratur ta’ Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi għandu jispeċifika l-formula jew il-kalkolu li jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk l-emissjonijiet humiex allinjati mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kif definiti fid-Direttiva (UE) 2016/943. |
Bidliet fil-metodoloġija
(3) |
L-amministraturi ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jadottaw proċeduri sabiex jintroduċu bidliet fil-metodoloġija tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw dawk il-proċeduri, u għandhom jippubblikaw kwalunkwe bidla proposta għall-metodoloġija tagħhom u r-raġunament għal dawk il-bidliet. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu konsistenti mal-għan prevalenti li l-kalkoli tal-parametri referenzjarji jkunu konsistenti mal-punti (23a) u (23b) tal-Artikolu 3(1). Dawk il-proċeduri għandhom jipprevedu:
|
(4) |
L-amministraturi ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jeżaminaw regolarment il-metodoloġiji tagħhom tal-anqas fuq bażi annwali biex jiżguraw li l-parametri referenzjarji tagħhom jirriflettu b’mod affidabbli l-objettivi ddikjarati, u għandu jkollhom proċess fis-seħħ li jikkunsidra l-opinjonijiet tal-utenti rilevanti kollha. |
(*1) Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).”